Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb! 

Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tgħinna nimmeditaw dwar il-Beatitudnijiet (cfr Mt 5,1-12a), li huma l-bidu ta’ dak id-diskors kbir imsejjaħ “tal-muntanja”, “il-magna charta” tat-Testment il-Ġdid.  Ġesù jberraħ ir-rieda t’Alla li jressaq lill-bnedmin lejn il-hena.  Dal messaġġ kien diġà jinsab fil-predikazzjoni tal-Profeti:  Alla hu qrib il-foqra u l-mirfusin u jeħlishom minn idejn dawk li jittrattawhom ħażin.  Imma f’dil-predikazzjoni tiegħu, Ġesù jsegwi triq partikolari: jibda bil-kelma “ħenjin”  li tifsser ferħanin, u jkompli juri liema hi l-kundizzjoni biex inkunu f’dan l-istat; u jtemm b’wegħda.  Ir-raġuni tal-Beatitudni, jiġifieri l-hena, mhix qiegħda fil-kundizzjoni magħmula – per eżempju, «fqar fl-ispirtu», «imnikkta», «bil-għatx għall-ġustizzja», «ippersegwitati» -  imma fil-wegħda li hemm wara, li tiġi milqugħa bil-fidi bħala rigal minn Alla.  Tibda minn kundizzjoni ta’ fastidju biex tinfetaħ għar-rigal ta’ Alla u tidħol fid-dinja l-ġdida, «is-saltna» mħabbra minn Ġesù.  Dan mhux mekkaniżmu awtomatiku iżda mixja ta’ ħajja, li fiha r-realtà tal-iskomdu u n-niket tidher f’perspettiva ġdida li tinħass skont il-konverżjoni li bniedem ikun għamel.  Ma nistgħux inkunu mberkin, jekk ma nkunux ikkonvertejna, bil-ħila li napprezzaw u ngħejxu r-rigali ta’ Alla. 

Se nieqaf fuq l-ewwel Beatitudni «Imberkin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet» (v.4).  Il-fqir fl-ispirtu hu dak li jkollu fih is-sentimenti u l-atteġġjament ta’ dawk il-foqra li fil-kundizzjoni tagħhom ma jiribellawx, imma jafu jibqgħu umli, doċli, disponibbli għall-grazzja t’Alla.  Il-ferħ tal-foqra – tal-foqra fl-ispirtu – għandu dimensjoni doppja: fil-konfront tal-ġid materjali u fil-konfront ta’ Alla, dan il-faqar fl-ispirtu huwa l-qies: mhux bilfors ċaħda, imma ħila li wieħed japprezza dak li hu essenzjali, jaqsam ma’ ħaddieħor, bil-ħila li kuljum iġedded l-istgħaġib minħabba t-tjubija tal-ħwejjeġ, mingħajr ma jittaqqal biċ-ċpar tal-konsumiżmu insazjabbli.  Dan joqtol lir-ruħ.  Ir-raġel, il-mara li jagħmlu hekk,  li għandhom dan l-atteġġjament: “aktar m’għadni, aktar irrid”, mhumiex ferħanin u qatt m’huma se jaslu għall-hena.  Alla jistħoqqlu tifħir u rikonoxximent għax id-dinja hi barka u l-bidu tagħha tafu lill-imħabba ħallieqa tal-Missier.  Imma hi wkoll ftuħ lejH, doċilità għas-sinjorija tiegħu:  huwa Hu, Is-Sinjur, Hu l-kbir, mhux jien għax għandi ħafna affarijiet!   Huwa Hu: Hu li ried id-dinja għall-bnedmin kollha u riedha biex il-bnedmin ikunu henjin.

Il-fqir fl-ispirtu hu n-Nisrani li ma jistrieħx fuqu nnifsu, fuq ir-rikezzi materjali, ma jwebbisx rasu biex iżomm l-opinjonijiet tiegħu, imma jisma’ bir-rispett, u bil-qalb kollha jaċċetta d-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor.  Kieku fil-komunitajiet tagħna kien hemm aktar persuni foqra fl-ispirtu, kien ikun hemm ħafna anqas firdiet, kunflitti u polemiċi!  L-umiltà, bħall-karità, hi virtù essenzjali għall-konvivenza fost il-komunitajiet Insara.  Il-foqra, f’das-sens evanġeliku, jidhru bħala dawk li jżommu ħaj l-għan tas-Saltna tas-Smewwiet, f’dan is-sens evanġeliku, għax huma juru li ż-żerriegħa tagħha hija antiċipata permezz tal-komunità fraterna, li hi favur il-kondiviżjoni u mhux il-pussess.  Irrid nisħaq dwar dan: għandna nippreferu l-kondiviżjoni mhux il-pussess.  Dejjem bi qlubna u jdejna miftuħa u mhux magħluqin.  Meta l-qalb tkun miftuħa, timxi fit-triq tal-imħabba.

Il-Verġni Marija, mudell u l-ewwel fost il-foqra fl-ispirtu għax għal kollox doċli għar-rieda tal-Mulej, tgħinna nintelqu f’idejn Alla, għani fil-ħniena, sabiex ifawwarna bid-doni tiegħu, speċjalment bl-abbundanza tal-maħfra tiegħu.

 

Wara l-Angelus:  

Għeżież ħuti, 

Kif qed taraw waslu l-invażuri... jinsabu hawn!  Illum qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Minkejja li qed tonqos, dil-marda hi fost l-aktar mistkerrħa u tolqot lill-aktar foqra u emarġinati.  Importanti li niġġieldu dan il-mikrobu imma wkoll id-diskriminazzjoni li jiġġenera.  Nagħmel kuraġġ lil kull min hu impenjat fl-għajnuna, u impenjat biex dawn il-persuni milquta mill-marda ta’ Hansen jerġgħu jidħlu lura fis-soċjetà, u nwegħduhom it-talb tagħna.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom li ġejtu minn diversi parroċċi fl-Italja u pajjiżi oħra, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet u lill-gruppi.  Insellem partikolarment lill-istudenti minn Murcia U Badajoz, liż-żgħażagħ minn Bilbao u lill-fidili minn Castellón.  Insellem lill-pellegrini minn Reggio Calabria, Castelliri, u l-grupp minn Sqallija tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Ġenituri.  Nixtieq intenni l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Italja tan-Nofs li għadhom qed isofru l-konsegwenzi tat-terremot u tal-kundizzjonijiet atmosferiċi diffiċli.  Lil dawn ħutna m’għandu qatt jinqoshom is-sapport tal-istituzzjonijiet u s-solidarjetà ta’ kulħadd.  U, jekk jogħġobkom, tippermettux li xi tip ta’ burokrazija tħallihom jistennew u jbatu aktar!

Issa ndur lejkom, ġuvintur u tfajliet tal-Azzjoni Kattolika, tal-parroċċi u tal-iskejjel Kattoliċi ta’ Ruma.  Dis-sena fil-kumpanija tal-Kardinal Vigarju, ġejtu fit tmiem il-“Karovana tal-Paċi”, li s-slogan tagħha hu “Imdawwrin mill-Paċi”: sabiħ das-slogan.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u tal-impenn ġeneruż tagħkom biex tibnu soċjetà ta’ paċi.  Issa lkoll kemm aħna nisimgħu l-messaġġ li ħbiebkom, li qiegħdin ħdejja, se jaqrawlna.

(Qari tal-messaġġ)

U issa se nitilqu l-bżieżaq, simbolu tal-paċi.  Simbolu tal-paċi...

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, nawguralkom il-paċi, l-umiltà, il-kondiviżjoni fi ħdan il-familji tagħkom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci! 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber