Għeżież ħuti. Il-jum it-tajjeb!

Kemm ikantaw tajjeb dawn iż-żgħażagħ! Bravi!

Fil-klima ferrieħi tal-Milied, f’dan il-Ħadd qed niċċlelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa.  Qed jiġuni f’moħħi l-laqgħa kbira f’Filadelfja, f’Settmebru li għadda; tant familji li ltqajt magħhom fil-vjaġġi apppostoliċi; u l-familji tad-dinja kollha.  Irrid insellmilhom b’imħabba kbira u bi gratitudni, speċjalment fiż-żmien tagħna, li fih il-familja qiegħda tiddgħajjef minħabba li mhix mifhumha u d’diffikultajiet ta’ kull għamla li qed jagħfsu fuqha.

L-Evanġelju tal-lum hu stedina lill-familji biex huma jilqgħu d-dawl tat-tama li ġej mid-dar ta’ Nażaret, li fiha sseddqet fil-ferħ it-tfulija ta’ Ġesù, illi – jgħidilna San Luqa -  kien jikber fl-għerf, fiż-żmien u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin» (2,52).  Għal kull min jemmen, imma speċjalment għall-familji, in-nukleju tal-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi hu skola tal-Evanġelju.  Hawnhekk nammiraw il-milja tal-pjan divin li għamel il-familja bħala komunità speċjali ta’ ħajja u ta’ mħabba.  Hawnhekk nitgħallmu li kull nukleju familjari Nisrani hu msejjaħ biex ikun “knisja domestika”, idawwal bil-virtuwjiet evanġeliċi u jsir ħmira tat-tajjeb fis-soċjetà.  Il-karatteristiċi tipiċi tal-Familja Mqaddsa huma: il-ġabrau t-talb, li jifhmu u jirrispettaw lil xulxin, l-ispirtu ta’ sagrifiċċju, ix-xogħol u s-solidarjetà.

Mill-eżempju u mix-xhieda tal-Familja Mqaddsa, kull familja tista’ tislet tagħlim prezzjuż għall-istil u l-għażliet tal-ħajja, u tista’ tikseb il-qawwa u l-għaqal fil-mixja ta’ kuljum.  Il-Madonna u san Ġużepp jgħallmuna nilqgħu l-ulied bħala rigal minn Alla, innissluhom u nedukawhom b’koperazzjoni meraviljuża mal-opra tal-Ħallieq u f’kull tarbija nagħtu lid-dinja tbissima ġdida.  Hu fi ħdan familja magħquda li l-ulied jimmaturaw l-eżistenza tagħhom huma u jgħixu l-esperjenzi effikaċi u ta’ tifsi, li huma l-imħabba gratwita, it-tenerezza, ir-rispett reċiproku, il-fehim reċiproku, il-maħfra u l-ferħ.

Irrid nitkellem ftit dwar il-ferħ.  Il-ferħ veru li jinħass fil-familja mhux xi ħaġa li ssir b’kumbinazzjoni u bl-addoċċ.  Hu ferħ imnissel mill-armonija profonda bejn il-persuni li biha tintiegħem is-sbuħija tal-kumpanija ta’ xulxin, tas-sapport reċiproku fil-mixja tal-ħajja.  Imma l-pedament ta’ kull ferħ hu dejjem il-preżenza t’Alla, imħabbtu akkoljenti, mimlija ħniena u paċenzjuża ma’ kulħadd.  Jekk il-familji tagħna ma jiftħux il-bibien għall-preżenza t’Alla u għal imħabbtu, jitilfu l-armonija u jibda jsaltan l-individwaliżmu, il-ferħ jgħib.  Iżda l-familja li tgħix il-ferħ, il-ferħ tal-ħajja, il-ferħ tal-fidi, b’mod spontanju tgħaddi dan kollu lil ħaddieħor, tkun melħ tal-art u dawl għad-dinja, tkun ħmira għas-soċjetà kollha.

Ġesù. Marija u Ġużeppi jbierku u jħarsu l-familji kollha tad-dinja, ħalli fihom isaltnu s-serenità u l-ferħ, il-ġustizzja u l-paċi, li bit-twelid tiegħu Kristu tahom bħala rigal lill-umanità.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

F’dan il-waqt ħsiebi jmur lejn l-għadd kbir ta’ migranti Kubani li jinsabu f’diffikultà fl-Amerika Ċentrali, li ħafna minnhom huma vittmi tat-traffikar tal-persuni.  Nistieden lill-pajjiżi tar-reġjun biex, bil-ġenerożità jżidu l-isforzi meħtieġa ħalli mingħajr dewmien isibu soluzzjoni għal dan id-dramm umanitarju.

Tislima minn qiegħ qalbi llum tmur lejn il-familji li hawn fil-pjazza u lejkom ukoll!  Grazzi tax-xhieda tagħkom.  Il-Mulej ikun magħkom bil-grazzja tiegħu u jibqa’ magħkom fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum.

Insellem lilkom, pellegrini li ġejtu minn kull rokna tad-dinja.  Partikolarment insellem liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Bergamo li rċevew is-Sagrament tal-Konfermazzjoni.  U nirringrazzja wkoll liż-żgħażagħ u lit-tfal li kantaw tant tajjeb u li hekk se jkomplu jagħmlu..............  Għanja tal-Milied ad unur tal-familji.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Nirringrazzjakom mill-ġdid tal-awguri tagħkom u tat-talb u, jekk jogħġobkom komplu itolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber