Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni insellem lilkom ilkoll hawn preżenti, b’mod partikulari liż-żgħażagħ.  Għeżież żgħażagħ, inħeġġiġkom biex tkomplu l-mixja tagħkom kemm fid-djoċeżijiet, kif ukoll fil-pellegrinaġġ madwar il-kontinenti, li s-sena d-dieħla se jwassalkom sa Krakovja, art twelid San Ġwanni Pawlu II, dak li beda l-Jiem Dinjin taż-Żgħażagħ.  It-tema ta’ dik il-laqgħa kbira: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5,7), taqbel ħafna mas-Sena tal-Ġublew tal-Hniena.  Ħallu  l-ħlewwa tal-Missier timlikom, biex imbagħad ixxerduha madwarkom!

U issa nduru fit-talb lejn Ommna Marija, sabiex tgħinna ngħixu bil-fidi l-Ġimgħa Mqaddsa.  Hi wkoll kienet preżenti meta Ġesù daħal Ġerusalem u kien imfaħħar mill-folla; imma qalbha, bħal dik ta’ binha, kienet lesta għas-sagrifiċċju. Ejjew nitgħallmu minnha, il-Verġni fidila, nimxu wara Ġesù anke meta t-triq tiegħu twassal għas-salib.

Inħalli f’idejn l-interċessjoni tagħha l-vittmi tal-istraġi ta’ nhar it-Tlieta li għadda, li fosthom kien hemm ukoll grupp studenti Ġermaniżi.

____

Wara l-Angelus:

Nawguralkom Ġimgħa Qaddisa li fiha nikkuntemplaw il-misteru ta’ Ġesù Krsitu.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia