Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna fatt li ġara f’Ġeriko, meta Ġesù wasal f’dik il-belt fejn laqgħetu l-folla (cfr Luqa 19,1-10).  F’Ġeriko kien jgħix Żakkew, il-kap tal-“pubblikani”, jiġifieri dawk li kienu jiġbru t-taxxi.  Żakkew kien kollaboratur għani tar-Rumani li kienu jokkupaw il-belt, kien jisfrutta l-poplu tiegħu.  Għall-kurżità, huwa wkoll ried jara lil Ġesù, imma l-kundizzjoni tiegħu ta’ midneb pubbliku ma kinitx tippermettilu li jersaq qrib l-Imgħallem; aktar minn hekk, kien qasir, u għalhekk tela’ fuq tina selvaġġa fit-triq li minnha kellu jgħaddi Ġesù.

Meta jasal qrib dik is-siġra, Ġesù jgħolli ħarstu u jgħidlu: “Żakkew, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek» (v. 5).   Nistgħu nimmaġinaw l-istgħaġib ta’ Żakkew!  Imma għaliex Ġesù jgħid «jeħtieġli noqgħod f’darek”?  X’kienet dil-ħtieġa?  Nafu li d-dmir suprem hu li jwettaq il-pjan tal-Missier għall-umanità kollha, li jsib il-milja tiegħu f’Ġerusalemm bil-kundanna għall-mewt, it-tislib u l-qawmien mill-imwiet fit-tielet jum.  Hu l-pjan tas-salvazzjoni tal-ħniena tal-Missier.  U f’dan il-pjan hemm ukoll is-salvazzjoni ta’ Żakkew, raġel diżonest u disprezzat minn kulħadd, għalhekk bil-ħtieġa li jikkonverti.  Infatti, l-Evanġelju jgħid li meta Ġesù sejjaħlu, «in-nies bdew igemgmu u jgħidu: “għand wieħed midneb mar joqgħod!”» (v. 7).  Il-poplu kien jara fih brikkun li stagħna minn fuq dahar il-proxxmu.  U kieku Ġesù qal: “Inżel, int li tisfrutta n-nies, traditur tal-poplu!  Ejja tkellem miegħi biex nagħmlu l-kontijiet!”, żgur li l-poplu kien jinfexx iċapċap.  Imma minflok, bdew igemgmu u jgħidu bejniethom: “Ġesù mar għandu, fid-dar tal-midneb, ta’ dak li jisfruttana”

Immexxi mill-ħniena, Ġesù kien qiegħed ifittex propju lilu.  U meta jidħol fid-dar ta’ Żakkew jgħid: «Illum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni, għax hu wkoll iben Abram.  Infatti, Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf» (vv. 9-10).  Il-ħarsa ta’ Ġesù tmur ‘l hinn mid-dnubiet u l-preġudizzji.  Dan hu importanti!  Jeħtieġ nitgħallmuh.  Il-ħarsa ta’ Ġesù tmur ‘l hinn mid-dnubiet u l-preġudizzji; Hu jara lill-persuna bl-għajnejn ta’ Alla, li ma jieqafx iħares lejn il-passat, imma jara t-tajjeb tal-futur; Ġesù ma jirrassenjax ruħu għall-għeluq imma jiftaħ dejjem, jiftaħ dejjem spazji ġodda tal-ħajja; ma jieqafx fuq dak li jidher imma jħares lejn il-qalb.  U hawnhekk ħares lejn il-qalb miġrugħa ta’ dan ir-raġel: miġrugħa bid-dnub tal-kilba, minn tant ħwejjeġ koroħ li kien għamel dan Żakkew.  Jara dik il-qalb miġrugħa u jmur hemmhekk.

Kultant aħna nippruvaw nikkoreġu jew nikkonvertu lil xi midneb billi nċanfruh, nikkonfrontawh bl-iżbalji tiegħu u imġiebtu inġusta.  L-atteġġjament ta’ Ġesù ma’ Żakkew jurina triq oħra: dik, li lil min żbalja nuruh is-siwi tiegħu, dak il-valur li Alla jkompli jara minkejja kollox, minkejja l-iżbalji kollha ta’ dak li jkun. 

Dan jaf iqanqal fina sorpriża pożittiva, li trattab il-qalb u timbotta lil-persuna biex toħroġ it-tajjeb tagħha.  Hu mod kif lill-persuni nnisslulhom il-fiduċja li tkabbar u tibdel.  Hekk iġib ruħu Alla magħna lkoll: ma jibqax ċass quddiem id-dnub tagħna, imma jegħlbu bl-imħabba u jġegħelna nħossu fina n-nostalġija biex nagħmlu t-tajjeb.  Ilkoll kemm aħna ħassejnieha din-nostalġija għat-tajjeb wara li nkunu żbaljajna.  U l-istess jagħmel Alla l-Missier, l-istess jagħmel Ġesù.  M’hemm ebda bniedem li m’għandux xi ħaġa tajba fih.  U Alla lejn dan iħares biex lil dak li jkun jiġbdu ‘l barra mill-ħażen.

Il-Verġni Marija tgħinna naraw it-tajjeb li hemm fil-persuni li niltaqgħu magħhom kuljum, biex ilkoll ikunu nkoraġġiti ħalli joħorġu minn ġo fihom ix-xbieha t’Alla li hemm ittimbrata fi qlubhom.  U hekk inkunu nistgħu nithennew bis-sorpriżi tal-ħniena ta’ Alla!  Alla tagħna li hu Alla tas-sorpriżi!


Wara l-Angelus:                                                              

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Madrid ġew dikjarati Beati José Antón Gómez, Antolín Pablos Villanueva, Juan Rafael Mariano Alcocer Martínez u Luis Vidaurrázaga Gonzáles, martri, maqtulin fi Spanja fis-seklu li għadda waqt il-persekuzzjoni kontra l-Knisja.  Kienu saċerdoti Benedittini.  Infaħħru ‘l Alla u nitolbu l-interċessjoni tagħhom għal ħutna li, sfortunatament, anki llum, f’bosta mkejjen tad-dinja huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Italja tan-Nofs li ntlaqtu mit-terremot.  Dalgħodu wkoll kien hemm theżżiża qawwija.  Nitlob għall-feruti u għall-familji li sofrew telf akbar, kif ukoll għall-persuni li qiegħdin jagħtu l-għajnuna u jassistu lil dawn in-nies.  Il-Mulej Irxoxt itihom il-qawwa u l-Madonna tħarishom.

Insellem minn qalbi lill-pellegrini kollha mill-Italja u minn Pajjiżi oħra, partikolarment lil dawk li ġejjin minn Ljubliana (Slovenja) u minn Sligo (l-Irlanda).  Insellem lill-parteċianti tal-pellegrinaġġ dinji tal-“hairdressers” u l-“beauticians”, lill-Federazzjoni Nazzjonali tal-Kortej u l-Logħob Storiku, lill-gruppi taż-żgħażagħ minn Petosino, Pogliano Milanese, Carugate u Padova.  Insellem ukoll lill-pellegrini tal-UNITALSI (trasport tal-morda f’Lourdes) mis-Sardegna.

Fil-jumejn li ġejjin se nagħmel vjaġġ appostoliku fl-Isvezja fl-okkażjoni tat-tifkira tar-Riforma, li se tlaqqa’ flimkien Kattoliċi u Luterani fil-fakra u t-talb.  Nitlobkom ilkoll biex titolbu ħalli dan il-vjaġġ ikun pass ġdid fil-mixja lejn il-fraternità u l-għaqda sħiħa.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb – hawn xemx sabiħa... – u l-festa t-tajba tal-Qaddisin Kollha.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber