Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-missirijiet tal-Knisja kienu jħobbu jqabblu lill-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu ma’ żewġ kolonni li fuqhom tistrieħ il-binja viżibbli tal-Knisja.  It-tnejn li huma ssiġillaw b’demmhom ix-xhieda li taw għal Kristu bil-predikazjzoni u l-qadi lill-komunità Nisranija li kienet qed titwieled.  Din ix-xhieda tidher fid-dawl tagħha fil-qari Bibliku tal-liturġija tal-lum, qari li jindika r-raġuni għala l-fidi tagħhom mistqarra u mħabbra, kienet inkurunata bil-prova suprema tal-martirju.

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (cfr 12,1-11) jirrakkonta l-ġrajja tal-priġunerija u l-ħelsien ta’ Pietru.  Hu ġarrab l-avversjoni għall-Evanġelju meta kien f’Ġerusalemm, fejn kien inqafel fil-ħabs mir-Re Erodi li kellu l-ħsieb «li jressqu quddiem il-poplu» (v.4)  Imma kien meħlus b’miraklu biex b’hekk seta’ jwassal għal tmiemha l-missjoni evanġeliżżatriċi tiegħu, l-ewwel fl-Art Imqaddsa u wara f’Ruma, billi ta l-enerġija tiegħu kollha għall-qadi tal-komunità Nisranija.

Pawlu wkoll ġarrab l-ostilità li minnha nħeles mill-Mulej.  Meta kien mibgħut mill-Irxoxt f’bosta bliet ta’ popolazzjonijiet pagani, hu sab ma’ wiċċu reżistenza qawwija kemm minn nies tal-istess twemmin tiegħu kif ukoll mill-awtoritajiet ċivili.  Fil-kitba tiegħu lid-dixxiplu Timotju hu jirrifletti fuq ħajtu u fuq il-mixja missjunarja tiegħu, kif ukoll fuq il-persekuzzjonijiet li ġarrab minħabba l-Evanġelju.

Dawn iż-żewġ “ħelsien” ta’ Pietru u Pawlu, jiżvelaw il-mixja parallela taż-żewġ Appostli, li kienu mibgħutin minn Ġesù biex iħabbru l-Evanġelju f’ambjenti diffiċli u f’ċerti każi, ostili.  It-tnejn li huma, bl-istorja personali u ekkleżjali tagħhom, juru u jgħidulna lilna, illum, li l-Mulej dejjem jinsab maġenbna, jimxi magħna, ma jabbandunana qatt.  Speċjalment waqt il-ħin tal-prova, Alla jtina idu, jiġi jgħinna u jeħlisna mit-theddid tal-għedewwa.  Imma niftakru li l-għadu veru tagħna hu d-dnub, u l-Malinn li jimbuttana biex nagħmluh.  Meta aħna nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla, speċjalment bis-sagrament tal-Penitenza, aħna u nirċievu l-grazzja tal-maħfra, inkunu qed ninħelsu mil-irbit tal-ħażen u nitħaffew mill-piż tal-iżbalji tagħna.  B’hekk inkunu nistgħu nkomplu t-triq tagħna ta’ ħabbara ferrieħa u xhieda tal-Evanġelju, u nuru li l-ewwel konna aħna stess li rċevejna l-ħniena.

Illum induru bit-talb tagħna lejn il-Verġni Marija, fuq kollox għall-Knisja li tgħix f’Ruma u għal-Ruma, li tagħha Pietru u Pawlu huma l-Patruni.  Jalla huma jġibu fiha l-ġid spiritwali u materjali.  It-tjubija u l-grazzja tal-Mulej isostnu l-poplu Ruman sabiex jgħix fil-fraternità u s-sliem biex tilma fih il-fidi Nisranija li kienu taw xhieda tagħha b’kuraġġ kbir u entużjażmu il-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Dalgħodu f’dil-pjazza ċċelebrajt l-Ewkaristija mal-ħames Kardinali li ħlaqt ilbieraħ waqt il-Konċistorju u berikt il-“Palli” tal-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew nominati matul l-aħħar sena, li ġejjin minn diversi pajjiżi.  Inġedded it-tislima tiegħi u l-awgurju lilhom u lil dawk kollha li qed jakkumpanjawhom f’dal-pellegrinaġġ.  Ninkoraġġihom ikomplu l-missjoni għas-servizz tal-Evanġelju, f’komunjoni mal-Knisja kollha, bil-ferħ.  Waqt l-istess ċelebrazzjoni lqajt bil-ferħ u b’imħabba lill-membri tad-delegazzjoni li ġiet Ruma f’isem il-Patrijarka Ekumeniku, l-għażiż ħija Batilmew.  Dil-preżenza wkoll hi sinjal tar-rabtiet fraterni li hemm bejn il-Knejjes tagħna.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili individwali mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, speċjalment mill-Ġermanja, mill-Ingilterra, mill-Bolivja, mill-Indoneżja u mill-Qatar.  Insellem lill-istudenti tal-iskejjel Kattoliċi minn Salbris (Franza), Osijek (il-Korazja) u minn Londra.

It-tislima tiegħi tmur fuq kollox, lejkom, fidili minn Ruma, fil-festa tal-qaddisin Paturni tal-Belt!  Lill-fidili Rumani kollha ntuhom applaws kbir!  Għal din it-tifkira il-“Pro Loco” ta’ Ruma organiżżat l-infjorata tradizzjonali mtella’ minn artisti differenti u mill-volontarji tas-Servizz Ċivili.  Grazzi ta’ din l-inizjattiva u għad-disinji sbieħ magħmulin bil-fjuri.  U nixtieq infakkar ukoll l-ispettaklu tal-logħob tan-nar li se jsir illejla fi Piazza del Popolo.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!


Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber