Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mt 16,13-20) itina silta li fil-mixja ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu hi mument ta’ qofol: il-mument li fih Hu jrid jara sa fejn tasal il-fidi tagħhom fih.  L-ewwel ried jaf x’jaħsbu n-nies dwaru, u n-nies jaħsbu li hu Profeta, ħaġa minna, imma ma jifhmux il-qofol tal-Persuna tiegħu, ma jifhmux il-qofol tal-missjoni tiegħu.  Imbagħad lid-dixxipli tiegħu jagħmlilhom il-mistoqsija li hi l-aktar għall-qalbu, jiġfieri jistaqsihom direttament: «Imma intom min tgħidu li jien? (v. 15).  B’dik il-kelma “imma” Ġesù jifred b’mod deċiż lill-Appostli mill-massa tan-nies, qiesu ried jgħid: imma intom li tkunu miegħi kuljum u tafuni mill-qrib, x’fhimtu aktar minnhom?  Mingħand in-nies tiegħu l-Imgħallem jistenna tweġiba għolja u differenti minn kif inhi l-opinjoni pubblika.  U fil-fatt, propju dit-tweġiba toħroġ mill-qalb ta’ Xmun li jsejħulu Pietru: «Int Kristu l-Iben t’Alla l-ħaj» (v. 16).  Xmun Pietru jsib fuq fommu kliem li hu akbar minnu, kliem li ma jinbitx mill-ħiliet naturali tiegħu.  Forsi hu lanqas kellu livell ta’ skola primarja, imma kellu ħila jlissen dal-kliem, ferm aktar qawwi minnu!  Imma dawn kienu ispirati mill-Missier Ċelesti (cfr v. 17), li lill-ewwel wieħed fost it-tnax, jirrivelalu l-identità vera ta’ Ġesù: Huwa hu l-Messija, l-Iben mibgħut min Alla biex isalva lill-umanità.  U minn dit-tweġiba Ġesù jifhem li, grazzi għall-fidi rregalata mill-Missier, hemm sies samm li fuqu jista’ jibni l-komunità tiegħu, il-Knisja tiegħu.  Għalhekk jgħid lil Xmun: «Inti Xmun, int Pietru – jiġifieri ġebla, blata – u fuq dil-blata jien se nibni l-Knisja tiegħi» (v. 18).

Magħna wkoll, illum, Ġesù jrid ikompli jibni l-Knisja tiegħu, din id-dar b’sisien sodi imma li fiha x-xquq mhux neqsin, u li qatt ma tehda jkollha bżonn tissewwa.  Il-Knisja dejjem jeħtiġilha li tkun riformata, imsewwija.  Aħna żgur li ma nħossunhiex blat, imma biss ġebel żgħir.  Madankollu ebda ġebla żgħira mhi inutli, anzi, f’idejn Ġesù l-aktar ġebla żgħira ssir prezzjuża, għax Hu jiġborha, iħares lejha bit-tenerezza, jonġorha bl-Ispirtu tiegħu u jqegħdha fil-post it-tajjeb, li Hu minn dejjem ħaseb fih u fejn tista’ tkun utli għall-binja kollha kemm hi.  Kull wieħed u waħda minna aħna ġebel żgħir, imma f’idejn Ġesù kull ġebla għandha sehem fil-bini tal-Knsija.  U lkoll kemm aħna, żgħar kemm aħna żgħar, insiru “ġebel ħaj”, għax meta Ġesù jieħu l-ġebla tiegħu f’idejh, itiha n-nifs, jimlieha ħajja, mimlija ħajja bl-Ispirtu s-Santu, mimlija ħajja minn imħabbtu, u b’hekk aħna għandna post u missjoni fil-Knisja: Hija hi komunità ta’ ħajja, magħmula minn ħafna ġebel, ilkoll differenti, li jiffurmaw binja waħda bis-sinjal tal-fraternità u  l-komunjoni.

Minbarra dan, l-Evanġelju tal-lum ifakkarna li lill-Knisja tiegħu Ġesù ried itiha wkoll ċentru viżibbli ta’ komunjoni ma’ Pietru – hu wkoll ma kienx ġebla kbira, huwa ġebla żgħira, imma meta Ġesù ħadha f’idejh saret il-qalba tal-komunjoni – Pietru, u dawk kollha li kellhom jiġu warajh biex jieħdu r-responsabbiltà tal-oriġini, li sa mill-bidu nett kienu identifikati fl-Isqfijiet ta’ Ruma, il-belt fejn Pietru u Pawlu taw ix-xhieda b’demmhom.

Nintelqu f’idejn Marija, Reġina tal-Appostli, Omm il-Knisja.  Hi kienet fiċ-Ċenaklu, qrib Pietru, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli u mliehom bil-ħeġġa biex joħorġu, iħabbru lil kulħadd li Ġesù hu l-Mulej.  Illum din Ommna ssostnina u takkumpanjana bl-interċessjoni tagħha, ħalli aħna nqegħdu fis-seħħ fil-milja kollha tagħha dik l-għaqda u dik il-komunjoni li għaliha Kristu u l-Appostli talbu u taw ħajjithom.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Fil-jiem li għaddew għarar kbir laqat lill-Bangladesh, lin-Nepal u l-Indja.  Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet u nitlob għall-vittmi u għal kull min qed ibati minħabba din it-traġedja.

Waslu aħbarijiet ta’ niket dwar il-persekuzzjoni tal-minoranza reliġjuża, ħutna Rohingya.  Irrid nesprimi l-qrubija sħiħa tiegħi lejhom; u lkoll flimkien nitolbu  lill-Mulej biex isalvahom u biex iqanqal bnedmin ta’ rieda tajba ħalli jgħinuhom u jtuhom id-drittijiet kollha tagħhom.  Nitolbu wkoll għal ħutna Rohingya.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.

Insellem b’mod partikolari lill-membri tat-Terz Ordni Karmelitan; liż-żgħażagħ minn Tombelle, djoċesi ta’ Padova.. – imma kemm intom storbjużi! – li ftit ilu rċevew il-Griżma; u l-grupp minn Lodivecchio: dawn bravi għax ġew bil-mixi, f’pellegrinaġġ, tul l-aħħar parti tal-Via Francigena.  Kunu bravi l-istess f’ħajjitkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Nirrkmandalkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber