Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Mc 1,21-28) huwa silta min-narrazzjoni aktar wiesa li tirrakuntalna “il-ġurnata ta’ Kafranahum”.  Fil-qalba tar-rakkont tal-lum hemm l-avvenitment tal-eżorċiżmu, li permezz tiegħu, Ġesù hu ppreżentat bħala l-profeta setgħan fil-kliem u fl-opri.

Jidħol fis-sinagoga ta’ Kafarnahum fil-jum tas-Sibt u jibda’ jgħallem; in-nies baqgħu mistgħaġbin bi kliemu, għax ma kienx kliem ordinarju, ma jixbaħx dak li kienu jisimgħu soltu.  Infatti, l-iskribi jgħallmu imma mingħajr awtorevolezza.  U Ġesù jgħallem bl-awtorità.  Iżda Ġesù jgħallem bħal wieħed li għandu l-awtorità, u juri ruħu bħala dak li kien mibgħut minn Alla, u mhux bħala bniedem sempliċi li ried iwaqqaf it-tagħlim tiegħu fuq it-tradizzjonijiet ta’ qabel biss.  Ġesù għandu awtorità sħiħa.  Id-duttrina tiegħu hi ġdida u l-Evanġleju jgħidilna li n-nies bdew jgħidu bejniethom: “tagħlim ġdid mogħti b’awtorità” (v.27).

Fl-istess ħin, Ġesù juri ruħu setgħan anki bl-opri.  Fis-sinagoga ta’ Kafarnahum hemm raġel maħkum minn spirtu ħażin li juri ruħu billi jgħajjat dal-kliem: “Xi trid minna, Ġesù ta’ Nażaret?  Ġejt biex teqridna?  Jiena naf min int: int il-Qaddis t’Alla!”  Ix-xitan jgħid il-verità: Ġesù ġie biex jeqred lix-xitan, biex jegħlbu.  Dan l-ispirtu ħażin jagħraf is-setgħa li għandu Ġesù u jxandar ukoll il-qdusija tiegħu.  Ġesù jċanfru u jgħidlu: “Iskot!  Oħroġ minnu” (v. 25).  Dawn il-ftit kliem ta’ Ġesù huma biżżejjed biex jikseb ir-rebħa fuq Satana, li joħroġ minn dak il-bniedem “billi jħabbtu ħafna u jgħajjat għajta kbira”, jgħidilna l-Evanġelju (v. 26).

Dal-fatt impressjonahom ħafna lil dawk li kienu hemm; ilkoll qabadhom il-biża u bdew jgħidu bejniethom: “Imma min hu dan?.. Jordna saħansitra lill-ispirti ħżiena u dawn joqgħdu għalih!” (v. 27).  Il-qawwa ta’ Ġesù tikkonferma l-awtorevolezza tat-tagħlim tiegħu.  Hu ma jlissinx kliem biss, imma jaġixxi.  B’hekk juri ċar liema hu l-proġett ta’ Alla bil-kliem u bil-qawwa tal-opri tiegħu.  Infatti, fl-Evanġelju, naraw li Ġesù, fil-missjoni tiegħu fuq din l-art, juri l-imħabba ta’ Alla kemm bil-predikazzjoni kif ukoll bil-bosta ġesti ta’ attenzjoni li kien jagħti lill-morda, lil min kien fil-bżonn, lit-tfal, lill-midinbin.

Ġesù hu l-Imgħallem tagħna, qawwi fil-kliem u fl-opri.  Ġesù jtina d-dawl kollu li jdawwal it-toroq, kultant mudlama, tal-eżistenza tagħna; ixandrilna wkoll il-qawwa meħtieġa biex ngħelbu d-diffikultajiet, il-provi, it-tentazzjonijiet.  Naħsbu ftit kemm hi kbira l-grazzja li għandna li sirna nafu lil dan Alla, tant setgħan u tant twajjeb!  Mgħallem u ħabib, li jurina t-triq u jieħu ħsiebna, speċjalment meta nkunu ninsabu fil-ħtieġa.

Il-Verġni Marija, mara ta’ smigħ, tgħinna nżommu s-silenzju madwarna u ġewwa fina, biex nisimgħu, qalb il-ħsejjes tad-dinja, il-kelma l-aktar awtorevoli li teżisti: dik ta’ Binha Ġesù, li jħabbrilna s-sens tal-eżistenza tagħna u jeħslina minn kull jasar, anki dak tal-Malinn.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ mill-Afganistan waslet l-aħbar ta’ niket dwar l-istraġi terribbli li seħħet fil-kapitali Kabul, b’aktar minn mitt ruħ mejta u għadd kbir ta’ feruti.  Ftit jiem ilu, attentat gravi ieħor, dejjem f’Kabul, kien żera’ ħafna biża’ u mewt f’lukanda kbira.  Kemm se jdum jissaporti din il-vjolenza diżumana l-poplu Afgan?  Nitolbu fis-skiet għall-vittmi kollha u għall-familji tagħhom; u nitolbu għal kull min, f’dak il-pajjiż, għadu jaħdem biex jibni l-paċi.

Illum qed ikun ċelebrat il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Sfortunatament dil-marda għadha tolqot lill-persuni l-aktar fil-bżonn u l-aktar foqra.  Lil dawn ħutna niżgurawhom li aħna qribhom u solidali magħhom, filwaqt li nitolbu għal kull min jgħinhom u jitħabat biex jerġa’ jdaħħalhom lura  fis-soċjetà.

Insellem lill-familji, lill-parroċċi, lill-assoċjazzjonijiet u lil kull min jinsab hawn kemm mill-Italja kif ukoll minn tant inħawi tad-dinja.  Partikolarment lill-istudenti minn Badajoz (Spanja), lill-fidili minn Ljubljana (Slovenja) u lil dawk minn Venezja u minn Veglie.

B’imħabba kbira nsellem liż-żgħażagħ tal- Azzjoni Kattolika mid-Djoċesi ta’ Ruma!  Nittama li anki bl-istorbju tagħhom kollu jafu jagħmlu affarijiet tajbin ukoll, mhux hekk?  Għeżież żgħażagħ, dis-sena wkoll ġejtu bi ħġarkom fi tmiem il-”karovana tal-paċi”.  Nirringrazzjakom ta’ din l-inizjattiva.  Grazzi, grazzi ħafna!  Tgħejew qatt tkunu strumenti tal-paċi u ferħ fost sħabkom tamparkom!  Issa nisimgħu lkoll il-messaġġ li ħbiebkom, hawn ħdejja, se jaqrawlna.

(Qari tal-messaġġ)

Jindirizza lit-tfal li qraw il-messaġġ: “Grazzi, grazzi.  Ibqgħu hawn.  Sellmu, sellmu, sellmu mingħajr ma tibżgħu!”

U issa, flimkien mat-talb tagħna għall-paċi, kull wieħed u waħda minna u f’qalbu, jitlob għall-paċi.  Flimkien ma’ dan it-talb jitilgħu lejn is-sema dawn il-bżieżaq!

(Jintelqu l-bżieżaq)

Rajtuhom dawn il-bżieżaq?  Meta aħna nitolbu ħażin, meta ngħejxu ħajja li mhix dik li jrid Ġesù, it-talb ma jasalx u għalhekk ikollna bżonn tal-għajnuna biex jitilgħu ‘l fuq.  Meta intom tħossu li t-talb tagħkom ma jiltax ‘il fuq, fittxu l-għajnuna ta’ xi ħadd, fittxu l-għajnuna ta’ xi ħadd.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber