Il-Papa Franġisku

Angelus

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 30 ta’ Marzu 2014

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba

Il-Vanġelu tal-lum jippreżentalna l-episodju tar-raġel imwieled għami, li Ġesù jfejjaq billi jagħtih id-dawl.  Dar-rakkont twil jibda fl-għami li jibda jara u jispiċċa – dan fatt kurjuż – b’nies li suppost jaraw imma li jibqgħu għomja f’ruħhom.  Il-miraku jiġi rakkuntat minn Ġwanni f’żewġ versi, għax l-evanġelista ried ipoġġi l-attenzjoni fuq dak li jseħħ wara l-miraklu, mhux fuq il-miraklu nniffsu, fuq id-diskussjonijiet li dan il-miraklu jqajjem; ried ipoġġi l-attenzjoni anke fuq il-paroli: spiss azzjoni tajba, azzjoni ta’ ħniena, ġġib ħafna paroli u diskussjoni, għax dejjem hemm min ma jridx jara l-verità.  L-evaġelista Ġwannni irid jiġbed l-attenzjoni fuq dak li jiġri anke fi żmienna me ssir xi azzjoni tajba.  L-għama mfejjaq l-ewwel jiġi mistoqsi minn ġemgħa mgħaġġba – raw il-miraklu u jistaqsuh dwaru –, imbagħad jiġi mistoqsi mill-għorrief tal-liġi; u dawn isaqsu anke lill-ġenituri tiegħu.  Fl-aħħar l-għama mfejjaq jimxi ‘l quddiem fil-fidi, u din hija l-akbar grazzja li jtih Ġesù: mhux biss li jara, imma li jsir jafu, li jarah bħala “d-dawl tad-dinja” (Ġw 9,5).

Waqt li l-għama jersaq bil-mod lejn id-dawl, l-għorrief tal-liġi, għall-kuntrarju, jegħrqu dejjem aktar fl-għama interjuri tagħhom.  Magħluqin fl-arroganza tagħhom, huma jemmnu li ġa għandhom id-dawl; u għalhekk ma jiftħux qalbhom għall-verità ta’ Ġesù.  Jagħmlu minn kollox biex jiċħdu l-provi konkreti.  Ipoġġu fid-dubju l-identità tar-raġel imfejjaq; imbagħad jiċħdu l-ħidma ta’ Alla fil-fejqan, billi jippreżentaw l-iskuża li Alla ma jaħdimx nhar ta’ Sibt; saħansitra jaslu biex jiddubitaw jekk dak ir-raġel kienx verament imwieled għami.  L-għeluq tagħhom għad-dawl isir agressiv u jwassal biex dak ir-raġel imfejjaq jiġi mkeċċi mit-tempju.

Il-mixja tal-għama, iżda, hija mogħdija mmarkata b’diversi waqfiet, li titlaq mill-għarfien tal-isem ta’ Ġesù. Ma jaf xejn aktar dwaru; fil-fatt jgħid: « Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih» (v. 11). Wara l-insistenza tal-mistoqsijiet tal-għorrief tal-liġi, l-ewwel jaħseb li hu profeta (v. 17) imbagħad raġel li hu qrib Alla (v. 31).  Wara li jiġi mkeċċi mit-tempju, imwarrab mis-soċjetà, Ġesù jsibu mill-ġdid u “jiftaħlu għajnejh” għat-tieni darba, billi jurih min hu verament: «Jien il-Messija», hekk jgħidlu.  Hawn dak li kien għami jgħajjat: «Nemmen, Mulej!» (v. 38), u jinxteħet għarkubbtejh quddiemu.  Din hi is-silta tal-vanġelu li turi t-traġedja tal-għama interjuri ta’ ħafna nies, anke l-għama tagħna stess għax aħna kultant ikollna minn dawn il-mumenti ta’ għama interjuri.

Il-ħajja tagħna kultant tixbaħ lil dik tal-għami li nfetaħ għad-dawl, li nfetaħ għal Alla, li nfetaħ għall-grazzja tiegħu.  Kultant, b’xorti ħażina, ħajjitna tixbaħ xi ftit lil dik tal-għorrief tal-liġi:  mill-għoli tal-suppervja tagħna niġġudikaw lill-oħrajn, u saħansitra lill-Mulej!  Illum ninsabu mistednin biex ninfetħu għad-dawl ta’ Kristu biex nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna, biex inwarrbu l-imġieba li mhix nisranija; aħna lkoll insara, imma lkoll kemm aħna, ilkoll, kultant ikollna mġieba li mhix nisranija, imġieba li hija dnub.  Hemm bżonn li nindmu minn dan, negħlbu din l-imġieba u nimxi b’rieda sħiħa fit-triq tal-qdusija.  Din għandha l-bidu tagħha fil-magħmudija.  Aħna wkoll, fil-fatt, “ġejna mdawwla” minn Krsitu fil-magħmudija, sabiex, kif ifakkarna San Pawl, nistgħu nġibu ruħna bħala «ulied id-dawl» (Ef 5,8), bl-umiltà, bil-paċenzja, bil-hniena.  Dawn l-għorrief tal-liġi la kellhom umiltà, la paċenzja, u lanqas hniena!

Illum nagħtikom parirL meta tmorru lura d-dar, aqbdu l-Vanġelu ta’ San Ġwann u aqraw din is-silta minn kapitlu 9.  Jagħmlilkom tajjeb, għax hekk taraw din it-triq mill-għama għad-dawl u t-triq l-oħra, il-ħażina, li twassal għal għama aktar imdallma.  Ejjew nistaqsu lilna nfusna: kif inhi qalbna? Għandi qalb miftuħa jew magħluqa? Miftuħa jew magħluqa għal Alla? Miftuħa jew magħluqa għall-proxxmu?  Dejjem se jkun hemm xi għeluq fina, għeluq imnissel minħabba d-dnub, minħabba l-iżbalji, minħabba n-nuqqasijiet.  M’għandniex nibżgħu!  Ejjew ninfetħu għad-dawl tal-Mulej, Hu dejjem jistenniena biex jgħinna naraw aħjar, biex jagħtina aktar dawl, biex jaħfrilna.  Ejjew ma ninsewhx dan!  Nafdaw il-mixja tar-Randan lill-Verġni Marija, sabiex aħna wkoll, bħall-għama mfejjaq, bil-grazzja ta’ Kristu nkunu nistgħu “naslu għad-dawl”, nimxu ‘l quddiem lejn id-dawl u nitwieldu għal ħajja ġdida.

-----

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tisijiet:

Insellem lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-għaqdiet u lill-insara ndividwali ġejjin mill-Italja u minn ħafna Pajjiżi, b’mod partikulari dawk ta’ Ponferrada u Valladolid; l-istudenti u l-għalliema tal-kulleġġi ta’ Murcia, Castelfranco de Cordoba u Laganés; l-imsieħba tal-kulleġġi ta’ Pariġi u l-emigrati Portugiżi li jgħixu f’Londra.

Insellem il-Movimento Giovanile Lasalliano, il-grupp “Giovani, arte e fede di Santa Paola Frassinetti”, u l-istudenti universitarji ta’ Venezia.

Insellem b’mod partikulari lill-militari Taljani li temmew pellegrinaġġ bil-mixi minn Loreto sa Ruma fi spirtu ta’ talb biex tinsab soluzzjoni paċifika u ġusta fejn hemm in-nuqqas ta’ qbil. Din hija ħaġa mill-isbaħ: Ġesù fil-Beatitudnijiet  jgħid li henjin huma dawk li jaħdmu għall-paċi.

Ħsieb imur ukoll għall-gruppi tal-insara ta’ Potenza, Atella, Sulmona, Lomagna, Conegliano, Locara, Napli, Afragola, Ercolano u Torre del Greco; għat-tfal tal-Griżma ta’ Gardone Valtrompia, Ostia, Reggio Emilia, Fane, Serramazzjoni u Parma; għall-istudenti ta’ Massa Carrara u Genova-Pegli.

Insellem fl-aħħar lill-Corale ta’ Brembo, lill-Polisportiva Laurentino ta’ Ruma, lill-motoċiklisti ta’ Terni-Narni; lir-rappreżentanti tal-WWF-Italia, waqt li nħeġġiġhom fl-impenn tagħhom favur l-ambjent.

Tinsewx illum: id-dar, aqbdu l-Vanġelu ta’ San Ġwann, kap 9 u aqraw din l-istorja tal-għama li sar jara u ta’ dawk li kienu jaħsbu li kienu jaraw li għerqu aktar fl-għama tagħhom.

Nawgura li kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti min Fr Jonathan Farrugia.