Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-istess bħal nhar il-Ħadd li għadda, l-Evanġelju tal-lum jeħodna għal darb’oħra fis-sinagoga ta’ Nażaret, il-villaġġ tal-Galileja fejn Ġesù trabba fil-familja u fej n kien jafu kulħadd. Hu, li minn ftit taż-żmien qabel kien telaq biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu, jerġa’ lura għall-ewwel darba biex jippreżenta ruħu lill-komunità, li fil-jum tas-Sibt kienet miġbura fis-sinagoga.  Jaqra s-silta minn Iżaija li titkellem dwar il-Messija li għad irid jasal u fl-aħħar jistqarr: «Illum seħħet l-Iskrittura li għadkom kif smajtu» (Luqa 4, 21).  Il-konċittadini ta’ Ġesù, li għall-ewwel baqgħu mistgħaġbin u ammirati, wara bdew iqarrsu wiċċhom u jgemgmu bejniethom u jgħidu, “għaliex dan, li jippretendi li hu l-Midluk tal-Mulej, ma jagħmilx f’pajjiżu, ma jagħmilx hawnhekk, il-mirakli li jingħad li għamel f’Kafarnaum u fil-villaġġi tal-madwar?  Allura Ġesù jafferma: «Ħadd mhu profeta f’daru» (v. 24) u jfakkar fil-Profeti l-kbar tal-passat, Elija u Eliżew li kienu għamlu l-mirakli mal-pagani biex jiddenunzjaw in-nuqqas ta’ twemmin tal-poplu tagħhom.  F’dal-waqt, dawk preżenti ħassewhom offiżi, iqumu rrabjati, ikeċċu lil Ġesù ‘l barra u jixtiequ kieku jitfugħ minn fuq l-irdum għal isfel. Imma Hu, bis-setgħa tal-paċi tiegħu, «għadda minnġo nofshom u baqa’ sejjer» (v. 30).  Is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

Din is-silta tal-Evanġelista Luqa mhix sempliċiment tilwima bejn nies mill-istess raħal, kif xi drabi jiġri fil-kwartieri tagħna, li tinqala’ minħabba l-għira u l-ġelożija, imma tqiegħed għad-dawl tentazzjoni li l-bniedem reliġjuż dejjem espost għaliha – ilkoll kemm aħna esposti għal dan – u li jeħtieġ li nżommu bogħod minnha b’rieda qawwija.  U liema hi dit-tentazzjoni?  Hi li nqisu r-reliġjon bħala invetiment uman u, bħala konsegwenza, nibdew “niġġebdu” ma’ Alla għax infittxu l-interessi tagħna.  Imma, fir-reliġjon vera, aħna għandna nilqgħu r-rivelazzjoni ta’ Alla li hu Missier u jieħu ħsieb kull kreatura maħluqa minnu, anki l-iżgħar u tal-anqas tifsir f’għajnejn il-bnedmin.  Dan hu propju l-misteru profetiku ta’ Ġesù: li jħabbar li ebda kundizzjoni umana ma tista’ tkun raġuni għall-esklużjoni! – mill-qalb tal-Missier, u li l-uniku privileġġ f’għajnejn Alla hu li ma jkollokx privileġġi. L-uniku privileġġ għal għajnejn Alla hu li ma jkollokx privileġġi, li ma jkollox parrini, li tintelaq għal kollox f’idejH.

«Illum seħħet din l-Iskrittura li għadkom kif smajtu» (Luqa 4,21).  L-“illum” imxandar minn Kristu dakinhar jgħodd għal kull żmien; jidwi għalina wkoll li qiegħdin fil-pjazza, u jfakkarna fl-attwalità u l-ħtieġa tas-salvazzjoni li Ġesù ġab lill-umanità.  Alla jiġi jiltaqa’ mal-bnedmin ta’ kull żmien, f’kull imkien, fis-sitwazzjoni konkreta li jkunu jinsabu fiha.  Jiġi jiltaqa’ magħna wkoll.  Dejjem ikun Hu li jagħmel l-ewwel pass: jiġi jżurna bil-ħniena tiegħu, biex jerfgħana mit-trab ta’ dnubietna: jiġi joffrilna idu biex jgħinna nitilgħu mill-abbiss li fih waqqgħatna l-kburija tagħna, u jistedinna nilqgħu il-verità mimlija faraġ tal-Evanġelju u biex nimxu fit-toroq tat-tajjeb.  Hu dejjem jiġi jżurna, ifittixna.

Immorru lura fis-sinagoga. Ċertament, dakinhar, fis-sinagoga ta’ Nażaret kien hemm ukoll Marija, l-Omm.  Nistgħu nimmaġinaw dak li ħasset f’qalbha, anitċipazzjoni żgħira ta’ dak li kellha ssofri taħt is-Salib,  meta kienet qed tħares lejn Ġesù, hemmhekk, fis-sinagoga, għall-ewwel ammirat, imbagħad sfidat, u wara insultat, mhedded bil-mewt.  F’qalbha mimlija fidi hi kienet tostor kollox.  Ħa tgħinna Hi biex nikkonvertu minn alla tal-mirakli lejn il-miraklu ta’ Alla, li hu Ġesù Kristu.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Din il-marda, minkejja li qed tonqos, sfortunatament, għadha tolqot lill-persuni foqra u emarġinati.  Importanti li nżommu ħajja s-solidarjetà ma’ dawn ħutna, li baqgħu invalidi minħabba dan il-mikrobu.  Aħna naċċertawhom mit-talb tagħna u naċċertaw l-appoġġ tagħna lil min qiegħed jgħinhom:  lajċi kuraġġużi, sorijiet kuraġġużi, saċerdoti kuraġġużi.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll għeżież pellegrini li ġejtu minn diversi parroċċi fl-Italja u minn pajjiżi oħra, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet u lill-gruppi.  Irrid insellem b’mod partikolari  lill-istudenti minn Cuenca u minn Torreagüera (Spanja). Insellem lill-fidili minn Taranto, Montesilvano, Macerata, Ercolano u Fasano.

U issa nsellem liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika tad-Djoċesi ta’ Ruma!  Issa qiegħed nifhem għaliex kien hemm tant storbju fil-pjazza!  Għeżież żgħażagħ, dis-sena wkoll, akkumpanjati mill-Kardinal Vigarju u mill-assistenti tagħkom, ġejtu hawn f’għadd kbir fi tmiem “Il-Karwana tal-Paċi” li għamiltu.

Din is-sena, ix-xhieda tagħkom ta’ paċi, mħeġġa mill-fidi f’Ġesù, se tkun aktar ferrieħa u attenta, għax mgħonija mill-ġest li għadkom kif għamiltu, id-dħul mill-Bieb tal-Ġublew.  Inħeġġiġkom biex tkunu strumenti ta’ paċi u ħniena ma’ sħabkom tamparkom!  Issa nisimgħu l-messaġġ li se jaqraw ħbiebkom li qiegħdin hawn ħdejja.

(Qari tal-messaġġ)

U issa ż-żgħażagħ li hemm fil-pjazza se jiltilqu l-bżieżaq, simbolu tal-paċi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-pranzu t-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber