Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Wara li ċċelebrajna t-twelid ta’ Ġesù, illum qed niċċelebraw it-twelid għas-sema ta’ San Stiefnu, l-ewwel martri.  Minkejja li mad-daqqa t’għajn jista’ jidher li m’hemmx rabta bejn dawn iż-żewġ tifkiriet, fil-verità rabta hemm, u hija waħda qawwija ħafna.

Ilbieraħ, fil-liturġija tal-Milied smajna mħabbar: “Il-Verb sar Bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1,14).  San Stiefnu daħħal lill-kapijiet tal-poplu tiegħu fi kriżi għax “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 6,5), kien jemmen bis-sħiħ u jistqarr il-preżenza ġdida ta’ Alla fost il-bnedmin; kien jaf li l-veru tempju ta’ Alla issa kien Ġesù, Verb etern li ġie jgħammar fostna, sar bniedem bħalna minbarra d-dnub.  Imma lil Stiefnu jakkużawh li qed jipprietka l-qerda tat-Tempju ta’ Ġerusalemm.  L-akkuża li jġibu kontrieh hi li kien afferma li “Ġesù, dan in-Nażżarenu, se jġarraf dan l-imkien tal-kult u jaqleb ta’ taħt fuq id-drawwiet li kienu ġejjin minn żmien Mosè” (Atti 6,14).

Fil-fatt, il-messaġġ ta’ Ġesù hu skomdu u jiskomodana, għax jisfida s-setgħa reliġjuża mondana u jipprovoka l-kuxjenzi.  Wara l-miġja tiegħu, hemm ħtieġa tal-konverżjoni, tat-tibdil tal-mentalità, li ma nibqgħux naħsbuha bħal qabel, ninbidlu, nikkonvertu.  Stiefnu baqa’ ankrat mal-messaġġ ta’ Ġesù sal-mewt.  L-aħħar talb tiegħu: “Mulej, f’idejk inħalli l-ispirtu tiegħi: u “Mulej Ġesù tgħoddilhomx dan bi dnub” (Atti,7,59-60), dawn iż-żewġ talbiet, huma eku fidil ta’ dak li qal Ġesù fuq is-salib: “Missier, nerħi ruħi f’idejk” (Lq 23,46) u “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (v. 34).  Dak il-kliem ta’ Stiefnu sar possibbli biss għax Iben Alla ġie fid-dinja u miet u rxoxta għalina; qabel dawn il-ġrajjiet, espressjonijiet bħal dawn lanqas kienu jgħaddu minn moħħ il-bniedem.

Stiefnu jitlob lil Ġesù jilqa’ l-ispirtu tiegħu.  Infatti, Kristu Rxoxt hu l-Mulej u l-uniku medjatur bejn Alla u l-bniedem, mhux biss fil-waqt tal-mewt tagħna, imma wkoll f’kull waqt tal-ħajja: mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn (cfr (Ġw 15,5).  Għaldaqstant, aħna wkoll, quddiem Ġesù Bambin fil-presepju, nistgħu nitolbu hekk: “Mulej Ġesù, f’idejk nafda l-ispirtu tiegħi, ilqgħu”, sabiex l-eżistenza tagħna tkun verament ħajja tajba skont il-Vanġelu.

Ġesù hu l-medjatur tagħna u jirrikonċiljana mhux biss mal-Missier, iżda wkoll bejnietna.  Huwa l-għajn tal-imħabba li jiftaħna għall-komunjoni ma’ ħutna, sabiex ninħabbu bejnietna u nneħħu kull ġlied u għadab.  Nafu kemm l-għadab hu ħaġa kerha, jagħmel tant ħsara u jagħmlilna tant ħsara!  U Ġesù jneħħi dan kollu u jara li aħna nħobbu lil xulxin.  Dan hu l-miraklu ta’ Ġesù.  Nitolbu lil Ġesù li twieled għalina, biex jgħinna nieħdu dan l-atteġġjament doppju ta’ fiduċja fil-Missier u mħabba lejn il-proxxmu: huwa atteġġjament lil jittrasforma l-ħajja u jagħmilha aktar sabiħa, aktar għammiela.

Lejn Marija, Omm ir-Redentur u Sultana tal-Martri, nerfgħu talbna bil-fiduċja, ħalli tgħinna nilqgħu li Ġesù bħala s-Sid ta’ ħajjitna u biex insiru xhieda kuraġġużi tiegħu, lesti biex inħallsu personalment il-prezz tal-fedeltà lejn il-Vanġelu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fil-klima ta’ ferħ Nisrani li jitnissel mit-twelid ta’ Ġesù, insellmilkom u rrodilkom ħajr tal-preżenza tagħkom.

Lilkom ilkoll li ġejjin mill-Italja u minn diversi nazzjonijiet, inġedded l-awguri ta’ paċi u serenità, lilkom, lill-familjari tagħkom, f’dawn il-jiem li fihom inthom idduqu s-sbuħija tal-fatt li tkunu flimkien u tħossu lil Ġesù fostkom.

Tislima partikolari lill-fidili tal-pellegrinaġġ nazzjonali Ukrajn: inberikkom ilkoll u lill-pajjiżkom.

Matul dawn il-ġimgħat irċevejt bosta messaġġi ta’ awguri.  Billi mhux possibbli għalija nweġibhom wieħed wieħed, illum irrid nesprimi r-radd ta’ ħajr minn qalbi, speċjalment għar-rigal tat-talb.  Grazzi minn qiegħ qalbi!  Il-Mulej iroddilkom bil-ġenerożità tiegħu!

Il-festa t-tajba!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber