IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 27 ta' Ottubru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Quddiesa li kienet iċċelebrata dalgħodu ġo San Pietru temmet l-Assemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għar-Reġjun Panamażoniku.  L-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta' Bik Sirak fakkarna l-punt tat-tluq ta' dil-mixja: għaliex "Alla jisma' t-talba tal-magħkus" (Sir. 35,21.16).  L-għajta tal-foqra, flimkien ma' dik tal-art, waslet għandna mill-Amażonja.  Wara dawn it-tliet ġimgħat ma nistgħux nagħmlu tabirruħna li ma smajnihiex.  Leħen il-foqra, flimkien ma' dak ta' tant oħrajn kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Assemblea Sinodali -Ragħajja, żgħażagħ, xjenzjati - jixprunawna biex ma nibqgħux indifferenti.  Spiss smajna l-frażi "aktar tard se jkun tard wisq": din il-frażi ma tistax tibqa' biss 'slogan'.

X'kien is-Sinodu?  Kien, kif tgħid il-kelma, mixja flimkien, ikkunslati mill-kuraġġ u l-faraġ li jiġu mill-Mulej. Imxejna nħarsu f'għajnejn xulxin u nisimgħu lil xulxin bis-sinċerità, bla ma ħbejna d-diffikultajiet, ġarrabna s-sbuħija li nimxu 'l quddiem flimkien magħqudin, biex inservu.  F'dan jinkoraġġina l-Appostlu Pawlu fit-tieni qari tal-lum: f'waqt drammatiku għalih, meta jaf li "wasal biex jingħata bħala offerta - jiġifieri li jkun ġustizzjat - u li qorob il-waqt li jħalli din l-art: (cfr 2 Tim 4,6) f'dak il-waqt, jikteb: "Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha" (v. 17).  Din hi l-aħħar xewqa ta' Pawlu: mhux xi ħaġa għalih jew għal xi ħadd minn tiegħu, imma għall-Evanġelju, sabiex ikun imxandar lill-ġnus kollha.  Dan jiġi l-ewwel u jiswa aktar minn kollox.  Kull wieħed u waħda minna staqsa lilu nnifsu  kemm-il darba, x'jista' jagħmel tajjeb għal ħajtu: illum hu l-waqt it-tajjeb; nistaqsu lilna nfusna: "Jiena x'nista' nagħmel ta' fejda għall-Evanġelju?"

Dan staqsejnih lilna nfusna waqt is-Sinodu, bix-xewqa li niftħu toroq ġodda għax-xandir tal-Evanġelju.  Huwa dak li jingħex biss li jista' jixxandar.  U biex ngħixu b'Ġesù, biex ngħixu bl-Evanġelju jeħtieġ noħorġu minna nfusna.  B'hekk inħossuna xprunati biex naqdfu 'l barra, biex inħallu warajna x-xtut komdi tal-portijiet żguri tagħna ħalli mmoru fl-ibħra fondi: mhux fl-ilmijiet imdardra tal-ideoloġiji, imma fil-baħar miftuħ li fih l-Ispirtu s-Santu jistedinna nitfgħu x'xbiek tagħna.

Għall-mixja li jmiss, ninvokaw lill-Verġni Marija, meqjuma u maħbuba bħala Reġina tal-Amażonja.  Hi ma kisbitx dan (it-titlu) bis-seduzzjoni imma "billi twaħħdet mal-kultura": bil-kuraġġ umli tal-omm, saret il-protettriċi taċ-ċkejknin tagħha, id-difiża tal-magħkusin.  Dejjem toqrob lejn il-kultura tal-popli.  M'hemmx kultura 'standard', m'hemmx kultura pura, li ssaffi lill-oħrajn; hemm l-Evanġelju, pur, li jinkultura.  Lilha li fid-dar fqajra ta' Nażaret ħadet ħsieb Ġesù, nafdawlha l-ulied l-aktar foqra u d-dar komuni tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Indur bi ħsieb speċjali lejn il-poplu għażiż tal-Libanu, partikolarment iż-żgħażagħ, li dawn l-aħħar jiem għollew leħinhom quddiem l-isfidi u l-problemi soċjali, morali u ekonomiċi ta' pajjiżhom.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex ifittex soluzzjonijiet ġusti fit-triq tad-djalogu u nitlob lill-Verġni Marija, Reġina tal-Libanu, sabiex bis-sapport tal-komunità internazzjonali, dak il-pajjiż ikompli jkun spazju ta' konvivenza paċifika u rispett tad-dinjità u l-libertà ta' kull persuna biex ikun ta' fejda għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu, li qed isofri ħafna.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll pellegrini Taljani u minn pajjiżi differenti, partikolarment lil dawk ġejjin minn Sao Paolo fil-Brażil u mill-Polonja, kif ukoll lill-grupp taċ-“Céntro Académico Romano Fundación”, minn Spanja.

Insellem lill-Appostli (nisa) tal-Qalb Imqaddsa li qed ifakkru ċ-ċentinarju tat-twaqqif tagħhom; lill-komunità Siro-Malabrese mid-djoċesi ta' Patti; lis-seminaristi mid-djoċesi ta' Reggio Emilia-Guastalla, li dalgħodu servew il-quddiesa fil-Bażilika.  U qed nara wkoll li hawn dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Galzignano: insellmilkom!

Dan huwa l-aħħar Ħadd ta' Ottubru, ix-xahar missjunarju, li dis-sena kellu l-karatteristika ta' xahar straordinarju u huwa wkoll ix-xahar tar-Rużarju.  Inġedded l-istedina biex jingħad ir-Rużarju għall-missjoni tal-Knisja tal-lum, partikolarment għall-missjunarji rġiel u nisa li llum jitlaqgħu ma' diffikultajiet akbar.  U fl-istess waqt inkomplu nitolbu r-Rużarju għall-paċi.  L-Evanġelju u l-paċi jimxu id f'id.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber