Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

It-tixbihat qosra li ttina l-liturġija tallum huma l-konklużjoni tal-kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mattew iddedikat għall-parabboli tas-Saltna t’Alla (13, 44-52).  Fost dawn hemm żewġ kapulavuri żgħar: il-parbboli tat-teżor moħbi fl-għalqa u tal-ġawrha li tiswa ħafna.  Dawn jgħidulna li s-Saltna t’Alla nistgħu niskopruha ħin bla waqt kif ġara lill-bidwi li kien qed jaħrat, li jsib it-teżor bla mistenni; inkella wara tiftix kbir, kif ġara lin-neguzjant tal-ġawhar li fl-aħħar sab il-ġawrha prezzjuża ħafna li kien ilu żmien joħlomha.  Imma kemm f’każ u kemm fl-ieħor jibqa’ l-fatt li t-teżor u l-ġawrha jiswew aktar mill-oħrajn kollha, u għalhekk, il-bidwi u n-neguzjant, meta jsibuhom, jiċċaħdu minn kollox biex ikunu jistgħu jiksbuhom.  M’għandhomx għalfejn joqogħod jġibu raġunamenti, jew joqgħodu jaħsbuha: jagħrfu mill-ewwel il-valur inkomparabbli ta’ dak li jkunu sabu u huma lesti li jitilfu kollox basta jiksbuh.

L-istess għas-Saltna t’Alla: min isibha m’għadnux dubji, iħoss li sab dak li kien qed ifittex, li kien qed jistenna u li hu t-tweġiba għall-aspirazzjonijiet l-aktar awtentiċi tiegħu.  U hekk hu verament: min jaf lil Ġesù, min jiltaqa’ miegħu personalment, jibqa’ affaxxinat, miġbud lejn it-tjubija, tant verità, tant ġmiel….. u dan kollu f’umiltà kbira u fis-sempliċità.  It-tfittxija ta’ Ġesù, il-laqgħa ma’ Ġesù: dan hu t-teżor kbir!

Kemm persuni, kemm qaddisin irġiel u nisa, li qraw l-Evanġelju b’qalb miftuħa, intlaqtu tant minn Ġesù, li kkonvertew lejH.  Naħsbu f’San Franġisk ta’ Assisi: kien diġà Nisrani, imma Nisrani tal-kumdità.  Meta qara l-Evanġelju, f’mument deċiżiv ta’ żgħożitu, iltaqa’ ma’ Ġesù u skopra s-Saltna t’Alla, u allura, il-ħolm kollu ta’ did-dinja li kellu, sparixxa.   L-Evanġelju jgħinek issir taf lill-veru Ġesù ħaj: ikellem lil qalbek u jibdillek ħajtek.  U allura, iva, tħalli kollox.  Tista’ effettivament tibdel l-istil ta’ ħajtek, jew inkella tkompli tagħmel dak li kont tagħmel qabel, imma int tkun bniedem ieħor, titwieled mill-ġdid: sibt dak li jagħti s-sens, dak li jagħti t-togħma, li jdawwal kollox, anki t-tagħbijiet tal-ħajja, anki s-sofferenza u l-mewt ukoll.

Naqraw l-Evanġelju.  Naqraw l-Evanġelju.  Tkellimna dwar dan, tiftakru?  Kull jum naqraw pass mill-Evanġelju; u nġorru magħna kopja żgħira tal-Evanġelju, fil-but, fil-basket, fhiex jidhrilna, f’post li nsibuh mill-ewwel.  U hemm, fil-qari ta’ silta, insibu lil Ġesù.  Kollox jibda’ jagħmel sens meta, hemm, fl-Evanġelju, ssib dan it-teżor li Ġesù jsejjaħlu “s-Saltna t’Alla”, jiġifieri Alla li jsaltan f’ħajtek, f’ħajjitna; Alla li hu mħabba, paċi u ferħ f’kull bniedem u fil-bnedmin kollha.  Dan irid Alla, din hi r-raġuni għaliex Ġesù ta lilu nnifsu, biex jeħlisna mis-setgħa tad-dlamijiet u jeħodna fis-saltna tal-ħajja, tal-ġmiel, tat-tjubija, tal-ferħ.  Meta naqraw l-Evanġelju nsibu lil Ġesù u jkollna l-ferħ Nisrani li hu don tal-Ispirtu s-Santu.

Għeżież ħuti, il-ferħ li nkunu sibna t-teżor tas-Saltna t’Alla, hu ċar, jidher.  In-Nisrani ma jistax iżomm il-fidi tiegħu mistura, għax din tidher f’kull kelma li jgħid, f’kull ġest anki dak l-aktar sempliċi u komuni: fih tidher l-imħabba li Alla tana permezz ta’ Ġesù.  Nitolbu, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, biex fina u fid-dinja kollha titnissel is-Saltna tiegħu ta’ mħabba, ġustizzja u paċi.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

 

Għada jaħbat il-mitt sena minn mindu faqqgħet l-ewwel gwerra dinjija li ħalliet miljuni ta’ vittmi u qerda kbira.  Din il-gwerra, li l-Papa Benedittu XV kien iddeskriviha “straġi inutli”,  wara erba’ snin ġiet solvuta bi trattat ta’ paċi li kien mill-aktar fraġli.  Għada hu jum ta’ luttu fit-tifkira ta’ dan id-dramm.  Filwaqt li niftakru f’dan l-avveniment traġiku, nawgura li l-iżbalji tal-passat ma jerġgħux jirrepetu ruħhom, imma il-lezzjonijiet tal-istorja jibqgħu fl-imħuħ ħalli dejjem joħorġu minn fuq ir-raġunijiet tat-tama permezz ta’ djalogu kuraġġuż u magħmul bil-paċenzja.

Illum, ħsiebi jmur partikolarment fuq tliet reġjuni li qiegħdin fi kriżi: il-Lavnt Nofsani, l-Iraq u l-Ukrajna.  Nitlobkom tibqgħu magħqudin miegħi fit-talb biex il-Mulej jagħti lill-popolazzjonijiet u lill-awtoritajiet ta’ dawk iż-żoni, il-qawwa meħtieġa biex bid-determinazzjoni jimxu fit-triq tal-paċi u jaffrontaw kull kwistjoni bid-djalogu tenaċi, bin-negozjati u bil-forza tar-rikonċiljazzjoni.  Fil-qofol ta’ kull deċiżjoni m’għandhomx jitqiegħdu interessi partikolari, imma l-ġid komuni u r-rispett ta’ kull persuna.  Niftakru li bil-gwerra nitilfu kollox u bil-paċi ma nitilfu xejn.

Ħuti, qatt ill-gwerra!  Qatt il-gwerra!  Naħseb fuq kollox dwar it-tfal, li titteħdilhom it-tama ta’ ħajja denja, tal-futur: tfal mejtin, tfal feruti, tfal immankati, tfal orfni, tfal li bħala ġugarelli għandhom il-fdalijiet tal-gwerra, tfal li ma jafux jidħku.  Ieqfu, jekk jogħġobkom!  Nitlobkom dan b’qalbi kollha.  Hu l-waqt li tieqfu!  Ieqfu, jekk jogħġobkom!

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem lill-grupp ta’ Brażiljani, ‘il-parroċċi ta’ Kartaġena (Spanja), l-iscouts minn Gavião (Portugall), iż-żgħażagħ ta’ Madrid, Asidonia-Jerez (Spanja) u minn Monteolimpo (Como), il-ministranti minn Conselve u Ronachi Casalserugo, il-lupetti ta’ Carania u lill-fidili minn Acerra.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.