Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd jippreżentalna diskussjoni bejn Ġesù u xi Fariżej u Skribi.  Id-diskussjoni kienet dwar il-valur tat-tradizzjonijiet antiki (Mk 7,3) li Ġesù, jiddeskrivi bi kliem il-Profeta Iżaija «preċetti tal-bnedmin» (v. 7) u li qatt m’għandhom jieħdu post «il-Kmandamneti t’Alla» (v. 8).  Ir-regoli antiki li kienu qed jitkellmu dwarhom ma kinux biss dawk li Alla kien irrivela lil Mosè, imma serje ta’ impożizzjonijiet li kienu jispeċifikaw il-liġi ta’ Mosè.  Il-Fariżej u l-Iskribi kienu japplikaw dawn in-normi b’ħafna skruplu u kienu jippreżentawhom bħala espressjoni ta’ reliġjożità awtentika.  Għalhekk iċanfru lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu minħabba li dawn ma kinux jobduhom bil-preċiżjoni, partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-indafa esterjuri tal-ġisem (cfr v.5).  It-tweġiba ta’ Ġesù għandha l-qawwa ta’ dikjarazzjoni profetika: «Intom twarrbu l-Kmandamenti t’Alla - jgħidilhom Ġesù – biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin» (v.8).  Dan  hu kliem li jimlina b’ammirazzjoni lejn l-Imgħallem tagħna: inħossu li fiH hemm il-verità u li l-għerf tiegħu jeħisna mill-preġudizzji.

Imma, attenzjoni!  B’dal-kliem, Ġesù jrid iwissi anki lilna llum, biex ma naħsbux li l-osservanza tal-liġi f’dak li jidher hi biżżejjed biex inkunu Nsara tajbin.  L-istess bħalma kien jiġri lill-Fariżej ta’ dak iż-żmien, għalina wkoll jeżisti l-periklu li nħossuna f’postna, jew agħar minn hekk, aħjar mill-oħrajn, għax li nosservaw ir-regoli, id-drawwiet, anki jekk imbagħad ma nħobbux il-proxxmu, għandna qalb iebsa, suppervi u mkabbrin bina nfusna.  Li nosservaw il-liġijiet bir-reqqa jkun kollu bla effett jekk qalbna ma tinbidilx u l-atteġġjamneti tagħna ma jsirux konkreti: irridu ninfetħu għal-laqgħa ma’ Alla u mal-Kelma tiegħu, bit-talb, billi nfittxu l-ġustizzja u l-paċi, ngħinu lill-foqra, lid-dgħajfa, lill-magħkusin.  Ilkoll nafu kemm ħsara jagħmlu lill-Knisja dawk li fil-komuntajiet tagħna, fil-parroċċi tagħna, fil-kwartieri fejn ngħixu, jgħidu li huma Kattoliċi ħafna u jmorru l-Knisja spiss, imma fil-ħajja ta’ kuljum, jittraskuraw il-familja, jisparlaw dwar l-oħrajn u jagħmlu affarijiet oħra bħal dawn.  Dan hu dak li jikkundanna Ġesù għax din hi kontro-testimonjanza Nisranija.

Biex ikompli l-eżortazzjoni tiegħu, Ġesù ffoka fuq aspett aktar profond u afferma: «m’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ mill-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem» (v, 15).  B’hekk Hu afferma l-primat tal-interjorità tal-bniedem, jiġifieri l-primat “tal-qalb”.  Mhumiex l-affarijiet li jidhru li jagħmluna qaddisin jew le, imma hi l-qalb li tesprimi l-intenzjonijiet tagħna, l-għażliet tagħna u x-xewqa li nagħmlu kollox għall-imħabba t’Alla.  L-atteġġjamenti li jidhru huma konsegwenza ta’ dak li nkunu ddeċidejna f’qalbna, mhux bil-maqlub: bl-atteġġajament tad-dehir m’aħniex Insara veri jekk qalbna ma tinbidilx.  Il-fruntiera bejn it-tajjeb u l-ħażin ma tgħaddix ‘il barra minna imma pjuttost, ġewwa fina.  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: fejn hi qalbi?  Ġesù kien jgħid: “fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek”.  Liema hu t-teżor tiegħi?  Huwa Ġesù u d-duttrina tiegħu?  Allura qalbek hi tajba.  Jew it-teżor tiegħek hu xi ħaġa oħra?  Għalhekk, hija l-qalb li trid tissaffa u tikkonverti.  Mingħajr qalb imsoffija qatt ma jista’ jkollna verament idejna nodfa, xufftejn li jistqarru kliem sinċier ta’ mħabba – kollox doppju, ħajja doppja -, xufftejn li jistqarru kliem ta’ ħniena, ta’ maħfra.  Dan tista’ tagħmlu biss qalb sinċiera u safja.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa nitolbu lill-Mulej itina qalb pura, ħielsa minn kull ipokrisija.  Dan hu l-aġġettiv li Ġesù jagħti lill-Fariżej: “ipokriti”, għax jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra.  Qalb ħielsa minn kull ipokrisija biex ikollna ħila ngħixu skont l-ispirtu tal-liġi u naslu għall-għanijiet tagħha, jiġifieri għall-imħabba.

 


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Harissa, fil-Libanu, ġie dikjarat beatu l-isqof Siro-Kattoliku Flaviano Michele Melki, martri.  Fl-isfond ta’ persekuzzjoni ħarxa kontra l-Insara, hu kien jiddefendi bla heda d-drittijiet tal-poplu tiegħu, kien iħeġġeġ lil kulħadd bex jibqa’ sod fil-fidi.  Anki llum, għeżież ħuti, fil-Lvant Nofsani u fi nħawi oħra tad-dinja, l-Insara huma persegwitati.  Hawn aktar martri milli kien hemm fl-ewwel sekli.  Jalla l-beatifikazzjoni ta’ dan l-isqof timlihom bil-faraġ, bil-kuraġġ u bit-tama imma jalla tkun ukoll stimolu għal-leġiżlaturi u l-gvernijiet biex kullimkien tkun imħarsa l-libertà reliġjuża.  U lill-komunità internazzjonali nitlobha tagħmel xi ħaġa biex twaqqaf il-vjolenza u s-soprużi.

Bi sfortuna anki fil-jiem li għaddew għadd ta’ migranti tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġi terribbli.   Nitlob għal dawn ħutna kollha u nistedinkom titolbu għalihom.  Ningħaqad partikolarment mal-Kardinal Schönborn – li llum qiegħed hawn – u mal-Knisja kollha tal-Awstrija, fit-talb għal dawk il-71 vittma, li fosthom kien hemm erbgħat itfal, li nstabu f’TIR fuq l-awtostrada bejn Budapest u Vjenna.  Nerħu r-ruħl ta’ kull wieħed u waħda minnhom fil-ħniena ta’ Alla: u lilU nitolbuh jgħinna biex nikkoperaw b’mod effettiv ħalli dawn il-krimini jieqfu għax joffendu l-familja umana kollha kemm hi.  Ejjew nitobu fis-skiet għall-migranti kollha li qed ibatu u għal dawk li tilfu ħajjithom.

Insellem lill-pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, parikolarment lill-iskawts minn Lisbona u lill-fidili minn Zara (il-Kroazja).  Insellem lill-fidili minn Verona u Bagnolo, minn Nogale; liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Vicenza, lil dawk minn Rovato u mill-parroċċa San Galdino f’Milan; lit-tfal minn Salzano u Arconate.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber