Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-solennità tal-lum tal-qaddisin Appostli Pietru u Pawlu hi ċċelebrata, kif tafu, mill-Knisja universali, imma tingħex b’ferħ partikolari fil-Knisja ta’ Ruma, għax fix-xhieda tagħhom, issiġillata b’demmhom, hi għandha l-pedament tagħha.  Ruma għandha mħabba u rikonoxximent speċjali lejn dawn iż-żewġt irġiel ta’ Alla, li ġew minn art il-bogħod biex iħabbru, akkost ta’ ħajjithom, dak l-Evanġelju ta’ Kristu li huma kienu ddedikaw ruħhom għalih b’ruħhom u ġisimhom.  Il-wirt glorjuż ta’ dawn iż-żewġ Appostli hu r-raġuni li Ruma tant tħossha spiritwalment kburija, u, fl-istess waqt, hu sejħa biex hi tgħix il-virtuwjiet Insara tal-fidi u l-karità: il-fidi f’Ġesù bħala Messija u Iben Alla, mistqarra l-ewwel minn Pietru u wara mħabbra lill-ġnus minn Pawlu; u l-karità li din il-Knisja hi msejħa biex taqdi fuq ix-xefaq universali.

Fit-talba tal-Angelus, mat-tifkira tal-qaddisin Pietru u Pawlu ngħaqqdu wkoll dik ta’ Marija, xbieha ħajja tal-Knisja, għarusa ta’ Kristu li ż-żewġ Appostli «saqqew b’demmhom» (Antifona tal-bidu tal-quddiesa tal-jum).  Pietru kien jaf lil Marija personalment u fid-diskursati magħha, speċjalment fil-ġranet ta’ qabel il-Pentekoste (cfr Atti 1,14) seta’ jinżel aktar fil-fond tal-misteru ta’ Kristu.  Pawlu, hu u jħabbar il-milja tal-pjan tas-salvazzjoni «fil-milja taż-żmien», ma naqasx li jfakkar “il-mara” li minnha kien twieled Iben Alla fiż-żmien (cfr Galatin 4,4).  Fl-evanġeliżżazzjoni taż-żewġ Appostli hawn f’Ruma, insibu wkoll l-għeruq tad-devozzjoni profonda u sekolari tar-Rumani lejn il-Verġni, li jirrikorru għandha taħt it-titlu ta’ Salus Populi Romani.  Marija, Pietru u Pawlu: huma l-kumpanji tal-vjaġġ tagħna aħna u nfittxu lil Alla; huma l-gwidi tagħna fil-mixja tal-fidi u tal-qdusija; huma jimbuttawna lejn Ġesù biex nagħmlu dak kollu li Hu jitlob minna.  Nitolbu l-għajnuna tagħhom biex qalbna tkun dejjem miftuħa għas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u għall-laqgħa ma’ ħutna.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika ta’ dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru, berikt il-“Pallii” tal-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew nominati tul l-aħħar sena, u li ġejjin minn bosta nħawi fid-dinja.  Inġedded it-tislima u l-awguri tiegħi lilhom, lill-familjari u lil dawk kollha li qed jakkumpanjawhom f’din iċ-ċirkostanza ta’ tifsir kbir.  Nawgura lil l-“Pallium”, minbarra li jsaħħaħ ir-rabta ta’ komunjoni mas-Sede ta’ Pietru, ikun ukoll stimolu biex huma jagħtu servizz dejjem aktar ġeneruż lill-persuni li huma jmexxu biż-żelu pastorali tagħhom.  Waqt l-istess liturġija kelli pjaċir insellem lill-membri tad-delegazzjoni li waslet Ruma f’isem il-Patrijarka Ekumeniku, ħija l-għażiż Bartilmew I, li ħadu sehem, bħalma jagħmlu kull sena, fil-festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu.  Din il-preżenza hija wkoll sinjal tar-rabtiet fraterni bejn iż-żewġ Knejjes tagħna. Nitolbu biex tissaħħaħ bejnietna l-mixja lejn l-għaqda.

It-talba tagħna llum hi fuq kollox għall-belt ta’ Ruma, għall-ġid spiritwali u materjali tagħha: jalla l-grazzja divina tkun il-bastun tal-poplu Ruman kollu, biex jgħix fil-milja tagħha l-fidi Nisranija, li b’ħerqa kuraġġuża taw xhieda tagħha l-qaddisin Pietru u Pawlu.  Tidħol għalina l-Verġni Qaddisa, Reġina tal-Appostli.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja; imma fuq kollox, illum insellem lill-fidili ta’ Ruma fil-festa tal-qaddisin patruni tal-belt!

Insellem lill-istudenti ta’ xi skejjel Kattoliċi mill-Istati Uniti u mill-Iskozja.

Nifraħ lill-artisti li għamlu dik l-infjorata kbira u sabiħa u nirringarzzja lill-“Pro Loco” ta’ Ruma li ħadet ħsieb biex din setgħet issir.  Grazzi ħafna!

Awguri wkoll għall-ispettaklu tan-nar tradizzjonali li se jsir illejla f’Castel Sant’Angelo, li d-dħul minnu se jmur għal inizjattiva ta’ karità fl-Art Imqaddsa u fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

Il-ġimgħa d-deħla, bejn il-5 u t-13 ta’ Lulju, se mmur l-Ekwador, il-Bolivja u l-Paragwaj.  Nitlobkom ilkoll biex tkunu miegħi bit-talb, sabiex il-Mulej ibierek dan il-vjaġġ tiegħi fil-kontinet tal-Amerika Latina li hu tant għall-qalbi, kif tistgħu timmaġinaw.  Nesprimi lill-għeżież popolazzjonijiet tal-Ekwador, tal-Bolivja u tal-Paragwaj il-ferħ tiegħi li se nkun f’darhom u nitlob lilkom, b’mod partikolari, li titolbu għalija u għal dal-vjaġġ sabiex il-Verġni Marija ttina l-grazzja li tkun magħna lkoll bil-protezzjoni materna tagħha.

Nawguralkom ilkoll il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub gaħll-Malti mit-Taljan minn Joe Huber