Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dal-Ħadd, il-liturġija ttina silta qasira imma importanti ħafna (cfr Mt 22,34-40).  L-evanġelista Mattew jirrakkonta li l-fariżej iltaqgħu biex jippruvaw iġarrbu lil Ġesù.  Wieħed minnhom, duttur tal-liġi, jagħmilliu dil-mistoqsija: “Mgħallem, liema hu l-akbar Kmadandament fil-Liġi?” (v. 36).  Hi mistoqsija malizzjuża, għax fil-Liġi ta’ Mosè hemm imniżżlin aktar minn sitt mitt regola.  Kif jista’ jingħaraf minn fosthom kollha, liema hu l-akbar kmandament?  Iżda Ġesù, bla tlaqliq ta’ xejn iwieġeb: “Ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”.  U jżid: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (vv. 37.29).

Dit-tweġiba ta’ Ġesù mhix waħda mistennija (for granted), qalb il-ħafna preċetti tal-liġi Għebrajka, l-aktar li kienu importanti kienu l-għaxar Kmandamenti, li Alla ta’ direttament lil Mosè bħala kundizzjonijiet għall-patt tal-alleanza mal-Mulej.  Inti tista’ tagħmel ħafna affarijiet tajbin, tosserva ħafna regoli, tagħmel tant ħwejjeġ tajbin, imma jekk m’għandekx l-imħabba, dan kollu ma jiswa xejn.

Jikkonferma dan test ieħor mill-Ktieb tal-Eżodu, magħruf ukoll bħala “l-Ktieb tal-Patt”, fejn jingħad li ma tistax tkun f’Patt mal-Mulej u tittratta ħażin lil dawk li huma taħt il-protezzjoni tiegħu.  U min huma dawn li jinsabu taħt il-protezzjoni tiegħu?  Tgħidilna l-Bibbja: l-armla, l-orfni u l-barrani, il-migrant, jiġifieri l-persuni l-aktar iżolati u mingħajr difiża (cfr 22,20-21).  Hu u jwieġeb lil dawk il-fariżej li kienu għamlulu l-mistoqsija, Ġesù jipprova jgħinhom biex jorganiżżaw ir-reliġjożità tagħhom, biex jiksbu lura l-għarfa ta’ dak li jgħodd verament u dak li anqas importanti.  Ġesù jgħid: “Fuq dawn iż-żewġ Kmandamenti jistrieħu l-Liġi kollha u l-Profeti” (Mt 22,40).  Huma l-aktar importanti, u l-oħrajn jiddependu minn dawn it-tnejn.  U kien propju hekk li Ġesù għexha ħajtu: jipprietka u jwettaq dak li jgħodd verament u li hu essenzjali, jiġifieri l-imħabba.  L-imħabba tixpruna l-ħajja u tagħmel għammiela lilha u lill-mixja tal-fidi: mingħajr l-imħabba kemm il-ħajja kif ukoll il-fidi, jibqgħu ħawlija.

Dak li jipproponi Ġesù f’dil-paġna evanġelika hu ideal stupend, li jwieġeb għax-xenqa l-aktar awtentika ta’ qalbna.  Infatti, aħna ġejna maħluqin biex inħobbu u biex inkunu maħbubin.  Alla, li hu mħabba, ħalaqna biex nieħdu sehem mill-ħajja tiegħu, biex inkunu maħbubin minnu u biex inħobbuh, u biex miegħu inħobbu lill-bnedmin l-oħrajn kollha.  Din hi “l-ħolma” t’Alla għall-bniedem.  U biex inwettquha neħtieġu l-grazzja tiegħu, għandna bżonn titnissel fina l-ħila li nħobbu, ħila li tiġi minn Alla nnifsu.  Ġesù jingħata lilna fl-Ewkaristija propju għal dir-raġuni.  Fiha aħna nirċievu lil Ġesù fil-milja sħiħa ta’ mħabbtu, meta Hu offra lilu nnifsu lill-Missier għas-salvazzjoni tagħna.

Il-Verġni Mqaddsa tgħinna nilqgħu f’ħajjitna “il-kmandament il-kbir” tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Infatti, anki jekk dan nafuh sa minn mindu kollna tfal, qatt m’aħna se nieqfu nikkonvertu lejn dan u (qatt m’aħna se nieqfu) nqegħeduh fil-prattika fis-sitwazzjonijiet differenti li nsibu ruħna fihom.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Caxias do Sol, fil-Brażil, kien dikjarat Beatu, Giovanni Schiavo, saċerdot tal-Ġużeppini ta’ Murialdo.  Twieled fuq l-għoljiet ta’ Vicenza fil-bidu tas-seklu għoxrin u meta kien għadu żgħażugħ intbagħat fil-Brażil fejn ħadem b’żelu kbir biex jaqdi lill-popu t’Alla u fil-formazzjoni tar-reliġjużi rġiel u nisa.  Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna ngħixu fil-milja tagħha r-rabta tagħna ma’ Ġesù u mal-Evanġelju.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini Taljani u minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk ġejjin minn Ballygawley (l-Irlanda), Salisburgu (Awstrija) u mir-reġjun ta’ Traunstein u Berchtesgaden (Ġermanija).  Insellem lill-parteċipanti tal-Konvenju tal-Istudji Sekulari Taljani, u nħeġġiġhom biex jibqgħu jagħtu xhieda tal-Evanġelju fid-dinja; u lill-assoċjazzjoni tad-donaturi tad-demm FIDAS minn Orta Nova (Foggia).  Hemmhekk qed nara li hemm xi Kolombjani!

Insellem lill-komunità minn Togo li tgħix l-Italja, kif ukoll lil dik mill-Venezwela, li jinsabu hawn bix-xbieha tal-Sinjura ta’ Chiquinquirà, iċ-“Chinita”.  Nafdaw it-tamiet u l-aspirazzjonijeit ta’ dawn iż-żewġ nazzjonijiet f’idejn Marija.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber