Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba u l-Ġadd it-tajjeb!

Illum niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa, li tfakkarna fil-misteru ta’ Alla waħdieni fi tlett Persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  It-Trinità hija komunjoni ta’ persuni divini li huma waħda mal-oħra, waħda għall-oħra, waħda ġewwa l-oħra: din l-komunjoni hija l-ħajja ta’ Alla, il-misteru ta’ mħabba ta’ Alla l-Ħaj.  U Ġesù wriena dan il-misteru.  Hu kellimna fuq Alla bħala Missier; kellimna fuq l-Ispirtu; u kellimna fuqu nniffsu bħala l-Iben ta’ Alla.  U hekk uriena dan il-misteru.  U meta, wara li qam, bagħat lid-dixxipli biex jevanġelizzaw il-popli, qalilhom biex jgħammduhom “fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28,19).  Dan il-kmand Kristu jafdah f’kull żmien lill-Knisja,  li writet mingħand l-Appostli il-mandat missjunarju.  Jagħtih anke lil kull wieħed minna li, permezz tal-magħmudija, aħna parti mill-komunità tiegħu.

Għalhekk, is-solennità liturġika tal-lum, waqt li tistedinna naħsbu fil-fond fuq il-misteru tal-għaġeb li minnu ġejjin u li lejh sejrin, iġġeddilna l-missjoni li jgħixu l-għaqda ma’ Alla u ngħixu l-għaqda bejnietna fuq il-mudell li toffrilna l-komunjoni divina.  Aħna msejjħin biex ngħixu mhux wieħed mingħajr l-ieħor, wieħed fuq l-ieħor jew wieħed kontra l-ieħor, wieħed mal-ieħor, għall-ieħor u fl-ieħor.  Dan ifisser nilqgħu l-ġmiel tal-vanġelu u nagħtu xhieda li taqbel miegħu; ngħixu l-imħabba reċiproka lejn kulħadd, naqsu ma’ kulħadd il-ferħ u t-tbatija, nitgħallmu nagħtu u nitolbu l-maħfra, u nagħtu aktar importanza lill-kariżmi taħt it-tmexxija tar-Rgħajja.  F’kelma waħda, lilna ġie afdat l-impenn li nibnu komunitajiet ekkleżjali li dejjem aktar isiru jixbħu lill-familja, li huma kapaċi jirriflettu d-dija tat-Trinità u li nevanġelizzaw mhux biss bil-kliem, imma bil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li jgħix fina.

It-Trinità, kif kont qed ngħid, hija wkoll l-aħħar għan li lejh huwa miexi l-pellegrinaġġ tagħna fuq l-art.  Il-mixja tal-ħajja nisranija, fil-fatt, hi mixja essenzjalment “trinitarja”: l-Ispirtu s-Santu jmexxina lejn l-għarfien sħiħ tat-tagħlim ta’ Kristu, u jfakkarna dak li Ġesù għallimna; u Ġesù, min-naħa tiegħu, ġie fid-dinja biex jurina l-Missier, biex imexxina lejh u biex jgħaqqadna mill-ġdid miegħu.  Kollox fil-ħajja nistranija jdur mal-misteru trinitarju u jiġi mitmum skont dan il-misteru infinit.  Għalhekk infittxu li nżommu għoli t-“ton” ta’ ħajjitna, niftakru għal liema tmiem, għal liema glorja neżistu, naħdmu, nissieltu, inbatu; u għal liema premju kbr ninsabu msejjħa.  Dan il-misteru jgħannaq il-ħajja tagħna kollha u dak kollu li jagħmilna nsara.  Dan niftakruh, per eżempju, kull meta rroddu s-salib: fl-isem tal-Missier, u tal-Ibenu tal-Ispirtu s-Santu.  U issa nistedinnkom biex ilkoll tagħmlu flimkien, u b’vuċi qawwija dan is-sinjal tal-salib: “Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu!”.

F’dan l-aħħar jum ta’ Mejju, ix-xahar tal-Madonna, nafdaw lilna nfusna lill-Verġni Marija.  Hi, li aktar minn kull ħlejqa pħra għarfet, adurat, ħabbet il-misteru tat-Trinità Qaddisa, tmexxina minn idejna; tgħinna ngħarfu fil-ġrajjiet tad-dinja is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla, Missier u Iben u Spirtu s-Santu; twassalna biex inħobbu lill-Mulej Ġesù b’qalbna kollha, biex nimxu lejn id-dehra tat-Trinità, l-għan aħħari u tal-għaġeb li lejh miexja l-ħajja tagħna.  Nitolbuha wkoll biex tgħin il-Knisja biex tkun misteru ta’ komunjoni u komunità li tilqa’, fejn kull persuna, speċjalment jekk fqira u mwarrba, tista’ ssib min jilqagħha u tħossa bint Alla, mixtieqa u maħbuba.

_____

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Illum f’Bayonne, fi Franza, se jiġi pproklamat Beatu s-Saċerdot Louis-Edouard Cestac, fundatur tal-Sorijiet Qaddeja ta’ Marija; it-testimonjanza li ta hu ta’ l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu hi għall-Knisja ħeġġa ġdida biex ngħixu bil-ferħ il-vanġelu tal-karità.

Insellem lilkom ilkoll għeżież Rumani u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet, l-iskejjel.  B’mod partikulari nsellem lill-insara minn Valletta (Malta), Cáceres (Spanja), Michoacán (Messiku); dak ġejjin minn Caltanissetta, Soave, Como, Malonno u Persico Dosimo;  il-grupp minn Bovino, flimkien mal-“ Cavalieri di Valleverde”.  Insellem liż-żgħażagħ li rċevew jew li qed jipprepraw irwieħhom biex jirċievu l-Griżma, waqt li nħeġġiġhom biex ikunu xhieda ferrieħija ta’ Ġesù.

Fi tmiem ix-xahar ta’ Mejju, ningħaqad spiritwamnet mal-ħafna forom ta’ devozzjoni lejn l-Imqaddsa Marija; b’mod partikulari nsemmi il-pellegrinaġġ kbir tal-irġiel lejn is-Santwarju ta’ Piekary, fil-Polonja, li għandu bħala tema: “Il-familja, dar li tilqa’”.  Hawn ħafna Pollakki fil-pjazza llum: uruni fejn intom!  Il-Madonna tgħin lil kull familja biex tkun “dar li tilqa’”.

Nhar il-Ħamis li ġej f’Ruma ngħixu l-purċissjoni tradizzjonali tal-Corpus Domini. Fis-19:00 se nqaddes il-quddiesa fi Piazza San Giovanni in Laterano, u hemm naduraw lis-Santissimu Sagrament waqt li nimxu sa Piazza Santa Maria Maggiore.  Nistedinnkom minn issa biex tieħdu sehem f’dan l-att solenni pubbliku ta’ fidi u mħabba lejn Ġesù Ewkaristija, li jinsab preżenti fost il-poplu tiegħu.  Qabel nispiċċaw, ejjew għal darb’oħra nagħmlu s-sinjal tas-Salib, b’leħen għoli, ilkoll kemm aħna! “Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”, waqt li niftakru fil-misteru tat-Trinità.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġbokom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia