Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fil-Knisja tibda sena liturġika ġdida, jew aħjar, mixja ġdida ta’ fidi tal-poplu t’Alla.  U bħal dejjem nibdew bl-Avvent.  Il-paġna tal-Evanġelju (cfr Mt 24,37-44) tintroduċilna waħda mit-temi l-aktar suġġestivi ta’ żmien l-Avvent: iż-żjara tal-Mulej lill-umanità.  Ilkoll nafu li l-ewwel żjara saret bl-Inkarnazzjoni, it-twelid ta’ Ġesù fil-grotta ta’ Betlem; it-tieni waħda qed issir fil-preżent: il-Mulej iżurna l-ħin kollu, kuljum, jimxi maġenbna u hu preżenza ta’ faraġ; u fl-aħħar ikun hemm it-tielet, l-aħħar żjara, dik li nistqarru kull darba li ngħidu l-Kredu:«Jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin».  Il-Mulej illum ikellimna dwar din l-aħħar żjara, dik li għandha sseħħ fl-aħħar taż-żminijiet, u jgħidlna fejn se tintemm il-mixja tagħna.

Il-Kelma t’Alla turina ċar il-kuntrast bejn il-ġrajjiet normali tal-ħajja, ir-rutina tal-ħwejjeġ ta’ kuljum u d-dehra bla mistenni tal-Mulej.  Ġesù jgħid: «Bħal fil-jiem ta’ qabel id-dulluvju, kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sal-jum li fih Noè daħal fl-arka, u ma ntebħu b’xejn sakemm wasal id-dulluvju u ġarr lil kulħadd» (vv. 38-39); hekk jgħid Ġesù.  Is-siegħat li jiġu qabel traġedja kbira ġdida, dejjem jimpressjonawna kull meta naħsbu fihom: kulħadd kalm, jagħmel dak li jagħmel soltu mingħajr ma jinduna li ħajtu waslet biex tinqaleb ta’ taħt fuq.  Żgur li l-Evanġelju ma jridx ibeżżgħana, imma jrid jiftħilna x-xefaq għal-dimensjoni oħra, akbar, li, min-naħa tirrelativiżża l-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum imma li fl-istess waqt tagħmilhom prezzjużi.  Ir-relazzjoni ma’ Alla li se jiġi jżurna tagħti lil kull ġest, li kull ħaġa, dawl differenti, aktar sustanza, valur simboliku.

Minn din il-perspettiva titnissel ukoll stedina għall-moderazzjoni, biex ma nħallux l-affarijiet ta’ did-dinja, ir-realtaijiet materjali, jiddominawna, imma pjuttost biex nikkontrollawhom aħna.  Jekk, għall-kuntrarju, nħalluhom jikkundizzjonawna huma, jiddominawna, ma nkunux nistgħu nintebħu li hemm xi ħaġa li hi aktar importanti: l-aħħar laqgħa tagħna mal-Mulej: u dan hu importanti ħafna.  Dik il-laqgħa.  U l-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum għandhom iħarsu lejn dan ix-xefaq, għandhom ikunu indirizzati lejn dal ix-xefaq.  Dil-laqgħa mal-Mulej li ġej għalina.  Dak il-waqt, jgħidlna l-Evanġelju, «tnejn min-nies ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla» (v. 40).  Hi stedina biex nishru, għax ma nafux meta se jasal, irridu nkunu dejjem lesti biex nitilqu.

F’dan iż-żmien tal-Avvent aħna msejħin biex inwessgħu l-orizzont ta’ qlubna, biex inħallu lill-ħajja ta’ kuljum tissorprendina bin-novitajiet tagħha.  Biex nagħmlu hekk jeħtieġ nitgħallmu ma niddependux mis-sigurtajiet tagħna, mill-iskemi stabbli tagħna, għax il-Mulej jasal fil-ħin li ma nkunux qed nistennewH.  Jiġi biex idaħħalna f’dimensjoni isbaħ u akbar.

Il-Madonna, il-Verġni tal-Avvent tgħinna biex ma nqisux lilna nfusna propjetarji ta’ ħajjitna, biex ma nirreżistux meta l-Mulej jiġi biex jibdilhielna, imma biex inkunu lesti ħalli nħalluh iżurna, Hu, il-mistieden mistenni u milqugħ anki jekk jaqilbilna l-pjanijiet tagħna ta’ taħt fuq.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Irrid niżgura lill-popli tal-Amerika tan-Nofs li qed nitlob għalihom, speċjalment il-Costa Rica u n-Nicaragua, li ntlaqtu mill-uragan, u dawn tal-aħħar minn terremot kbir ukoll.  U nitlob ukoll għan-nies tal-Italja tat-Tramuntana li qed ibatu minħabba l-għarar.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu minn Ruma u minn bosta Pajjiżi oħra: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.  Irrid insellem partikolarment lil-fidili li ġew mil-Libanu, mill-Eġittu, mis-Slovakkja u l-kor minn Limburg (il-Ġermanja).  Insellem minn qalbi lill-komunità Ekwadorjana li tinsab hawn, lill-familja tal-Moviment “Tra Noi”; il-gruppi minn Altamura, Rieti, San Casciano in Val Pesa; l-UNITALSI ta’ Capaccio u l-istudenti minn Bagheria.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u mixja tal-Avvent it-tajba biex niltaqgħu mal-Mulej.  Jalla jkun żmien ta’ tama!  Immorru niltaqgħu mal-Mulej li riesaq lejna.  It-tama vera, mibnija fuq il-fedeltà lejn Alla u r-reponsabbiltà tagħna.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber