Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan l-ewwel Ħadd wara l-Milied, filwaqt li għadna ngawdu l-klima ferrieħ tal-festa, il-Knisja tistedinna nikkontemplaw lis-Sagra Familja ta’ Nazaret.  L-Evanġelju llum jippreżentalna lil Madonna u lil San Ġużepp fil-ħin li, erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, jmorru fit-Tempju ta’ Ġerusalemm.  Huma jagħmlu dan b’ubbidjenza sħiħa lejn il-Liġi ta’ Mosè, li tgħid li l-ewwel wild għandu jkun offrut lill-Mulej (cfr Luqa 2,22-24).

Nistgħu nimmaġinaw din il-familja ċkejkna, qalb ħafna nies, fil-btieħi kbar tat-tempju.  Ma tagħtix fil-għajn, ma tintgħarafx.... Madankollu ma tibqax għaddejja bla ma tkun osservata!  Żewġ anzjani, Xmun u Anna, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu, jersqu lejha u jibdew ifaħħru ‘l Alla għal dik it-tarbija, li fiha huma jagħrfu l-Messija, dawl għall-ġnus u salvazzjoni ta’ Iżrael (cfr Luqa 2,22-38).  Hu mument sempliċi imma għani fil-profezija: il-laqgħa bejn żewġ għarajjes żgħażagħ mimlijin ferħ u fidi minħabba għall-grazzji li tahom il-Mulej; u żewġ anzjani mimlijin ukoll bil-ferħ u l-fidi bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Min ilaqqagħhom?  Ġesù.  Ġesù jlaqqagħhom: iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Ġesù hu dak li jqarreb lill-ġenerazzjonijiet lejn xuxlin.  Huwa l-għajn ta’ dik l-imħabba li tgħaqqad il-familji u lill-persuni, billi tegħleb kull diffidenza, kull iżolament.  Dan iġegħilna naħsbu wkoll fin-nanniet: kemm hi importanti l-preżenza tagħhom, il-preżenza tan-nanniet!  Kemm hu prezzjuż ir-rwol tagħhom fil-familji u fis-soċjetà!  Ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani hu deċisiv għall-mixja tal-komunità ċivili u ekkleżjali.  U filwaqt li nħarsu lejn dawn iż-żewġ anzjani, dawn iż-żewġ nanniet - Xmun u Anna – minn ħawn insellmu, b’applaws, lin-nanniet kollha tad-dinja.

Il-messaġġ li joħroġ mill-Familja Mqaddsa huwa qabel kollox messaġġ ta’ fidi.  Fil-ħajja tal-familja ta’ Marija u Ġużeppi Alla hu verament fiċ-ċentru u dan fil-persuna ta’ Ġesù.  Hu għal din ir-raġuni li l-Familja ta’ Nazaret hija qaddisa.  Għaliex?  Għax Ġesù hu ċ-ċentru tagħha.

Meta l-ġenituri u l-ulied flimkien, ikollhom din il-fidi ma’ kull nifs li jieħdu, huma jkollhom enerġija li tippermettilhom jaffrontaw provi anki diffiċli, kif turi l-esperjenza tal-Familja Mqaddsa, per eżempju fis-sitwazzjoni drammatika tal-ħarba lejn l-Eġittu: prova iebsa.

Ġesù Bambin, flimkien ma’ Ommu u San Ġużepp huma ikona ta’ familja sempliċi imma tant imdawla.  Id-dawl li huma jxerrdu hu dawl ta’ ħniena u ta’ salvazzjoni għad-dinja kollha, dawl ta’ verità għal kull bniedem, għall-familja umana u għall-familji individwali.  Dan id-dawl li ġej mill-Familja Mqaddsa jinkoraġġina biex noffru l-ħeġġa umana f’dawk is-sitwazzjonijiet li fihom, għal raġunijiet differenti, hemm nieqsa l-paċi, nieqsa l-armonija, nieqsa l-maħfra.  Is-solidarjetà konkreta tagħna m’għandhiex tkun nieqsa speċjalment fil-konfront ta’ familji li għaddejjin minn sitwazzjonijiet mill-aktar diffiċli minħabba mard, nuqqas ta’ xogħol, diskriminazzjoni, il-ħtieġa li jemigraw.......  U hawn nieqfu ftit fis-skiet u nitlolbu għal dawn il-familji kollha li jinsabu f’diffikultà, kemm jekk huma diffikultajiet ta’ mard, ta’ nuqqas ta’ xogħol, ta’ diskriminazzjoni, tal-ħtieġa li jkollhom jemigraw, diffikultajiet biex jifhmu lil xulxin u anki ta’ firda.  Fis-skiet nitolbu għal dan il-familji  ..... (Ave Maria...).

Nafdaw lil Marija, Reġina u omm tal-familja, il-familji kollha tad-dinja, biex huma jkunu jistgħu jgħixu bil-fidi, fil-ftehim, fl-għajununa reċiproka, u għaldaqstant ninvoka fuqhom il-protezzjoni materna ta’ dik li kienet omm u bint l-Iben tagħha.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ħsiebi bħalissa jmur lejn il-passiġġieri tal-ajruplan tal-Malażja li għeb waqt il-vjaġġ bejn l-Indoneżja u Singapore, kif ukoll lejn il-passiġġieri tal-vapuri li kienu qed jaqsmu f’dawn l-aħħar siegħat il-baħar Adrijatiku u li kellhom xi inċidenti.  Jien qrib bl-imħabba u t-talb lejn il-familjari u lejn dawk li għaddejjin minn waqtiet ta’ preokkupazzjoni u sofferenza minħabba dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli u qrib ta’ dawk li huma impenjati biex jagħtu l-għajnuna.

Illum l-ewwel tislima tmur lejn il-familji preżenti!  Il-Familja Mqaddsa tberikkom u tmexxikom fil-vjaġġ tagħkom.

Inselllem lilkom ukoll Rumani u pellegrini, partikolarment lill-bosta żgħażagħ mid-djoċesijiet ta’ Bergamo u Vicenza li rċevew jew se jirċievu l-Konfermazzjoni.  Insellem lill-familji tal-Oratorju tal-Katidral ta’ Sarzana, ‘il-fidili minn San Lorenzo in Banale (Trento), il-ministranti minn Sambruson (Venezja), l-iscouts minn Villamassargia u l-kollaboraturi tal-Fraterna Domus.

Ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Nirringrazzjakom mill-ġdid għall-awguri tagħkom u għat-talb tagħkom: komplu itolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber