Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-festa tal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu billi nfaħħru ‘l Alla għall-predikazzjoni tagħhom u x-xhieda li taw.  Il-Knisja nbniet fuq il-fidi ta’ dawn iż-żewġ Appostli ta’ Ruma, belt li dejjem tqimhom bħala patruni tagħha.  Madankollu l-Knisja kollha universali tħares lejhom b’ammirazzjoni, u tqishom żewġ kolonni u żewġt idwal li jiddu mhux biss fuq is-sema ta’ Ruma, imma fil-qalb ta’ kull min jemmen kemm fl-Orjent u wkoll fil-Punent.

Fir-rakkont tal-missjoni tal-Appostli, l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù bagħthom tnejn, tnejn (cfr Mattew 10,1; Luqa 10,1).  F’ċertu sens anki Pietru u Pawlu, mill-Art Imqaddsa ġew mibgħutin sa Ruma biex jippritkaw l-Evanġelju.  Kienu żewġ persuni differenti ħafna minn xulxin: Pietru kien “sajjied umli”, Pawlu “imgħallem u duttur”, kif tgħid il-liturġija tal-lum.  Imma jekk hawn f’Ruma aħna nafu lil Ġesù, u darba l-fidi nisranija hi parti ħajja u fundamentali mill-patrimonju spiritwali u l-kultura ta’ dan it-territorju, dan nafuh għall-kuraġġ appostoliku ta’ dawn ulied l-Orjent Qrib. Għall-imħabba ta’ Kristu, ħallew il-patrija tagħhom u bla ma taw każ tad-diffikultajiet tal-vjaġġ twil u tar-riskji, tad-diffidenza li kellhom jitaqgħu magħha, ġew Ruma.  Hawnhekk huma kienu ħabbara u xhieda tal-Evanġelju fost in-nies u l-missjoni ta’ fidi u ta’ karità issiġillawha bil-martirju tagħhom.

Idealment Pietru u Pawlu, illum jirritornaw fostna, jerġgħu jimxu mat-toroq ta’ dil-belt, iħabbtu fuq il-bibien ta’ djarna, imma fuq kollox fuq qlubna. Iridu jerġgħu jġibu fostna lil Ġesù, l-imħabba ħanina tiegħu, il-faraġ tiegħu, il-paċi tiegħu.  Għandna bżonn kbir ta’ dan!  Nilqgħu l-messaġġ tagħhom!  Ejjew ngħożżu x-xhieda tagħhom!  Il-fidi sinċiera u samma ta’ Pietru, il-qalb kbira u universali ta’ Pawlu, jgħinuna biex inkunu nsara ferrieħa, fidili għall-Evanġelju u miftuħin għal-laqgħa ma’ kulħadd.

Waqt il-quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, dalgħodu berikt il-“Palji” tal-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew maħturin matul din l-aħħar sena, li ġejjin minn bosta pajjiżi.  Inġedded it-tislima tiegħi lilhom, lill-familjari tagħhom u lil kull min akkumpanjahom f’dal-pellegrinaġġ; u nħeġġiġhom biex bil-ferħ, ikomplu l-missjoni tagħhom għas-servizz tal-Evanġelju f’għaqda mal-Knisja kollha u speċjalment mas-Sede ta’ Pietru, kif jixhed is-sinjal tal-“Palju” tagħhom.  Waqt l-istess ċelebrazzjoni tajt merħba bil-ferħ u mħabba lill-Membri tad-Delegazzjoni li ġiet Ruma f’isem il-Patrijarka Ekumeniku, ħija l-għażiż Bartilmew.  Dil-preżenza wkoll hi sinjal tar-rabtiet fraterni li jeżistu bejn il-knejjes tagħna.   Nitolbu biex dawn ir-rabtiet ta’ komunjoni u ta’ xhieda komuni jkomplu jissaħħu.

Lill-Verġni Marija Salus Populi Romani, nafdaw illum lid-dinja kollha u partikolarment lil dil-belt ta’ Ruma, biex dejjem tibqa’ ssib fil-valuri spiritwali u morali li hi mogħnija bihom, il-pedament tal-ħajja soċjali tagħha u tal-missjoni li għandha fl-Italja, fl-Ewropa u fid-dinja.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ filgħaxija, f’Istanbul seħħ attakk terroristiku kundannabbli għall-aħħar li ħalla ħafna mejtin u feruti.  Nitolbu għall-vittmi u għall-familjari tagħhom u għall-għażiż poplu Tork.  Jalla l-Mulej jikkonverti l-qlub tal-vjolenti u jirfed il-passi tagħna fit-triq lejn il-paċi.  Nitolbu lkoll fis-skiet.

(Waqt ta’ skiet)

Sliema għalik, Marija.....

R’Ruma għadha kif intemmet il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Investimenti Responsabbli li għandhom impatt soċjali bit-tema: “Is-Sena tal-Ħniena nagħmluha Sena ta’ Mpatt għall-Foqra”.  Jalla l-investimenti privati u dawk pubbliċi jkunu ta’ fejda biex ikun megħlub il-faqar ta’ tant persuni emarġinati.

Insellem mill-qalb lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, speċjalment minn Spanja, mill-Ukranja u miċ-Ċina.  Insellem lill-istudenti tal-iskejjel Kattolċi ta’ Londra u tal-Istati Uniti tal-Amerika, u lis-sorijiet tal-USMI, mil-Lombardia.

It-tislima tiegħi illum tmur fuq kollox lejn il-fidili ta’ Ruma, fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, Patruni tal-Belt!  Għal din it-tifkira, il-“Pro Loco” ta’ Ruma organiżża l-“Infiorata” tradizzjonali, magħmula minn artisti differenti u volontarji tas-Servizz Ċivili.  Grazzi ta’ din l-inizjattiva u għas-sbuħija tal-kwadri bil-fjuri!  U nixtieq infakkar ukoll fl-ispettaklu tan-nar li se jsir illejla fi Piazza del Popolo, li d-dħul minnu se jmur bħala għajnuna ta’ karità fl-Art Imqaddsa u fil-Pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

Lilkom ilkoll nawguralkom il-festa t-tajba, il-festa tal-Patruni ta’ Ruma.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber