Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Id-diskors tal-parabboli ta’ Ġesù, li jiġbor fih seba’ parabboli li jinsabu fit-tlettax-il kapitlu tal-Evanġelju ta’ Mattew, jintemm bit-tliet similitudnijiet tal-lum: it-teżor moħbi (v.44), il-ġawhra prezzjuża (v. 45-46) u x-xibka tas-sajd (v. 47-48).  Se nieqaf fuq l-ewwel tnejn għax dawn jisħqu dwar id-determinazzjoni tal-protagonisti li jbiegħu kollox biex jiksbu dak li jkunu skoprew.  Fl-ewwel każ hemm bidwi li b’kumbinazzjoni jaħbat ma’ teżor moħbi fl-għalqa fejn qiegħed jaħdem.  Minħabba li l-għalqa ma kinitx tiegħu, jeħtieġlu jixtriha jekk irid jiskeb it-teżor għalih: għalhekk jaqtagħha li jirriskja kull ma’ kellu biex ma jitlifx dik l-opportunità tassew eċċezzjonali.  Fit-tieni każ insibu neguzjant tal-ħaġar prezzjuż, li ta’ bniedem espert induna b’ġawhra ta’ valur kbir.  Huwa wkoll jaqtagħha li jirriskja kollox minħabba fiha, tant li jbigħ il-bqija kollu.

Dawn is-similitudnijiet jitfgħu dawl fuq żewġ karatteristiċi li għandhom x’jaqsmu mal-kisba tas-Saltna t’Alla: it-tiftix u s-sagrifiċċju.  Hu minnu li s-Saltna t’Alla hi għal kulħadd – hija don, hija rigal, hija grazzja – imma mhix mogħtija (lilna) fuq platt tal-fidda, teħtieġ id-dinamiżmu: hi tiftix, mixja, azzjoni.  L-atteġġjament tat-tiftix huwa l-kundizzjoni essenzjali biex wieħed isib; jeħtieġ li l-qalb tkun tkebbes bix-xewqa li tikseb l-oġġett prezzjuż, jiġifieri s-Saltna t’Alla li hi preżenti fil-persuna ta’ Ġesù.  Huwa Hu t-teżor moħbi, huwa Hu l-ġawhra ta’ valur kbir.  Huwa Hu l-iskoperta fundamentali li tista’ tagħti l-bidla deċisiva lil ħajjitna, billi tfawwarha bit-tifsir.

Quddiem is-sejba mhix mistennija, kemm il-bidwi, tant ieħor in-neguzjant jindunaw li quddiemhom kellhom okkażjoni li ma setgħux iħalluha taħarbilhom, għalhekk ibiegħu kull ma’ kellhom.  L-istima tal-prezz bla qies tat-teżor, iwassal għal deċiżjoni li tiġbor fiha wkoll sagrifiċċju, distakk u ċaħda.  Meta jinstabu t-teżor u l-ġawhra, jiġifieri meta nkunu sibna ‘l-Mulej, hemm bżonn li din is-sejba ma nħalluhiex ħawlija, imma nissagrifikaw kull ħaġ’oħra għaliha.  Ma jfissirx li niddisprezzaw il-bqija kollu, imma li kollox inqegħeduh fi grad anqas minn Ġesù, billi lilu ntuh l-ewwel post.  Il-grazzja fl-ewwel post.  Id-dixxiplu ta’ Kristu mhux il-bniedem li ċċaħħad minn xi ħaġa essenzjali; huwa dak li sab ħafna aktar: sab il-ferħ sħiħ li l-Mulej biss jaf jagħti.  Huwa l-ferħ evanġeliku tal-morda mfejjqin; tal-midinbin maħfura; tal-ħalliel li nfetaħlu l-bieb tas-sema.

Il-ferħ tal-Evanġelju jfawwar il-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.  Dawk li jħalluh isalvahom huma meħlusin mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt interjuri, mill-iżolament.  Il-ferħ jitwieled u jerġa jitwieled dejjem ma’ Ġesù (cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, n. 1).  Illum aħna mħeġġin biex nikkuntemplaw il-ferħ tal-bidwi u tan-negozjant tal-parabboli.  Huwa l-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minna meta niskopru l-qrubija u l-preżenza li tfarraġ ta’ Ġesù, f’ħajjitna.  Preżenza li tittrasforma l-qalb u tiftaħna għall-ħtieġijiet u l-laqgħa ta’ ħutna, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, nitolbu sabiex kull wieħed u waħda minna jagħraf jagħti xhieda, bil-kliem u bil-ġesti tal-ħajja ta’ kuljum, tal-ferħ li nkunu sibna t-teżor tas-Saltna t’Alla, jiġifieri l-imħabba li tana l-Missier permezz ta’ Ġesù.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum qed jiġi ċelebrat il-Jum Dinji kontra t-traffikar tal-persuni, imniedi mill-Ġnus Magħquda.  Kull sena, eluf ta’ rġiel, nisa u tfal jisfaw vittmi innoċenti tal-isfruttament tax-xogħol, sesswali u tan-negozju tal-organi, u donnu jidher li tant  drajnieh dan li qed inqisuh bħala xi ħaġa normali.  Dan hu ikraħ, krudili, hu kriminali!  Nixtieq insejjaħ lil kulħadd għall-impenn sabiex din il-ġerħa perversa, għamla ta’ jasar modern, tkun miġġielda kif jixraq.  Nitolbu flimkien lill-Verġni Marija biex tieqaf mal-vittmi tat-traffikar u tikkonverti l-qlub tat-traffikanti.  Nitolbu lill-Madonna flimkien:

Sliem għalik Marija......

Issa nsellem lill-pellegrini kollha li ġejjin mil-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lis-sorijiet Murialdine ta’ San Ġużepp, lin-novizzi tas-sorijiet ta’ Marija Awżiljatriċi, lill-Ministratnti minn diversi parroċċi fl-Italja u lill-klabb Taljan tal-‘Hockey Femenino’ ta’ Buenos Aires.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jgħoġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber