Il-Papa Frangisku

Angelus,

Festa tal-Familja Mqaddsa

Il-Ħadd, 29 ta' Diċembru 2013

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

F’dan l-ewwel Ħadd wara l-Milied, il-Liturġija tistedinna niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret.  Fil-fatt kull presepju jurina l il Ġesù flimkien mal-Madonna u San Ġużepp fil-grotta ta’ Betlehem.  Alla ried jitwieled f’familja tal-bnedmin, ried li jkollu omm u missier bħalna.

U llum l-Evanġelju qed jurina l-Familja mqaddsa fit-triq iebsa tal-eżilju, waqt li jfittxu l-kenn fl-Eġittu.  Ġużeppi, Marija u Ġesù jduqu l-kundizzjoni mwiegħera tar-refuġjati, kundizzjoni mmarkata mill-biża, mill-inċertezza u mill-inkwiet (cfr Mt 2, 13-15.1923).  B’xorti ħażin, fi żminijietna, miljuni ta’ familji jistgħu jagħrfu lilhom infushom f’din ir-realtà tan-niket.  Kważi kuljum it-televiżjoni u l-gazzetti jagħtu l-aħbarijiet dwar refuġjati li jaħarbu mill-ġuħ, mill-gwerra, minn perikli serji oħra, biex ifittxu l-kenn u ħajja li tixirqilhom għalihom u għall-familji tagħhom.

F’artijiet imbegħeda, anke meta jsibu xogħol, ir-refuġjati u l-immigrati mhux dejjem isibu lil min jilqagħhom bil-qalb, bir-rispett u lil min japprezza l-valuri li huma jġibu magħhom.  Dak li huma b’mod leġittimu jfittxu u jistennew li jsibu spiss jidħol f’konflitt ma’ sitwazzjonijiet kumplikati u diffikultajiet li spiss jidhru impossibbli biex jingħelbu.  Għalhekk, waqt li nwaħħlu ħarsitna fuq il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret fil-mument meta hi mġegħla li ssir refuġjata, naħsbu fil-ħajja diffiċli ta’ dawk l-immigrati u r-rifuġjati li sfaw vittmi tar-rifjut u tal-abbuż, li sfaw vittmi tal-bejgħ tal-bnedmin u tax-xogħol bħala lsiera.  Imma ejjew naħsbu wkoll fl-“eżijati” l-oħra: jien insejjħilhom “eżiljati moħbija”, dawk l-eżiljati li jinsabu fil-familji stess: l-anzjani, per eżempju, li xi drabi jiġu trattati daqs li kieku kienu xi piż żejjjed.  Spiss naħseb li nistgħu nieħdu idea ta’ kif sejra familja billi nosservaw kif jiġu trattati t-tfal u l-anzjani li għandha fi ħdanha.

Ġesù ried jagħmel parti minn familja li daqet dawn id-diffikultajiet, sabiex ħadd ma jħossu eskluż mill-imħabba ta’ Alla li hu dejjem fil-qrib.  Il-ħarba lejn l-Eġittu minħabba t-theddid ta’ Erodi turina li Alla jinsab hemm fejn il-bniedem qiegħed fil-periklu, hemm fejn il-bniedem ibati, hemm fejn dan jaħrab, hemm fejn iduq ir-rifjut u s-solitudni; imma Alla jinsab ukoll hemm fejn il-bniedem joħlom, hemm fejn jittama li jmur lura lejn art twelidu fil-libertà, hemm fejn jagħmel il-proġetti u l-għażliet għal ħajtu għad-dinjità tiegħu u ta’ qrabatu.

F’din il-għodwa l-ħarsa tagħna fuq il-Familja mqaddsa tinġibed ukoll mis-sempliċità tal-ħajja li din il-familja tgħix f’Nażaret.  Dan huwa eżempju li jagħmel ħafna ġid lil-familji tagħna, jgħinhom isiru dejjem aktar komunitajiet ta’ mħabba u ta’ għaqda, fejn kulħadd iduq il-ħlewwa, l-għajnuna reċiproka u l-maħfra reċiproka.  Niftakru f’dawk it-tlett kelmiet fundamentali biex familja tgħix fil-paċi u fil-ferħ: permess, grazzi u skużani.  Meta fil-familja ħadd ma jagħmel li jrid u kulħadd jistaqsi l-“permess”, meta fil-familja ħadd ma jkun egoist u jitgħallem jgħid “grazzi” u meta fil-familja meta xi ħadd jinduna li għamle xi ħaġa ħażina u jaf jgħid “skużani”, f’dik il-familja hemm il-paċi u hemm il-ferħ.  Ejjew niftakruhom dawn it-tlett kelmiet.  U nistgħu nirrepetuhom ilkoll flimkien: permss, grazzi, skużni.

Nixtieq ukoll inħeġġeġ lill-familji biex jagħrfu l-importanza li għandhom fil-Knisja u fis-soċjetà.  It-tħabbra tal-evanġelju, fil-fatt, tibda minn ġol-familja, biex imbagħad tilħaq is-setturi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Ejjew insejħu bil-qawwa lill-Imqaddsa Marija, l-omm ta’ Ġesù u l-omm tagħna, u lil San Ġużepp, l-għarus tagħha.  Nitolbuhom biex idawwlu, isabbru, imexxu kull familja fid-dinja, sabiex kull familja tkun tista’ taqdi bid-dinjietà u fl-hena il-missjoni li Alla fdalha.

------

Wara l-Angelus, il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

Il-Konċistorju u s-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss se jieħdu ħsieb it-tema tal-familja, u l-fażi preparatorja ġa nbdiet xi żmien ilu.  Għalhekk illum, nhar il-festa tal-Familja Mqaddsa nixtieq nerħi f’idejn Ġesù, Marija u Ġużeppi dan ix-xogħol sinodali, billi nitlob għall-familji tad-dinja kollha.  Nistedinkom biex tingħaqdu miegħi spiritwament f’din it-talba li se ngħid:

Talba lill-Familja Mqaddsa:

Ġesù, Marija u Ġużeppi, fikom nikkontemplaw id-dija tal-imħabba vera, lejkom bit-tama nduru.  Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, ibdel il-familji tagħna wkoll f’inħawi ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb, skejjel tassew tal-Evanġelju u knejjes domestiċi ċkejknin. Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, jalla qatt aktar fil-familji ma jkun hemm esperjenzi ta’ vjolenza, ta’ għeluq u ta’ firda:  jalla kull min qatt kien imweġġa’ jew skandalizzat jagħraf fis il-faraġ u l-fejqan.  Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, jalla s-Sinodu tal-Isqfijiet i jmiss jagħraf irawwem mill-ġdid f’kulħadd l-għarfien tal-karattru qaddis u invjolabbli tal-famija, u l-ġmiel taħgha fil-pjan ta’ Alla.  Ġesù, Marija u Ġużeppi, isimgħu it-talb tagħna u aqalgħuh.  Amen.

 

Inwassal tislima speċjali lil dawk l-insara li huma magħqudin magħna minn Nażaret, fil-bażilka tal-Annunzjazzjoni, fejn hemm is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet; l-insara minn Barcellona, fil-bażilka tas-Sagrada Familia, fejn hemm il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja; l-insara minn Loreto, fil-bażilka-santwarju tas-Santa Casa.  U nwassal din it-tislima wkoll lil dawk kollha miġburin f’divesi partijiet tad-dinja għal ċelebrazzjonijiet oħra li fihom il-protagonista hija l-familja, bħal per eżempju f’Madrid.

Fl-aħħar, insellem minn qalbi lill-pellegrini kollha li hawn f’din il-pjazza, speċjalment lill-familji!  Naf li fosthom hawn il-familji tal-komunità Rumena f’Ruma.  Insellem liż-żgħażagħ tall-Moviment tal-Fokolarini ġejjin minn ħafna pajjiżi, u liż-żgħażagħ kollha, fosthom il-gruppo mid-djoċeżijiet ta’ Milan, Como, Lodi, Padova, Vicenza u Concordia-Pordenone.  Insellem liż-żgħażagħ ta’ Curno u Calcinate flimkien mal-katekisti tagħhom; l-insara ta’ Salcedo, Carzago Riviera, San Giovanni in Persiceto u Modica.

Lilkom ilkoll nixtieqilkom festa sabiħa tal-Familja Mqaddsa, Ħadd sabiħ u tajjeb, u ikla tajba.  Insellmilkom!

  

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.