Fi tmiem il-quddiesa tas-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl, il-Papa tfaċċa mit-tieqa tal-uffiċċju tiegħu fil-Palazz Apostoliku u mexxa t-talba tal-Angelus flimkien mal-insara u l-pellegrini miġbura fi Pjazza san Pietru.

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Sa minn ħafna snin ilu l-Knisja ta’ Ruma tiċċelebra lill-Appostli Pietru u Pawlu f’festa waħda fl-istess ġurnata, fid-29 ta’ Ġunju.  Il-fidi f’Ġesù għamlithom aħwa u l-martirju għamilhom ħaġa waħda.  San Pietru u San Pawl, li bħala bnedmin kienu tant differenti minn xulxin, ġew magħżula personalment mill-Mulej Ġesù u wieġbu għas-sejħa li għamlilho billi offrew ħajjithom kollha.  F’kull wieħed minnhom il-Grazzja ta’ Krsitu għamlet ħwejjeġ kbar u bidlithom.  U kif bidlithom!  Xmun kien ċaħad lil Ġesù fil-mument qawwi tal-passjonil Sawl kien jippersegwita bl-aħrax lill-insara.  Imma tt-tnejn li huma laqgħu l-imħabba ta’ Alla u ħallew lilhom infushom jinbidlu permezz tal-hniena tiegħu; hekk saru ħbieb u appostli ta’ Kristu.  Għalhekk huma għadhom sal-lum jitkellmu mal-Knisja u juruna t-triq għas-salvazzjoni.  Aħna wkoll, jekk naqgħu fl-iktar dnubiet gravi u fl-aktar lejl mudlam, Alla dejjem kapaċi jibdilna, kif bidel lil Pietru u lil Pawlu; jibdlilna qalbna u jaħfrilna kollox, jibdel hekk id-dlam tad-dnb tagħna f’żerniq ta’ dawl.  Alla hekk hu: jibdilna, jaħfrilna dejjem, kif għamel ma’ Pietru u kif għamel ma’ Pawlu.

Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli juri ħafna episodji mix-xhieda tagħhom.  Pietru, per eżempju, jgħallimna nħarsu lejn il-fqar bl-għajnejn tal-fidi, u biex nagħtuhom dak li għandna li l-aktar li jiswa: il-qawwa tal-isem ta’ Ġesù.  Dan hu li għamel ma’ dak il-magħlub: tah dak kollu li kellu, jiġifieri lil Ġesù (cfr At 3, 4-6).

Dwar San Pawl insibu li tiġi rakkuntata tlett darbiet il-ġrajja tas-sejħa tiegħu fit-tirq lejn Damasku, li timmarka t-taqliba fil-ħajja tiegħu, u toħroġ ċar il-bidla li kien hemm qabel u wara din il-ġrajja.  Qabel, Pawlu kien l-agħar għadu tal-Knisja.  Wara, l-istess Pawlu jpoġġi għas-servizz tal-Bxara t-Tajba l-istess eżistenza tiegħu.  Anka lilna l-laqgħa mal-Kelma ta’ Kristu tista’ tibdlilna ħajjitna b’mod sħiħ.  Mhux possibbli li nisimgħu din il-Kelma u nibqgħu f’postna ma niċċaqalqux, li nibqgħu mwaħħlin fid-drawwiet tagħna.  Il-Kelma timbuttana biex nirbħu l-egoiżmu li għandna f’qalbna biex nieħdu deċijoni u nimxu mal-Imgħallem li ta’ ħajtu għall-ħbieb tiegħu.  Imma hu l-Mulej li jibdilna bil-Kelma teigħu; Hu jibdilna; Hu jaħfrilna kollox, jekk aħna niftħu qalbna u nitolbuh il-maħfra.

Għeżież ħuti din il-festa tqajjem fina ferħ kbir, għax tpoġġi quddiemna l-qawwa tal-ħidma tal-hniena ta’ Alla fil-qalb ta’ dawn iż-żewġ irġiel.  Hija l-ħidma tal-hniena ta’ Alla f’dawn iż-żewġ irġiel, li kienu midinbin tant kbar.  U Alla jrid ifawwar lilna lkoll bil-grazzja tiegħu, l-istess kif għamel b’Pietru u b’Pawlu.  Jalla l-Verġni Marija tgħinna nilqgħu din il-hniena b’qalb miftuħa, bħalhom, biex ma nirċevuhiex għalxejn!  U  ħa tkun Hi li tgħinna nżommu sod fil-mument tal-prova, biex nagħtu xhieda għal Ġesù Kristu u l-Bxara t-Tajba tiegħu.  Dan nitolbuh b’mod speċjali għall-Arċisqfijiet Metropolìti li ġew innominati din is-sena, li dalgħodu ċċelebraw l-Ewkaristija miegħi fil-Bażilka ta’ san Pietru.  Insellmulhom bil-qalb u nitolbu għalihom flimkien mal-merħliet tagħhom u l-familjari u l-ħbieb tagħhom.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

L-aħbarijiet li qed jaslu mill-Iraq, sfortunatament huma ta’ tbatija kbira.  Ningħaqad mal-Isqfijiet ta’ dak il-Pajjiż biex nappella għall-mexxejja sabiex, permezz tad-djalogu, tiġi miżmma l-għaqda nazzjonali u tiġi evitata l-gwerra.  Ninsab qrib ħafna għall-eluf ta’ familji, seċjalment dawk insara, li kellhom jitilqu d-djar tagħhom minħabba l-periklu.  Il-vjolenza ġġib magħha aktar vjolenza; l-unika triq għall-paċi hija dik tad-djalogu. Ejjew nitolbu lill-Madonna, biex tieħu ħsieb tal-poplu tal-Iraq.

Sliem għalik, Marija...

Insellem lilkom ilkoll, speċjalment l-insara ta’ Ruma, fil-festa tal-qaddisin Patruni; insellem ukoll lill-familjari tal-Arċisqfijiet Metropolìti li dalgħodu rċevew il-Pallju u lid-delegazzjonijiet li ġew magħhom.

Insellem lill-artisti minn tant partijiet tad-dinja li organizzaw festival tal-fjuri kbir, u nirringrazzja lill-Pro Loco ta’ Ruma biex mexxew ‘il quddiem din l-inizjattiva.  Tassew kienu bravi dawn l-artisti, prosit!

Insellem lill-insara ta’ San Fernandu u ta’ Ubrique (Cádiz), ta’ Elche u ta’ Sierra (Albacete), u ta’ Parla, Madrid, u lil dawk kollha li ħadu sehem fil-wirja tal-fjuri.

Inselem lill-pellegrini li ġew mill-Madagascar, lill-istudenti ta’ diversi skejjel kattoliċi tal-Istati Uniti tal-Amerka u ta’ Londra; lill-insara ta’ Messina, Napoli, Neviano, Taranto, Rocca di Papa e Pezzoro, u dawk li ġew bir-rota minn Cardito; lill-grupp "Amici del Venerabile Francesco Antonio Marcucci".

Insellem lill-Forum ta’ Assoċjazjonijiet Familjari tal-Lazio u nixtieqilhom kull ġid għall-attività li jmiss fil-ġranet li ġejjin li se ssir fl-Istituto Pio XI ta’ Ruma.

Nawgura wkoll għall-ispettaklu ta’ nar li jsir bħall-lejla f’Castel San Gandolfo, li l-flus minnu se jmorru biex tiġi sussidjata attività għaż-żgħażagħ fl-Art Imqaddsa.

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb, u l-festa t-tajba tal-qaddisin patruni.  U nitlobkom biex ma tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia