Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Illum, il-Ħadd wara Pentekoste, niċċelebraw il-festa tas-Santissima Trinità.  Festa biex nikkuntemplaw u nfaħħru l-misteru ta’ Alla ta’ Ġesù Kristu, li hu Wieħed f’għaqda mal-Ispirtu s-Santu: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Biex niċċelebraw bi stgħaġib dejjem imġedded ‘l Alla-Mħabba, li gratwitament joffrilna ħajtu u jitlobna nxerrduha fid-dinja.

Il-qari Bibliku tal-lum ifehemna kif Alla m’għandux ix-xewqa li jurina li Hu jeżisti daqskemm, pjuttost biex jurina li hu “Alla magħna”, qrib tagħna, li jħobbna, li jimxi magħna, li tinteressah l-istorja personali tagħna u jieħu ħsieb kull wieħed u waħda minna, ibda mill-iċken u li l-aktar huma fil-bżonn.  Huwa hu “Alla, hemm fuq, fis-smewwiet” iżda wkoll “hawnhekk, fl-art” (cfr (Dewt 4, 39).  Għaldaqstant, aħna ma nemmnux f’entità mbiegħda, le!  F’entità indifferenti, le!  Iżda għall-kuntrarju, (nemmnu) fl-Imħabba li ħalqet l-univers u ġġenerat poplu, saret bniedem, mietet u rxuxtat għalina, u kif l-Ispirtu s-Santu, jibdel kollox u jwassal kollox għall-milja.

San Pawl (cfr Rum 8, 14-17), li kellu personalment esperjenza ta’ dit-trasformazzjoni magħmula minn Alla-Mħabba, jurina x-xewqa tiegħu li nsejħulu “Misser” anzi, “Papà” - Alla hu “d-Daddy tagħna”- bil-kunfidenza sħiħa ta’ tfajjel li jintelaq għal kollox f’dirgħajn min tah il-ħajja.  Meta l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina – ifakkarna mill-ġdid l-Appostlu – Huw jara li Ġesù Kristu ma jispiċċax qiesu xi persunaġġ tal-imgħoddi, le, imma bħala xi ħadd li nħossuh qribna, kontemporanju għalina, u nħossu l-ferħ li aħna wlied maħbubin minn Alla.  Imbagħad, fl-Evanġelju, il-Mulej irxuxtat iwegħedna li se jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żminijiet.  U propju minħabba din il-preżenza tiegħu  u l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, aħna nistgħu nwettqu bis-serenità l-missjoni li Hu fdalna.  Liema hi l-missjoni?  It-tħabbir u x-xhieda lil kulħadd tal-Evanġelju tiegħu biex b’hekk inferrxu l-komunjoni miegħu u l-ferħ li din ittina.  Alla, li jimxi magħna, jimliena bil-ferħ u l-ferħ hu xi ftit jew wisq l-ewwel lingwaġġ tan-nisrani.

Għalhekk, permezz tal-festa tas-Santissima Trinità aħna nikkuntemplaw il-misteru ta’ Alla li joħloq bla jehda u jqaddes, dejjem bl-imħabba u għall-imħabba, u li lil kull ħlejqa li tilqgħu itiha li tilma raġġ tas-sbuħija tiegħu, tat-tjubitu u l-verità.  Hu minn dejjem għażel li jimxi mal-umanità u jifforma poplu li jkun barka għan-nazzjonijiet kollha u għal kull persuna, ħadd imbarri.  In-nisrani mhux persuna iżolata, jagħmel parti minn poplu: dal-poplu ffurmat minn Alla.  Ma nistgħux inkunu nsara jekk ma niffurmawx parti minn dil-komunjoni.  Aħna poplu: il-poplu t’Alla.  Il-Verġni Marija tgħinna nwettqu  bil-ferħ il-missjoni li nkunu xhieda fid-dinja, għatxana għall-imħabba, u (tgħinna nifhmu) li s-sens veru tal-ħajja hu propju l-imħabba bla tmiem, l-imħabba konkreta tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fi Piacenza ġiet dikjarata Beata, Leonella Sgorbati, soru missjunarja tal-Konsolata, li nqatlet minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi, fil-Mogadixxju (Somalia), fl-2006.  Ħajjitha mogħtija kollha għall-Evanġelju u għall-qadi tal-foqra, kif ukoll il-martirju tagħha, jirrappreżentaw rahan ta’ tama għall-Afrika u għad-dinja kollha.  Nitolbu flimkien għall-Afrika, sabiex fiha ssaltan il-paċi.

Sliem għalik, Marija…

Sinjura tagħna tal-Afrika, itlob għalina.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  B’mod partikolari nsellem lill-fidili minn Porto Sant’Elpidio, minn Napli, minn Bruzzano di Milano, minn Padova, lill-kor minn Sappada u lil dak taż-żgħażagħ minn Vezza d’Alba.  Kantajtu tajjeb ilbieraħ f’San Pietru, kumplimenti!  Insellem lill-pellegrini Pollakki u nbierek lill-parteċipanti tal-pellegrinaġġ kbir lejn is-Santwarju ta’ Piekari Slaskie.

Fl-okkażjoni tal-Jum tas-Serħan, insellem lill kull min inġabar fil-Poliklinika “Gemelli” biex juri solidarjetà mal-persuni li qed ibatu minn mard serju.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex jagħraf il-ħtiġiet, anki spiritwali tal-persuni li huma morda, u biex ikun qrib tagħhom bit-tenerezza.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber