Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

L-episodju tal-Evanġelju tal-lum jurina lil Ġesù, fid-dar ta’ wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej, josserva kif il-mistednin kienu jitħabtu biex jagħżlu l-ewwel postijiet. Hija xena li rajna bosta drabi: rajna lil min ifittex l-aħjar post anki billi jagħti bil-minkeb.  Meta ra dix-xena, Hu jirrakkonta żewġ parabboli qosra li bihom joffri żewġ indikazzjonijiet: waħda dwar il-post u l-oħra dwar il-ħlas.

L-ewwel similitudni hija ambjentata waqt ikla ta’ tieġ.  Ġesù jgħid: «Meta xi ħadd jistiednek għat-tieġ, tmurx tfittex il-postijiet ta’ quddiem li ma jmurx ikun hemm xi mistieden akbar minnek u dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek: ċedilu postok!”..... Imma, meta tkun mistieden, mur oqgħod fil-postijiet ta’ wara» (Luqa 14,8-9).  B’din ir-rakkomandazzjoni Ġesù ma jridx jagħti xi regola ta’ mġieba soċjali imma lezzjoni dwar il-valur tal-umiltà.  L-istorja tgħallem li l-kburija, il-kilba li rridu nilħqu aktar ‘il fuq, il-vanità, meta niddandnu, huma l-kawża ta’ ħafna ħażen. U Ġesù  jgħinna nifhmu kemm hu meħtieġ li nfittxu l-aħħar post, jiġifieri li nfittxu li niċċekknu u li ninħbew: l-umiltà.  Meta aħna, quddiem Alla nqiegħdu lilna nfusna f’din id-dimensjoni ta’ umiltà, allura Alla jgħollina, imil lejna biex jerfgħana għal ħdejh; «għax min jitgħolla jiċċekken, u min jiċċekken jitgħolla» (v. 11).

Il-kliem ta’ Ġesù juri ċar atteġġjamneti differenti għal kollox u opposti għal xulxin: l-atteġġjament ta’ min jagħżel postu u l-atteġġjament ta’ min iħalli lil Alla jtiħ il-post u jistenna l-ħlas mingħandu.  Ma ninsewhiex: Alla jħallas ħafna aktar mill-bnedmin!  Hu jtina post ferm isbaħ minn dak li jtuna l-bnedmin!  Alla jtina post qrib qalbu u l-ħlas tiegħu hu l-ħajja eterna.  “Tkun beatu – jgħid Ġesù - ..... Tirċievi l-ħlas fil-qawmien tal-ġusti! (v.14).

U dak li tiddeskrivi t-tieni parabbola, li fiha Ġesù jurina l-atteġġjament ta’ diżinteress li għandhu jkollha l-ospitalità, meta jgħid hekk: «Meta tagħmel ikla stieden  lill-foqra, lill-immankati, liz-zopop u lill-għomja; u tkun imbierek għax dawn ma jpattulekx lura» (vv 13-14).  Ifisser li tagħżel il-gratwità minflok i-kejl opportunist li jfittex il-ħlas lura, li jfittex l-interess u jfittex li jistgħana aktar.  Infatti, il-foqra, is-sempliċi, dawk li ma jiswew xejn, qatt ma jistgħu jroddulek lura l-istedina għall-ikla.  B’hekk Ġesù juri li hu jippreferi lill-foqra, lill-imwarrbin, li huma l-magħżuin fis-Saltna t’Alla, u jibgħat il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, li hu s-servizz lejn il-proxxmu għall-imħabba t’Alla.  Illum, Ġesù jagħti leħen lil min m’għandux u lil kull wieħed u waħda minna jagħmlilna appell imqanqal biex niftħu qlubna u nagħmlu tagħna t-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-foqra, tal-morda, tal-emarġinati, tar-rifuġjati, ta’ min hu telllief fil-ħajja, ta’ min hu mwarrab fil-ġenb mis-soċjetà u minħabba l-prepotenza ta’ min hu l-aktar setgħan.  U fir-realtà, dawn in-nies skartati jirrappreżentaw lill-maġġornaza l-kbira tal-popolazzjoni.

F’dal ħin qed niftakar bi gratitudni fil-postijiet fejn tant volontarji joffru s-servizz tagħhom billi jagħtu jieklu lill-persuni waħedhom, foqra, bla xogħol jew mingħajr dar fissa.  Dawn il-postijiet flimkien ma’ opri tal-ħniena oħrajn – bħalma huma ż-żjarat lill-morda, lill-ħabsin... – huma taħriġ tal-karità li jxerrdu l-kultura tal-gratwità, għax min iħaddimhom hu mqanqal mill-imħabba t’Alla u mdawwal mill-għerf tal-Evanġelju.  B’hekk is-servizz lejn l-aħwa jsir xhieda ta’ mħabba, li tagħti l-emmna lil, u ġġib fid-dieher l-imħabba ta’ Kristu.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex kuljum tmexxina fit-triq tal-umiltà, Hi li kienet umli tul ħajjitha kollha, u biex tnissel fina l-ħila li nagħmlu ġesti gratwiti ta’ laqgħa u solidarjetà lejn l-emarġinati, ħalli b’hekk inkunu denji li nirċievu l-ħlas divin.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nixtieq inġedded il-qrubija spiritwali tiegħi lejn l-abitanti tal-Lazio, tal-Marche u tal-Umbria li ntlaqtu tant iebes mit-terremot ta’ dawn il-ġranet.  Qed naħseb partikolarment fin-nies ta’ Amatrice, Accumoli, Arquata u Pescara del Tronto, Norcia.  Mill-ġdid ngħid lil dawk il-popolazzjonijiet għeżież li l-Knisja taqsam magħhom it-tbatija u t-tħassib.  Nitolbu għall-mejtin u għal dawk li ħelsuha.  Il-ħerqa li biha l-Awtoritajiet, il-forzi tal-ordni, il-protezzjoni ċivili u l-volontarji qed jaħdmu, turi kemm hija importanti s-solidarjetà biex ikunu megħluba provi ta’ tant niket.  Għeżież ħuti, malli jkun possibbli, anki jien nittama li niġi nżurkom biex personalment inwasslilkom il-faraġ tal-fidi, it-tgħannieqa ta’ missier u  ħukom u l-irfid tat-tama Nisranija.   Nitolbu flimkien għal dawn ħutna:

Sliema għalik, Marija........

Ilbieraħ f’Santiago del Estero fl-Arġentina ġiet dikjarata Beata, Swor Maria Antonia de San José; in-nies isejħulha Mama Antula.  Jalla x-xhieda Nisranija eżemplari tagħha, speċjalment l-appostolat biex ixxerred l-Eżerċizzi Spieitwali, iqanqlu x-xewqa li nersqu dejjem aktar lejn Kristu u lejn l-Evanġelju

Nhar il-Ħamis li ġej, l-1 ta’ Settmebru niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ talb għall-ħarsien tal-Ħolqien, flimkien ma’ ħutna l-Ortodossi u ta’ Knejjes oħra: se tkun okkażjoni biex insaħħu l-impenn komuni ħalli nħarsu l-ħajja billi nirrispettaw l-ambjent u n-natura.

Issa nsellem lill-pellegrini kollha mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-abbatini minn Kleinraming (l-Awstrija); los Marinos de la Nave Escuela “Fregata Libertad” (lill-baħrin tal-vapur/skola “Fregata Libertad”) – għidtha bl-Ispanjol għax arti tiġbidni lejha!; lill-fidili minn Gonzaga, Spirano,  Brembo, Cordenons u Daverio; liż-żgħażagħ minn Venaria, Val Liona, Angarano, Moncalieri u Tombelle.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber