Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum ukoll, il-ferħ tal-Milied jimlielna qlubna filwaqt li l-liturġija ġġagħlna niċċelebraw il-martirju ta’ San Stiefnu, l-ewwel martri, billi tistedinna nimitaw ix-xhieda li hu ħallielna bis-sagrifiċċju tiegħu.  Hi propju x-xhieda glorjuża tal-martirju Nisrani li jsofri għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu; martirju li baqa’ preżenti fl-istorja tal-Knisja, minn San Stiefnu sa jiemna.

L-Evanġelju tal-lum kellimna dwar din ix-xhieda (cfr Mt 10,17-22).  Ġesù jħabbar lid-dixxipli li għad jiltaqgħu ma’ ċaħda u persekuzzjoni: «Għad jobgħodkom kulħadd minħabba f’ismi» (v. 22).  Imma għaliex id-dinja tippersegwita lill-Insara?  Id-dinja tobgħod lill-Insara għall-istess raġuni li għaliha kienet begħdet lil Ġesù, għax Hu ġab id-dawl t’Alla imma d-dinja tippreferi d-dlam biex fih taħbi kull ħaġa kundannabbli tagħha.  Niftakru li Ġesù stess, waqt l-Aħħar Ċena, talab lill-Missier biex iħarisna mill-ispirtu tal-ħażen tad-dinja.  Hemm kunflitt bejn il-mentalità tal-Evanġelju u dik tad-dinja.  Il-mixja wara Ġesù tfisser mixja wara d-dawl tiegħu li xegħel fil-lejl ta’ Betlem, u rifjut tad-dlamijiet tad-dinja.

Il-protormarti San Stiefnu, mimli bl-Ispirtu s-Santu, safa mħaġġar għax stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu, Iben Alla.  Il-Waħdieni li jiġi fid-dinja, jistieden lil kull min jemmen biex jagħżel it-triq tad-dawl u tal-ħajja.  Din hi t-tifsira tal-miġja tiegħu fostna.  Meta ħabb lill-Mulej u obda leħnu, id-Djaknu Stiefnu għażel lil Kristu, Ħajja u Dawl għal kull bniedem.  Meta għażel il-verità, hu sar, fl-istess waqt, vittma tal-misteru tal-ħażen bla tarf li hawn fid-dinja.  Imma Stiefnu rebaħ fi Kristu!

Illum ukoll, biex tagħti xhieda tad-dawl u tal-verità il-Knisja għaddejja minn persekuzzjoni f’diversi nħawi, ximindaqqiet sal-prova estrema tal-martirju.  Kemm ħutna fil-fidi jsofru inġustizzji, vjolenza u mibgħeda minħabba f’Ġesù!  Jien ħaġa ngħidilkom, l-għadd tal-martri llum hu akbar minn dak tal-ewwel sekli.  Meta aħna naqraw l-istorja tal-ewwel sekli, hawn f’Ruma,  naqraw dwar tant moħqrija mal-Insara; jien ngħidilkom li mal-Insara, illum hemm l-istess moħqrija f’daqs akbar u f’għadd akbar.  Illum għandna naħsbu f’dawk li qed isofru l-persekuzzjoni, u nkunu qribhom bl-imħabba, bit-talb tagħna u bi dmugħna wkoll.  Ilbieraħ, il-jum tal-Milied, l-Insara persegwitati fl-Iraq iċċelebraw il-Milied tagħhom f’Katidral imfarrak: hu eżempju ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju.  Minkejja l-provi u l-perikli, huma jixhdu bil-kuraġġ li huma ta’ Kristu u jgħixu l-Evanġelju bl-impenn tagħhom favur min hu tal-aħħar, l-aktar imwarrab, billi jagħmlu l-ġid ma ‘ kulħadd mingħajr distinzjoni: b’hekk huma jagħtu xhieda tal-karità fil-verità.

Aħna u nagħmlu l-wisa fi qlubna biex jidħol Iben Alla li jingħatalna b’rigal fil-Milied, ejjew inġeddu r-rieda ferrieħa u kuraġġuża li nimxu warajH bil-fedeltà, bħala l-gwida waħdanija tagħna, biex nipperseveraw fl-għejxien skont il-mentalità evanġelika u nirrifjutaw il-mentalità ta’ dawk li jiddominaw din id-dinja.

Nerfgħu it-talba tagħna lejn il-Verġni Marija, Omm Alla u Reġina tal-Martri, biex tmexxina u ssostnina dejjem fil-mixja tagħna wara Ġesù Kristu, li aħna nikkuntemplaw fil-grotta tal-presepju ix-Xhud fidil ta’ Alla l-Missier.

 

Wara l-Angelus:

Minn qiegħ qalbi nesprimi l-kondoljanzi għall-aħbar ta’ niket tal-ajruplan Russu li ġġarraf fil-Baħar l-Iswed.  Il-Mulej ifarraġ lill-għażiż poplu Russu u lill-familjari tal-passiġġieri li kienu fuq l-ajruplan: ġurnalisti, ekwipaġġ u l-kor eċċellenti u l-orkestra tal-forzi armati.  Il-Beata Verġni Marija tieqaf mal-ħidma tat-tiftix li għaddej bħalissa.  Fl-2004 il-kor kien kanta fil-Vatikan fl-okkażjoni tas-26 anniversarju tal-pontifikat ta’ San Ġwanni Pawlu II: nitolbu għalihom.

 

Għeżież ħuti,

Fil-klima ta’ ferħ Nisrani li jitnissel mill-Milied ta’ Ġesù, insellmilkom u rroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom.

Lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u min-Nazzjonijeit differenti, inġedded l-awguri ta’ paċi u serenità: jalla għalikom u għall-familjari tagħkom dawn ikunu jiem ta’ ferħ u fraternità.  Insellem u nagħti l-awguri lil kull min jismu Stiefnu jew Stefania!

F’dawn l-aħħar ġimgħat irċevejt għadd kbir ta’ messaġġi ta’ awguri minn madwar id-dinja kollha.  Mhux possibbli għalija nweġibhom wieħed wieħed, għalhekk illum ngħid grazzi minn qalbi lil kulħadd, speċjalment għad-don tat-talb.  Grazzi minn qiegħ qalbi!  Il-Mulej iroddulkom lura bil-ġenerożità tiegħu!

Il-festi t-tajba!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber