Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna r-rakkont tal-qawmien mill-mewt ta’ tfajla ta’ 12-il sena, bint wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, li jinxteħet f’riġlejn Ġesù u jitolbu bil-ħniena: «Binti waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha ħalli tfiq u tgħix» (Mark 5, 23).  F’din it-talba nħossu l-preokkupazzjoni ta’ kull missier dwar il-ħajja u l-ġid ta’ uliedu.  Imma naraw fiha wkoll il-fidi kbira li dak ir-raġel kellu f’Ġesù.  U meta tasal l-aħbar li t-tfajla mietet, Ġesù jgħidlu: «Tibżax, biss inti emmen!»  Meta jidħol id-dar, il-Mulej ikeċċi ‘l barra lil kull min kien qed jibki u jgħajjat u jdur lejn it-tfajla mejta u jgħidilha: «Tfajla, qed ngħidlek: qum!» (vers 41).  U mill-ewwel it-tfajla qamet u bdiet timxi.  Hawnhekk naraw is-setgħa assoluta ta’ Ġesù fuq il-mewt, li għalih hi qiesha raqda li minnha tista’ tqum.

F’dan ir-rakkont, l-evanġelista jżid ukoll epsiodju ieħor: il-fejqan ta’ mara li kienet ilha 12-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm.  Minħabba din il-marda, li skont il-kultura ta’ żmienha kienet tagħmilha “impura”, hi kellha tevita kull kuntatt uman: miskina, kienet ikkundannata għal mewt ċivili.  Din il-mara mingħajr isem, qalb il-folla li kienet miexja wara Ġesù, tgħid bejna u bejn ruħha: «Jekk jirnexxili biss immiss it-tarf tal-mantar tiegħu, infieq» (vers 28).  U hekk ġara: il-ħtieġa li tkun meħlusa timbuttaha biex tażżarda u bil-fidi tagħha rnexxilha tikseb ill-fejqan mill-Mulej, kważi, biex ngħidu hekk, bil-forza.  Min jemmen “imiss” lil Ġesù u minnu jikseb il-grazzja li jsalva.  Hu jsalvana, islavalna l-ħajja spiritwali, isalvana minn tant problemi.  Ġesù jinduna u, minn qalb il-folla, ifittex il-wiċċ ta’ dik il-mara.  Hi tersaq qrib u Hu jgħidilha: «Binti, il-fidi tiegħek salvatek» (vers 34).  Hu leħen il-Missier Ċelesti li jitkellem permezz ta’ Ġesù: «Binti, int m’intix misħuta, m’itnix imwarrba, int binti!» U kull darba li Ġesù jersaq lejna, meta aħna nersqu lejH bil-fidi, nisimgħu lill-Misssier jgħidilna: «Ibni, int iben tiegħi, inti binti!  Int imfejjaq, int imfejqa. Jiena naħfer kollox lil kulħadd.  Jien infejjaq kollox lil kulħadd”

Il-qofol ta’ dawn iż-żewġ episodji – fejqan u qawmien mill-mewt – hu wieħed: il-fidi.  Il-messaġġ hu ċar u jista’ jinġabar f’mistoqsija:  nemmnu li Ġesù jista’ jfejjaqna u jista’ jqajjimna mill-mewt?  L-Evanġelju kollu hu miktub fid-dawl ta’ din il-fidi: Ġesù qam, rebaħ il-mewt, u minħabba dir-rebħa tiegħu anki aħna għad inqumu.  Din il-fidi, li kienet ħaġa ċerta għall-ewwel Insara, tista’ tittappan u ssir inċerta sal-punt li xi wħud jitfixklu l-qawmien mar-riinkarnazzjoni.  Il-Kelma t’Alla għal dan il-Ħadd tistedinna ngħixu biċ-ċertezza tal-qawmien:  Ġesù hu l-Mulej, Ġesù għandu s-setgħa fuq il-ħażen u fuq il-mewt u jrid jeħodna fid-dar tal-Missier fejn issaltan il-ħajja.  U hemmhekk niltaqgħu lkoll, aħna lkoll li qiegħdin fil-pjazza llum, għad niltaqgħu fid-dar tal-Missier, fil-ħajja li għad itina Ġesù.

Il-qawmien ta’ Ġesù jaħdem fl-istorja bħala prinċipju ta’ tiġdid u tama.  Min hu ddisprat u għajjien għall-mewt, jekk jafda f’Ġesù u f’imħabbtu, jista’ jerġa jibda’ jgħix.  Jista’ jibda ħajja ġdida, li nibdlu ħajjitna hu mod ieħor kif inqumu u nerġgħu nibdew ngħixu.  Il-fidi hi l-qawwa tal-ħajja, tagħti l-milja lill-umanità tagħna; u min jemmen fi Kristu jagħraf lilu nnifsu għax inissel il-ħajja f’kull sitwazzjoni, u jġiegħel lil kulħadd, speċjalment lill-aktar dgħajfa, iħoss l-imħabba t’Alla li teħles u ssalva.

Nitolbu lill-Mulej biex bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, jtina d-don ta’ fidi qawwija u kuraġġuża li timbuttana biex inxerrdu t-tama u l-ħajja fost ħutna.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini!

Insellem partikolarment lill-parteċipanti tal-mixja “Art waħda, familja umana waħda”.  Ninkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn il-persuni u l-assoċjazzjonijiet tar-reliġjonijiet differenti li jippromwovu l-ekoloġija integrali.  Nirringrazzja lill-FOCSIV, Our Voices u l-organiżżazzjonijiet l-oħra u nawgura l-ħidma t-tajba liż-żgħażagħ minn pajjiżi differenti li f’dawn il-ġranet qed jiddiskutu dwar il-kura tad-dar komuni.

Qed nara ħafna bnadar tal-Bolivja!  Insellem minn qalbi ‘l-grupp ta’ Bolivjani li jgħixu fl-Italja, li ġabu magħhom hawnhekk xi xbiehat tal-Madonna fost l-aktar rappreżentattivi ta’ pajjiżhom, il-Verġni ta’ Urcupiña, il-Verġni ta’ Copacabana u tant oħrajn.  Il-ġimgħa li ġejja se nkun f’pajjiżkom!  Jalla Ommna tas-Sema tħariskom.  Insellem ukoll lill-grupp ta’ żgħażagħ minn Ibiża li qed jitħejjew biex jirċievu l-Konfermazzjoni.  Nitlobkom titolbu għalija.

Insellem lill-“Guides”, jiġifieri l-“iscouts nisa”.  Huma tant bravi dawn in-nisa, tant bravi u jagħmlu tant ġid!  Huma “l-iscouts nisa” li jagħmlu parti mill-Konferenza Internazzjonali Kattolika.  Lilhom inġeddilhom l-inkoraġġiment tiegħi.  Grazzi ħafna!

Insellem lill-fidili minn Novoli, il-kor polifoniku minn Augusta, iż-żgħażagħ minn xi parroċċi tad-djoċesi ta’ Padova li rċevew is-Sagrament tal-Griżma; “in-nanniet minn Sydney”, l-assoċjazzjoni tal-anzjani emigrati fl-Awstralja li nġabru hawn flimkien man-neputijiet tagħhom; lit-tfal ta’ Chernobyl u l-familji minn Este u Ospedaletto li qed jospitawhom; liċ-ċiklisti u tal-muturi li ġew minn Cardito u d-dilettanti tal-karrozzi storiċi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Jekk joħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber