Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum il-Knisja, pellegrina f’Ruma u fid-dinja kollha, tmur lejn l-għeruq tal-fidi tagħha u tiċċelebra l-Appostli Pietru u Pawlu.  Il-fdalijiet mortali tagħhom, imħarsin fiż-żewġ Bażiliċi dedikati lilhom, huma ħafna għal qalb ir-Rumani u l-għadd kbir ta’ pellegrini li jiġu minn kull naħa tad-dinja biex ituhom qima.

Nixtieq nieqaf fuq l-Evanġelju (cfr Mt 16,13-19) li ttina l-Litruġija f’dil-festa.  Fih għandna rakkont ta’ episodju fundamentali għall-mixja tal-fidi tagħna.  Huwa d-djalogu li fih Ġesù jagħmel mistoqsija lid-dixxipli dwar l-identità tiegħu.  L-ewwel Hu jistaqsi: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-Bniedem?” (v. 13).  Imbagħad idur direttament lejhom: “Intom min tgħidu li jien?” (v. 15).  B’dawn iż-żewġ mistoqsijiet, Ġesù donnu jrid jgħid li hi ħaġa, li timxi skont l-opinjoni dominanti tal-mument u hi ħaġa oħra tiltaqa’ miegħu u tinfetaħ għall-misteru tiegħu: hemmhekk issir taf il-verità.  L-opinjoni publika fiha tweġiba vera, imma parzjali; Pietru, u miegħu l-Knisja kollha tal-bieraħ, tal-lum u ta’ dejjem, bil-grazzja t’Alla jwieġeb u jistqarr il-verità:  “Int Kristu, l-Iben t’Alla l-ħaj” (v. 16).

Mal-medda tas-sekli, id-dinja ddeskriviet lil Ġesù b’ħafna modi: profeta kbir tal-ġustizzja u tal-imħabba; mgħallem għaref tal-ħajja; rivoluzzjonarju; ħalliem tal-ħolm ta’ Alla... u aktar.  Tant affarijiet sbieħ.  Fil-konfużjoni  ta’ dawn u ta’ ipotesijiet oħra, tidwi llum ukoll, sempliċi u ċara, l-istqarrija ta’ Xmun imsejjaħ Pietru, raġel umli u mimli fidi: “Int Kristu, Iben t’Alla l-ħaj” (v. 16).  Ġesù hu Iben Alla: għalhekk hu dejjem ħaj bħalma hu dejjem ħaj Missieru.  Din hi n-novità li bil-grazzja tkebbes il-qalb ta’ min jinfetaħ għall-misteru ta’ Ġesù: iċ-ċertezza li mhix matematika, imma aktar qawwija, interjuri, li ltqajt mal-Għajn tal-Ħajja, il-Ħajja nfisha magħmula laħam, li tidher u tintmiss, fostna.  Din hi l-esperjenza tan-nisrani, u mhix mertu tiegħu, mertu tagħna l-insara, u mhix mertu tagħna, imma ġejja minn Alla, hija grazzja t’Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu.  Dan kollu jinsab fiż-żerriegħa, fit-tweġiba ta’ Pietru; “inti Kristu, Iben Alla l-ħaj”.

Imbagħad, it-tweġiba ta’ Ġesù hi mimlija dawl: “Int Pietru u fuq dil-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u l-biben tal-infern ma jegħlbuhiex” (v. 18).  Hi l-ewwel darba li Ġesù jgħid il-kelma “Knisja”: u jagħmel dan billi jesprimi l-imħabba tiegħu kollha lejha, isejħilha “l-Knisja tiegħi””.  Hija l-komunità l-ġdida tal-Patt, mhux aktar imsejsa fuq id-dixxendenza u fuq il-Liġi, imma fuq il-fidi fih, Ġesù, il-Wiċċ ta’ Alla.  Fidi li l-Beatu Pawlu VI, meta kien għadu Arċisqof ta’ Milan, kien stqarr b’dit-talba merviljuża:

“O Kristu, medjatur waħdeini tagħna, Int meħtieġ għalina:

Biex nimxu f’Komunjoni ma’ Alla l-Missier;

biex miegħek, li int l-Iben il-waħdieni u l-Mulej tagħna, insiru wlied adottivi;

sabiex niġġeddu fl-Ispirtu s-Santu” (Ittra Pastorali, 1955).

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Reġina tal-Appostli, il-Mulej jagħti lill-Knisja, lil Ruma u lid-dinja kollha, li jkunu dejjem fidili lejn l-Evanġelju, li l-qaddisin Pietru u Pawlu ikkonsagrawlha ħajjithom bis-servizz li tawha.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dalgħodu, hawn fi Pjazza San Pietru, iċċelebrajt l-Ewkaristija mal-Kardinali l-ġodda li ħtart fil-Konċistorju tal-bieraħ; u berikt il-Palji tal-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew nominati matul l-aħħar sena, ġejjin minn diversi pajjiżi.  Inġedded it-tislima tiegħi lilhom u lil kull min akkumpanjahom f’diċ-ċirkostanza ta’ festa.  Jalla dejjem jgħejxu bl-entużjażmu u l-ġenerożità is-servizz li jagħtu lill-Evanġelju u lill-Knisja.

Waqt l-istess ċelebrazzjoni, ilqajt b’imħabba lid-Delegazzjoni li ġiet Ruma f’isem il-Patrijarka Ekumeniku, hija l-għażiż Bartilmew.  Dil-preżenza hi sinjal ieħor tal-mixja ta’ komunjoni u fraternità li, bil-grazzja t’Alla hi karatteristika tal-Knejjes tagħna.

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili singoli ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, speċjalment dawk ġejjin mir-Republika Ċeka, mill-Pakistan, miċ-Ċina u mill-Istati Uniti tal-Amerika.  U qed nara l-bnadar Spanjoli: lil dawk li ġew minn Spanja wkoll… u minn tant pajjiżi oħra.

It-tislima tiegħi illum hi l-aktar għalikom, fidili ta’ Ruma, fil-festa tal-qaddisin Patruni tal-Belt!  Għal dir-rikorrenza il-“Pro Loco” ta’ Ruma għamlet l-infjorata tradizzjonali li qed naraha minn hawn, li saret minn artisti diversi u minn tant realtajiet assoċjattivi u tal-volontarjat.  Grazzi ta’ din l-inizjattiva sabiħa u tat-tiżjin bil-fjuri tant attraenti!

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber