FESTA TA' SAN STIEFNU PROTOMARTRI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħamis, 26 ta' Diċembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-festa ta' San Stiefnu, l-ewwel martri.  Ikellimna dwaru l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (cfr kap. 6 6-7) u l-paġna tal-liturġija tal-lum tippreżenatahulna fil-waqtiet aħħarin ta' ħajtu, meta jinqabad priġunier u jkun imħaġġar (cfr 6,12; 7,54-60).

Fil-klima ferrieħi tal-Milied, dit-tifkira tal-ewwel nisrani maqtul minħabba l-fidi tista' tidher barra minn postha.  Madankollu, fil-pespettiva tal-fidi, iċ-ċelebrazzjoni tal-lum taqbel ħafna mal-veru tifsira tal-Milied.  Infatti, fil-martirju ta' San Stiefnu l-imħabba tegħleb il-vjolenza, il-ħajja tegħleb il-mewt: hu, fil-ħin tax-xhieda suprema, iħares lejn is-sema miftuh u lil min kien qed jippersegwitah itih il-maħfra. (cfr v. 60)

Dan il-qaddej żgħażugħ tal-Evanġelju, mimli bl-Ispirtu s-Santu, għaraf jirrakkonta lil Ġesù bi kliemu u, fuq kollox, b'ħajtu.  Meta nħarsu lejh naraw titwettaq il-wegħda li għamel Ġesù lid-dixxipli tiegħu: "Meta jmaqdrukom minħabba fija, l-Ispirtu tal-Missier itikom il-qawwa u l-kliem biex tkunu xhieda" (cfr Mt 10. 19-20).  Fl-iskola ta' San Stiefnu, li sar jixbaħ lill-Imgħallem tiegħu fil-ħajja kif ukoll fil-mewt, aħna wkoll inwaħħlu ħarsitna fuq Ġesù, xhud fidil tal-Missier.  Nitgħallmu li l-glorja tas-Sema, dik li tibqa' għal dejjem, mhix magħmula mill-għana u s-setgħa imma mill-imħabba u l-għotja.

Jeħtieġ inżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù "li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna" (Lhud 12,2), biex inkunu nistgħu nagħtu r-raġuni tat-tama li nagħtatilna (cfr 1Pt 3,15), permezz tal-isfidi u l-provi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom ta' kuljum.  Għalina l-insara, is-sema m'għadhiex 'il bogħod, mifruda mill-art: f'Ġesù, is-sema niżlet hawn fl-art.  U bis-saħħa tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, aħna naċċettaw dak kollu li hu uman u norjentawh lejn is-Sema.  B'mod li l-ewwel xhieda tagħna tkun propju l-mod kif inġibu ruħna bħala bnedmin, bi stil ta' ħajja magħġun skont Ġesù: manswet u kuraġġuż, umli u nobbli, mhux vjolenti.

Stiefnu kien djaknu, wieħed mill-ewwel seba' djakni tal-Knisja (cfr Atti 6, 1-6).  Hu jgħallimna nħabbru lil Ġesù permezz ta' ġesti ta' fraternità u ta' karità evanġelika.  Ix-xhieda tiegħu, li laħqet il-quċċata tagħha fil-martirju, hi għajn ta' ispirazzjoni għat-tiġdid tal-komunitajiet insara tagħna.  Huma msejħin biex isiru dejjem aktar missjunarji, mogħtijin bis-sħiħ għall-evanġeliżżazzjoni, deċiżi li jilħqu lill-irġiel u n-nisa fil-periferiji eżistenzjali u ġjografiċi, fejn jinsab l-akbar għatx għat-tama u s-salvazzjoni.  Komunitajiet li ma jimxux fuq il-loġika mondana, li ma jqiegħdux lilhom infushom fiċ-ċentru, ix-xbiha tagħhom, imma biss il-glorja t'Alla u l-ġid tal-bnedmin, speċjalment taż-żgħar u tal-foqra.

Il-festa ta' dan l-ewwel martri Stiefnu hi sejħa biex niftakru fil-martri kollha tal-bieraħ u tal-lum, - illum hemm ħafna minnhom! - biex inħossuna f'komunjoni magħhom, u biex nitolbuhom il-grazzja li ngħixu u mmutu bl-isem ta' Ġesù fi qlubna u fuq fommna.  Marija, Omm ir-Redentur, tgħinna ngħixu daż-żmien tal-Milied b'ħarsitna fissa fuq Ġesù, biex ta' kuljum insiru nixbħuh dejjem aktar.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ningħaqad man-niket li laqat lill-għażiża popolazzjoni tal-Filippini minħabba t-tifun Phanfone.  Nitlob għall-għadd kbir ta' vittmi, għall feruti u għall-familji tagħhom.  Nistedinkom biex miegħi tgħidu l-Ave Maria għal dal-poplu li jien tant inħobb.

Sliem għalik, Marija, …

Insellmilkom ilkoll pellegrini ġejjin mill-Italja u mill-pajjiżi kollha.   Il-ferħ tal-Milied li jimla qlubna llum ukoll, iqanqal fina x-xewqa li nikkuntemplaw lil Ġesù fil-grotta tal-presepju, biex imbagħad inservuh u nħobbuh f'ħutna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

F'dal-ġranet irċevejt bosta messaġġi ta' awguri minn Ruma u minn inħawi oħra tad-dinja.  Mhux possibbli li nweġibhom wieħed wieħed imma qed nitlob għal kulħadd.  Għaldaqstant illum nesprimi lilkom u lil kulħadd ir-radd il-ħajr sinċier tiegħi, speċjalment għar-rigal tat-talb li bosta minnkom wegħduni li se jagħmlu: grazzi ħafna.

Il-festa ta' San Stiefnu t-tajba.  Jekk jogħġobkom komplu itolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber