Għżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Sfortunatament, ta’ kuljum, l-aħbarijiet iwasslulna ġrajjiet koroħ: omiċidji, inċidenti, katastrofi......  Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum Ġesù jitkellem dwar żewġ fatti traġiċi li fi żmienu kienu qanqlu għaa kbir: trażżin krudili mwettaq mis-suldati Rumani ġewwa t-tempju; u t-tiġrif tat-torri ta’ Silwam, f’Ġerusalemm, li kien ħalla 18 mejta (cfr Luqa 13, 1-5).

Ġesù huwa konxju mill-mentalità superstizzjuża ta’ dawk li kienu qed jisimugħ u jaf li huma jinterpretaw dawk l-avvenimenti b’mod żbaljat.  Infatti huma jemmnu li la dawk in-nies mietu b’mewta daqstant krudili, hu sinjal li Alla kkastigahom minħabba xi ħtija li kienu għamlu; qieshom qed jgħidu: “kien ħaqqhom”.  U minflok, il-fatt li kienu nħelsu mid-diżgrazzja kien ifisser li huma jħossuhom “f’posthom”.  “Dawk kien ħaqqhom”; jien “qiegħed tajjeb”.

Ġesù jirrifjuta għal kollox din l-interpretazzjoni, għax Alla ma jippermettix it-traġedji biex jikkastiga l-ħtijiet, u jafferma li dawk l-imsejkna vittmi ma kienu xejn anqas ħżiena minn ħaddieħor.  Infatti, Ġesù jagħmel stedina biex minn dawk il-fatti ta’ niket tinstilet twissija li tolqot lil kulħadd, għax ilkoll aħna midinbin; infatti jgħid lil dawk li kellmuh: «Jekk intom ma tikkonvertux, tintilfu lkoll bl-istess mod» (v.3).

Illum ukoll, quddiem ċerti diżgrazzji u sitwazzjonijiet ta’ luttu, jista’ jkollna t-tentazzjoni li nitfgħu ir-responsabbiltà fuq il-vittmi, jew saħansitra fuq Alla stess.  Imma l-Evanġelju jistedinna nirriflettu: x’idea għandna ta’ Alla?  Aħna verament konvinti li Alla hu hekk, jew inkella dik hija impressjoni tagħna ta’ kif naraw ‘l Alla, xbieha tagħna?  Bil-maqlub, Ġesù pjuttost isejħilna biex nibdlu qlubna, biex indawwru radikalment il-mixja ta’ ħajjitna, nabbandunaw il-kompromessi mal-ħażen – u dan nagħmluh ilkoll, il-kompromessi mal-ħażen – l-ipokrisiji – jien nemmen li lkoll kemm aħna għandna xi nitfa’ ipokrisija – biex nibdew it-triq tal-Evanġelju b’rieda soda.  Imma mill-ġdid tifaċċa t-tentazzjoni li niġġustifikaw ruħna:  “Imma minn xiex irridu nikkonvertu?  Kollox ma’ kollox, aħna m’aħniex nies tajbin?”  Kemm-il darba ħsibna hekk”  “Imma kollox ma’ kollox jien tajjeb, jiena tajba – mhux hekk? – aħna ma nemmnux, u bejn wieħed u ieħor nipprattikaw (it-twemmin tagħna)”  U b’hekk naħsbu li aħna ġustifikati.

Sfortunatament kull wieħed u waħda minna nixbħu ħafna lis-siġra li, għal għadd ta’ snin tat prova ta’ kemm hi sterili.  Imma, b’xorti tajba għalina, Ġesù jixbaħ lil dak il-bidwi li, bil-paċenzja mingħajr limiti jirbaħ ftit aktar żmien għal dik it-tina li ma tagħtix frott: «Ħalliha sena oħra – jgħid lis-sid – (......)  Naraw jekk tagħmilx frott aktar ‘il quddiem» (v.9).  Sena żejda: iż-żmien tal-ministeru ta’ Kristu, iż-żmien tal-Knisja qabel ma  tirritorna glorjuża, iż-żmien ta’ ħajjitna li fih hemm ċertu numru ta’ Randanijiet, li jkunu offruti lilna bħala okkażjoni biex insewwu triqtna, biex insalvaw, iż-żmien tas-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena.  Il-paċenzja ta’ Ġesù li xejn ma jegħlibha!  Intom ħsibtu dwar il-paċenzja ta’ Alla?  Ħsibtu wkoll dwar it-tħassib ma jaqta’ xejn tiegħu għall-midinbin, kif dawn għandhom jipprovokawna biex qatt ma nkunu sodisfatti bina nfusna?  Qatt mhu tard biex nikkonvertu!  Sal-aħħar mument: il-paċenzja ta’ Alla tibqa’ tistenniena.  Tiftakruha dik l-istorja żgħira dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, meta kienet tkun qed titlob għal dak ir-raġel ikkundannat għall-mewt, kriminal li ma riedx jirċievi l-faraġ tal-Knisja, irrifjuta s-saċerdot.  U hi titlob fil-kunvent.  U meta dak ir-raġel wasal il-ħin li jkun maqtul, idur lejn is-saċerdot, jaqbad il-Kiurċifiss u jbusu.  Il-paċenzja ta’ Alla!  U l-istess jagħmel magħna, magħna lkoll!  Kemm-il darba – aħna dan ma nafuhx, inkunu nafuh fis-sema -, kemm-il darba aħna nkunu hemm... (fil punt li naqgħu) u l-Mulej isalvana: isalvana għaliex għandu paċenzja kbira magħna.  U din hi l-ħniena tiegħu.  Qatt mhu tard biex nikkonvertu, imma hu urġenti, issa!  Nibdew mil-lum.

Il-Verġni Marija ssostnina biex inkunu nistgħu niftħu qlubna għall-grazzja t’Alla, għall-ħniena tiegħu; u tgħinna biex qatt ma niġġudikaw lil-oħrajn, imma nħallu li d-diżgrazzji li jsiru kuljum jipprovokawna biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza serju u nibdlu triqtna.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

It-talb tiegħi, u tagħkom ukoll, għandu dejjem quddiemu d-dramm tar-refuġjati li jaħarbu minn gwerrer u sitwazzjonijiet inumani oħra.  Il-Greċja, b’mod partikolari, u pajjiżi oħra li jinsabu fuq il-fruntieri qed ituhom għajnuna ġeneruża li teħtieġ ukoll il-kollaborazzjoni tan-nazzjonijiet kollha.  Tweġiba korali tista’ tkun effikaċi biex il-piżijiet jinqasmu bil-fier.  Għaldaaqstant hemm bżonn li b’deċiżjoni kbira u mingħajr ebda riżervi, nimmiraw li jkun hemm negozjati.  Fl-istess ħin, ilqajt bit-tama  l-aħbar li fis-Sirja waqaf il-ġlied, u nistieden lil kulħadd jitlob biex dan ix-xaqq dawl ikun ta’ serħan għall-popolazzjoni li qed tbati, u taslilhom l-għajununa umanitarja, minbarra li tiftaħ it-triq tad-djalogu u l-paċi tant mixtieqa.  

Irrid naċċerta lill-poplu tal-gżejjer Fiji, li ntlaqtu miċ-ċiklun qerriedi, li jien qribhom.  Nitlob għall-vittmi u għal kull min hu impenjat biex jagħti l-għajnuna.

Insellem minn qalbi lilkom pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra.

Insellem lill-fidili li ġejjin minn Danzika, l-indiġeni mill-Bijafra, l-istudenti minn Zaragozza, Huelva, Córdoba u Zafra, iż-żgħażagħ minn Formentera u lill-fidili minn Jaén.

Insellem lill gruppi tal-Pollakki li joqgħodu l-Italja; lill-fidili minn Cascia, Desenzano del Garda, Vicenza, Castiglione d’Adda u Rocca di Neto; kif ukoll lil għadd kbir ta’ żgħażagħ tal-kamp ta’ San Gabriele dell’Addolorata mmexxijin mill-patrijiet Passjonisti; lill-adoloxxenti tal-Oratorji ta’ Rho, Cornaredo u Pero, u lil dawk li ġejjin minn Buccinasco; u lill-iskola tas-Sorijiet “Dimesse Figlie di Maria Immacolata” minn Padova.

Insellem lill-grupp li ġie hawn fl-okkażjoni tal-“Ġurnata tal-Mard Rari”, b’talba speċjali u inkoraġġiment lill-assoċjazzjonijiet tagħkom tas-sokkors.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber