IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 29 ta' Diċembru, 2019

 

Għeżież ħuti!

Illum verament ġurnata sabiħa....  Illum qed niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa ta' Nażaret.  Bil-kelma "mqaddsa" dil-familja tidħol fl-ambitu tal-qdusija li hi don t'Alla imma li, fl-istess ħin, hi rabta ħielsa u responsabbli mal-proġett ta' Alla.

Kif nistgħu ma nistgħaġbux, per eżempju, bil-manswetudni ta' Marija għall-istedina tal-Ispirtu s-Santu li talabha ssir omm il-Messija?  Għax Marija, bħal kull xbejba ta' żmienha, kienet  waslet biex twettaq il-proġett ta' ħajjitha konkretament, jiġifieri, kienet se tiżżewweġ lil Ġużeppi.  Iżda meta ssir konxja li Alla kien qed isejħilha għal missjoni partikolari, tiddikjara lilha nfisha "qaddejja" bla tlaqliq (cfr Lq 1, 38).  Ġesù jigglorifika l-kobor tagħha mhux tant minħabba r-rwol tagħha ta' omm, imma għall-ubbidjenza tagħha lejn Alla.  Ġesù qal: "Imberkin dawk li jisimgħu l-Kelma t'Alla u jagħmluha" (Lq 11, 28), bħalma għamlet Marija.  U meta ma fehmitx għal kollox il-ġrajjiet li sabet ruħha fihom, fis-skiet, Marija bdiet timmedita, tirrifletti u tqim l-inizjattiva divina.  Il-preżenza tagħha f'riġlejn is-salib tikkonsagra din id-disponibbiltà sħiħa tagħha.

Imbagħad, f'dak li għandu x'jaqsam ma' Ġużeppi, l-Evanġelju ma jtina ebda kelma mlissna minnu: hu ma jitkellimx, imma jobdi.  Hu l-bniedem tas-silenzju, il-bniedem tal-ubbidjenza.  Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 2, 13-15.19-23) issemmi l-ubbdjenza tal-bniedem ġust Ġużeppi, tliet darbiet, u tirreferi għall-ħarba lejn l-Eġittu u r-ritron lejn l-art ta' Iżrael.  Bit-tmexxija ta' Alla, rappreżentat mill-anġlu, Ġużeppi jbiegħed il-familja tiegħu mit-theddid ta' Erodi, u jsalvaha.  B'hekk il-familja mqaddsa ssir solidali mal-familji kollha tad-dinja mġagħalin jeżiljaw ruħhom, hi solidali ma' kull min hu mġiegħel jabbanduna artu minħabba r-ripressjoni, il-vjolenza, il-gwerra.

Fl-aħħar, it-tielet persuna tal-Familja Mqaddsa, Ġesù.  Ġesù huwa r-rieda tal-Missier: fih, jgħid San Pawl, ma kienx hemm "iva" u "le", imma "iva" biss (cfr 2Kor 1,19).  U dan deher sew  f'tant waqtiet tal-ħajja tiegħu fid-dinja.  Per eżempju, l-episodju fit-tempju meta lill-ġenituri tiegħu inkwetati hu jwieġibhom: "Ma kontux tafu li jien għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" (Lq 2,49); il-fatt li bla heda jtenni: "L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta' min bagħatni" (Ġw 4,34); it-talba tiegħu, fil-Ġnien taż-Żebbuġ: "Missier, jekk dal-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek" (Mt 26,42).  Dawn il-ġrajjiet kollha huma t-twettiq perfett tal-istess kliem ta' Kristu li jgħid: "Int ma ridtx la sagrifiċċju u lanqas offerta  (....).  Għalhekk għidt: "Hawn jien (....) biex, O Alla, nagħmel ir-rieda tiegħek" (Lhud 10, 5-7; Salm 40 7-9).

Marija, Ġużeppi u Ġesù: il-Familja Mqaddsa ta' Nażaret huma tweġiba korali għar-rieda tal-Missier: it-tliet membri ta' dil-familja jgħinu lil xulxin biex jiskopru l-proġett ta' Alla.  Huma kienu jitolbu, jaħdmu, jitkellmu flimkien.  U jien nistaqsi: int, fil-familja tiegħek taf tikkomunika jew qiesek it-tfal mal-mejda, kollha bil-mowbajl f'idejhom jiċċattjaw?  Fuq dik il-mejda hemm silenzju qieshom qiegħdin ilkoll il-quddies... Imma m'hemmx komunikazzjoni bejniethom.  Jeħtieġ nerġħu nibdew niddjalogaw fil-familja: missirijiet, ġenituri, ulied, nanniet u aħwa, għandhom jikkomunikaw bejniethom...  Din hi l-biċċa xogħol li għandna nagħmlu llum propju fil-ġurnata tal-Familja Mqaddsa.  Jalla l-Familja Mqaddsa tkun mudell għall-familji tagħna, sabiex il-ġenituri u l-ulied isostnu lil xulxin b'rabta mal-Evanġelju, is-sies tal-qdusija tal-familja.

Inħallu f-idejn Marija "Reġina tal-familja", lill-familji kollha tad-dinja, speċjalment dawk mikdudin minħabba tbatija u skomdu, u ninvokaw fuqhom kollha il-protezzjoni materna tagħha.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

nitolbu l-Mulej għall-vittmi tal-attentat terroristiku orribbli tal-bieraħ f'Mogadisciu, fis-Somalja, fejn splodiet karrozza u mietu aktar minn 70 persuna.  Jien qrib tal-familjari kollha u ta' kull min qed jibki xi telfa.  Ngħidu flimkien: Sliem għalik, Marija,.....

Insellmilkom ilkoll, Rumani, pellegrini, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u żgħażagħ.  Illum nagħti tislima speċjali lill-familji li jinsabu hawn u lil dawk li jinsabu magħna permezz tat-televiżjoni u tar-radju.  Il-familja hi teżor prezzjuż: jeħtieġ insostnuha dejjem, inħarsuha: 'il quddiem!

Insellem imbagħad lill-istudenti minn Forlì, lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Adrara San Martino, minn Calcinate u lill-grupp tal-adoloxxenti mill-parroċċa San Giuliano, f'Albino, Bergamo.

Insellmilkom ilkoll u nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u tmiem is-sena hieni.  Intemmu s-sena fil-paċi, paċi tal-qalb: dan nawguralkom.  U, fil-familji nikkomunikaw ma' xulxin.  Irroddilkom ħajr mill-ġdid tal-awguri tagħkom u tat-talb tagħkom.  Komplu, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-MAlti mit-Taljan minn Joe Huber