Is-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl
PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza
San Pietru
Is-Sibt,
29
ta’ Ġunju
2019
Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!
Il-Qaddisin, San Pietru u San Pawl, li llum qed nagħmlu l-festa tagħhom, xi drabi narawhom fl-ikoni jsostnu l-binja tal-Knisja. Dan ifakkarna fil-kliem tal-Evanġelju tal-lum li fih Ġesù jgħid lil Pietru: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16,18). Hi l-ewwel darba li Ġesù lissen il-kelma “Knisja”, iżda aktar milli naħsbu fuq il-kelma “Knisja”, nixtieq nistedinkom taħsbu fuq il-kelma “tiegħi”: il-Knisja tiegħi. Ġesù ma jitkellimx fuq il-Knisja bħala realtà esterna, imma jesprimi l-imħabba kbira li għandu lejha: il-Knisja tiegħi. Ġesù jħobbha lill-Knisja tiegħu; hu jħobbna. San Pawl kiteb hekk: “Kristu ħabb lill-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Efes 5,25); l-Appostlu fissrilna li Ġesù ħabb lill-Knisja bħala l-għarusa tiegħu. Għall-Mulej, aħna m’aħniex grupp ta’ nies li jemmnu jew xi organizzazzjoni reliġjuża, aħna l-għarusa tiegħu. Minkejja l-iżbalji u t-tradimenti tagħna, Hu jħares lejn il-Knisja tiegħu b’tenerezza; iħobbha b’ fedeltà assoluta,. Bħalma qal lil Piteru, illum qed jgħid lilna lkoll: “Knisja tiegħi, Intom il-Knisja tiegħi”.
U aħna wkoll nistgħu ntennu: il-Knisja tiegħi. U dan ma ngħiduhx fis-sens li għandna xi ħaġa li hi tagħna, imma ngħiduh b’ dik l-imħabba li fiha tinkludi lil kulħadd. Ma ngħiduhx biex inħossuna differenti mill-oħrajn, imma biex nitgħallmu kemm hi ħaġa sabiħa li noqogħdu mal-oħrajn għax Ġesù jridna magħqudin mal-oħrajn u miftuħin għalihom. Filfatt, il-Knisja mhijiex “tiegħi” għax twieġeb għal dak li rrid jien, għax-xewqat tiegħi, imma għax hi tħobbni u jien inħobbha. Hi tiegħi għax tieħu ħsiebi, u għax bħalma jagħmlu l-Appostli fl-ikona, jien ukoll insostniha. Kif? Bl-imħabba tal-aħwa. Jekk inħobbu lil xulxin bħal aħwa, aħna nistgħu ngħidu: il-Knisja tiegħi.
F’ikona oħra, naraw lil San Pietru u San Pawl iħaddnu lil xulxin. Dawn it-tnejn kienu tassew differenti minn xulxin: sajjied u fariżew b’esperjenza ta’ ħajja, karattri, imġiba u sensibbiltà għal kollox differenti minn xulxin. Kellhom opinjonijiet differenti u ma naqsux id-dibattiti bil-miftuħ bejn dawn it-tnejn (ara Gal 2,11 ss.). Iżda dak li kien jgħaqqadhom kien ferm akbar: Ġesù kien il-Mulej tagħhom it-tnejn, flimkien kienu jgħidu: “Mulej tiegħi” lil dak li qal “il-Knisja tiegħi”. Dawn ħutna fil-fidi qed jistednuna biex niskopru mill-ġdid l-ferħ li aħna aħwa fil-Knisja. F’din il-festa, li tgħaqqad lil dawn iż-żewġ Appostli tant differenti minn xulxin, tkun ħaġa sabiħa li kull wieħed minna jgħid: “Nirringrazzjak Mulej għal dik il-persuna li hi differenti minni: hi don għall-Knisja tiegħi”.
Aħna differenti minn xulxin, imma din id-differenza tagħmilna għonja; din hi l-fratellanza. Kemm hi ħaġa tajba li napprezzaw il-kwalitajiet tal-oħrajn, li nirrikonoxxu d-doni tagħhom bla malinjità u għira. L-għira! L-għira ġġib magħha l-imrar; hi l-ħall tal-qalb. L-għajjurin għandhom ħarsa mimlija qrusa. Ħafna drabi meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd għajjur, jiġik li tistaqsi: x’ħa għall-breakfast , kafe’ bil-ħalib jew ħall? Għax l-għira hi qrusa; twassal lill-ħajja biex tiqras. Kemm hi ħaġa sabiħa, jekk minflok nagħrfu li aħna ta xulxin, għax naqsmu l-istess fidi, l-istess imħabba, l-istess tama, l-istess Mulej. Aħna nappartjenu għal xulxin u din hi xi ħaġa tassew sabiħa. Nistgħu ngħidu: il-Knisja tagħna! Aħna aħwa!
Fl-aħħar tal-Evanġelju Ġesù jgħid lil Pietru: “Irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21,17). Ġesù qed jitkellem dwarna, “in-ngħaġ tiegħu“ , b’dik l-istess tenerezza li biha jgħid il-Knisja tiegħi. X’imħabba kbira għandu għalina Ġesù; b ‘liema tenerezza jħobbna! Iħossna tiegħu. Din hi l-imħabba li tibni l-Knisja.
Ejjew illum bl-interċessjoni tal-Appostli nitolbu l-grazzja li nħobbu ‘l-Knisja tagħna. Nitolbu għajnejn li permezz tagħhom nistgħu naraw aħwa fil-Knisja, qalb li tilqa’ lill-oħrajn b’ dik l-imħabba tenera li Ġesù jħobb lilna. U nitolbu l-forza li neħtieġu biex nitolbu għal min ma jaħsibhiex bħalna. Dak l-ieħor ma jaħsibhiex bħali: nitlob għalih. Nitolbu u nħobbu, mhux nitkellmu kontra dak li jkun, forsi minn wara dahru. Qatt m’għandna nitkellmu kontra dak li jkun, imma: itolbu u ħobbu. Nitolbu lill-Madonna li ġabret lill-Appostli flimkien u talbet magħhom (ara Atti 1,14) biex tieħu ħsiebna bħala aħwa fil-Knisja.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard