Qabel ma ntemm din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem lill-pellegrini kollha, speċjalment lilkom, anzjani, li ġejtu hawn minn tant pajjiżi.  Grazzi minn qalbi!

Insellem minn qalbi ukoll lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-laqgħa/pellegrinaġġ “Inkantaw il-Fidi” li qed isir fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-kor tad-djoċesi ta’ Ruma. Grazzi tal-preżenza tagħkom u grazzi talli animajtu din iċ-ċelebrazzjoni bil-kant tagħkom flimkien mal-kor tal-Cappella Sistina.  Komplu agħtu dan is-servizz liturġiku fil-komunitajiet tagħkom bil-ferħ u bil-ġenerożità.

Ilbieraħ f’Madrid ġie dikjarat Beatu l-Isqof Álvaro del Portillo.  Jalla x-xhieda eżemplari Nisranija u saċerdotali tiegħu tqanqal f’bosta x-xewqa li jintrabtu aktar ma’ Kristu u mal-Evanġelju.

Nhar il-Ħadd li ġej tibda l-Assemblea Sinodali fuq it-tema tal-familja.  Hawnhekk hawn preżenti l-Kardinal Baldisseri, il-persuna li għandha r-responsabbiltà prinċipali tal-Assemblea: itolbu għalih. Nistieden lil kulħadd jitlob għal dan l-avveniment importanti u nafda din l-intenzjoni lill-interċessjoni ta’ Marija Salus Populi Romani.

Issa nitolbu l-Angelus flimkien.  B’din it-talba ninvokaw il-protezzjoni ta’ Marija fuq l-anzjani tad-dinja kollha, b’mod partikolari fuq dawk li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà aktar minn oħrajn.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber