IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta' Lulju, 2019
 


Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fil-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Lc 11,1-13), San Luqa jirrakkonta ċ-ċirkostanzi li fihom Ġesù jgħallem il-"Missierna". Huma, id-dixxipli, diġà jafu jitolbu, jirreċitaw il-ġabra tat-tradizzjoni Għebrajka, imma jixtiequ li huma wkoll ikunu jistgħu jgħixu l-istess "kwalità" tat-talb ta' Ġesù. Għax huma jaraw ċar li t-talb huwa dimensjoni esenzjali tal-ħajja tal-Imgħallem tagħhom, infatti kull azzjoni tiegħu hi karatteriżżata minn waqfa ta' ħin twil għat-talb. Minbarra hekk, huma jibqgħu msaħħrin għax jaraw li Hu ma jitlobx bħall-imgħallmin ta' żmienu, imma t-talb tiegħu hu rabta sfiqa mal-Missier, tant li huma jixtiequ jkollhom sehem minn dawn il-waqtiet ta' rabta ma' Alla, sabiex iduqu b'mod sħiħ il-ħlewwa tiegħu.
Għalhekk, jum minnhom jistennew lil Ġesù jtemm jitlob, f'post imwarrab, u jitobuh: "Mulej, għallimna nitolbu" (v. 1). Għall-mistoqsija espliċita tad-dixxipli Ġesù ma jweġibx b'tifsira astratta ta' x'inu t-talb iżda jgħallimhom teknika effikaċi biex "jiksbu" xi ħaġa. Minflok, Hu jistieden lil tiegħu biex jagħmlu esperjenza ta' talb u qegħedhom f'komunikazzjoni diretta mal-Missier, u fihom qanqal nostalġija għal-relazzjoni personali ma' Alla, mal-Missier. Hawn tinsab in-novità tat-talba nisranija! Hija djalogu bejn persuni li jħobbu lil xulxin, djalogu mibni fuq il-fiduċja, mirfud mis-smigħ u miftuħ għall-impenn solidali. Huwa djalogu tal-Iben mal-Missier, djalogu bejn l-ulied u l-Missier. Din hi t-talba nisranija.
Għalhekk itihom it-talba tal-"Missierna", forsi r-rigal l-aktar prezzjuż li ħallielna l-Imgħallen Divin fil-missjoni tiegħu fid-dinja. Wara li kixfilna l-misteru tiegħu ta' Iben u ta' ħuna, b'dik it-talba, Ġesù jdaħħalna (nieħdu sehem) mill-paternità ta' Alla; irrid nisħaq dwar dan: meta Ġesù jgħallimna "l-Missierna" jdaħħalna nieħdu sehem mill-paternità ta' Alla u jurina kif għandna nidħlu fi djalogu ta' talb u dirett miegħu, permezz tat-triq tal-kunfidenza filjali. Huwa djalogu bejn il-papà u ibnu, bejn l-iben u l-papà. Dak li nitolbu għalih fil-"Missierna" diġà sab il-milja kollha tiegħu għalina fl-Iben Uniġenitu: it-tqaddis tal-Isem, il-miġja tas-Saltna, id-don tal-ħobż, tal-maħfra u l-ħelsien mid-deni. Aħna w nitolbu niftħu jdejna biex nirċievu. Nirċievu d-doni li l-Missier uriena f'Ibnu. It-talba li għallimna l-Mulej hija s-sintesi ta' kull talb ieħor, u aħna nerfugħa lejn il-Missier, dejjem f'komunjoni ma' ħutna. Kultant jiġri li waqt it-talb ikun hemm distrazzjonijiet, imma drabi oħra nħossu qiesu xewqa li nieqfu fuq l-ewwel kelma: "Missier" u nħossu dik il-paternità f'qalbna.
Imbagħad Ġesù jirrakkonta l-parabbola tar-raġel wiċċu sfiq u jgħid: "jeħtieġ ninsistu fit-talb". Jiġini f'moħħi dak li jagħmu t-tfal meta jkollhom bejn wieħed u ieħor tliet snin, tliet snin u nofs: jibdew jistaqsu dwar ħwejjeġ li huma ma jifhmuhomx. F'pajjiżi nsejħulha "l-età ta': għaliex?", u nemmen li hawn għandna l-istess sitwazzjoni. It-tfal jibdew iħarsu lejn missierhom u jgħidu: "Pa, għaliex? Pa, għaliex?" Iridu spjegazzjoni. Noqgħodu attenti, meta l-papà jibda jispjega "għaliex", huma joħorġu b'mistoqsija oħra bla ma lanqas jisimgħu l-ispjegazzjoni kollha. X'ikun qed jiġri? Jiġri li t-tfal iħossu li mhux żguri dwar ħafna affarijiet għax jibdew jifhmu nofshom. Ikunu jridu biss jiġbdu fuqhom il-ħarsa ta' missierhom u għalhekk: "Għaliex, għaliex, għaliex?"
Jekk fil-"Missierna" aħna nieqfu fuq l-ewwel kelma, inkunu qed nagħmlu l-istess ħaġa li konna nagħmlu meta konna tfal, niġbdu fuqna l-ħarsa ta' missierna. Ngħidu:"Missier, missier", u ngħidu wkoll: "Għaliex?" u Hu jħares lejna.
Nitolbu lil Marija, mara ta' talb, sabiex tgħinna nitolbu l-"Missierna" magħqudin ma' Ġesù biex ngħixu l-Evanġelju, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu.

Wara l-Angelus
 

Għeżież ħuti,
Smajt b'niket l-aħbar tan-nawfraġju drammatiku li seħħ ftit jiem ilu u li fih tilfu ħajjithom għaxriet ta' migranti fosthom nisa u tfal. Inġedded l-appell minn qiegħ qalbi sabiex il-komunità internazzjonali timpenja ruħha minnufih u b'determinazzjoni ħalli traġedji bħal dawn ma jerġgħux isiru u biex tiggarantixxi d-dinjità ta' kulħadd. Nistedinkom titolbu flimkien miegħi għall-vittmi u għall-familji tagħhom. U nistaqsu wkoll minn qiegħ qalbna: "Missier, għaliex?" (Minuta silenzju)
Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.
Insellem b'mod partikolari lis-Sorijiet ta' Santa Eliżabetta li ġejjin minn diversi pajjiżi, lill-grupp AVART Organización Internacional de Arte y Cultura Mexicana minn Puebla (Messiku) u liż-żgħażagħ mill-Parroċċa Santa Rita ta' Cascia minn Torin. Qed nara bandiera Urugwajana imma mhux qed nara il-"mate"! Benvenuti! Insellem ukoll lil bosta Pollakki li qed nara hawn bil-bnadar kif ukoll lill-grupp tal-Ispanjoli.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber