Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum il-liturġija tfakkar ix-xhieda ta’ San Stiefnu, il-Magħżul mill-Appostli flimkien ma’ sitta oħra, għad-djakonija tal-karità, jiġifieri biex jgħin lill-foqra, l-orfni, ir-romol, fil-komunità ta’ Ġerusalemm.  Hu jsir il-protomartri tal-Knisja.  Bil-martirju tiegħu, Stiefnu jagħti ġieħ lill-miġja fid-dinja tar-Re tar-rejiet, jagħti xhieda tiegħU u joffri bħala rigal ħajtu stess, kif kien jagħmel fil-qadi ma’ min kien l-aktar fil-bżonn.  B’hekk jurina kif għandna ngħixu fil-milja tiegħu l-misteru tal-Milied.

L-Evanġelju ta’ din il-festa jtina parti mid-diskors ta’ Ġesù lid-dixxipli fil-mument li Hu jibgħathom għall-missjoni.  Fost kollox jgħid: «Kulħadd ikun jobgħodkom minħabba f’ismi.  Imma min jippersevera sal-aħħar ikollu s-salvazzjoni» (Mattew 10,22).  Dan il-kliem tal-Mulej ma jaqlibx ta’ taħt fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, imma jneżżugħa minn dik il-kisja biz-zokkor li mhix tagħha.  Jgħinuna nifhmu li fil-provi li naċċettaw minħabba l-fidi, il-vjolenza tkun megħluba mill-imħabba, il-mewt mill-ħajja.  U biex verament nilqgħu lil Ġesù fl-eżistenza tagħna u ntawlu l-ferħ tal-Lejl Qaddis, it-triq hi propju dik li jurina dan l-Evanġelju, jiġifieri li nagħtu xhieda ta’ Ġesù bl-umiltà, bis-servizz fis-satra, mingħajr biża’ li mmorru kontra l-kurrent jew li nħallsu prezz personali.  U jekk mhux kulħadd hu msejjaħ, bħal San Stiefnu, biex ixerred demmu, però kull Nisrani hu msejjaħ biex ikun koerenti mal-fidi li jistqarr.  U l-koerenza Nisranija hi grazzja li għandna nitolbuha lil-Mulej.  Inkunu koerenti, ngħixu ta’ Nsara u mhux ngħidu: “jien Nisrani” u ngħixu ta’ pagani.  Il-koerenza hija grazzja li għandna nitolbu għaliha llum.

Ċertament, li nsegwu l-Evanġelju mhix ħaġa faċli, imma sabiħa ħafna, u min jimxi f’dit-triq bil-fedeltà u l-kuraġġ jirċievi r-rigal imwiegħed mill-Mulej lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.  Kif kantaw l-Anġli fil-jum tal-Milied: Paċi!  Paċi!”.  Din il-paċi mogħtija min Alla għandha l-qawwa li tikkalma l-kuxjenza ta’ dawk li, minħabba l-provi tal-ħajja, jagħrfu jilqgħu l-Kelma t’Alla u jimpenjaw ruħhom biex josservawha bil-perseveranza sal-aħħar (cfr Mattew 10,22).

Illum, ħuti, nitolbu b’mod partikolari għal dawk li huma diskriminati, persegwitati u maqtulin minħabba x-xhieda tagħhom għal Kristu.  Irrid ngħid lil kull wieħed u waħda minnhom: jekk intom iġġorru dan is-salib bl-imħabba, intom dħaltu fil-misteru tal-Milied, intom tinsabu fil-qalb ta’ Kristu u tal-Knisja.

Nitolbu wkoll biex bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ dawn il-martri tal-lum – huma bosta u bosta! – f’kull parti tad-dinja jissaħħaħ l-impenn biex jingħata għarfien u tkun żgurata l-libertà reliġjuża li hi dritt inaljenabbli ta’ kull persuna umana.

Għeżież ħuti, nawguralkom li tgħaddu l-festi tal-Milied fis-serenità.  San Stiefnu, djaknu u l-ewwel martri, jsostnina fil-mixja tagħna ta’ kuljum, li nittamaw li fl-aħħar għad ninkurunawha fost il-ġemgħa ferrieħa tal-qaddisin fil-ġenna.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom bil-ferħ tal-Milied u nġedded l-awgurju ta’ paċi: paċi fil-familji, paċi fil-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi, paċi fil-movimenti u l-assoċjazzjonijiet.  Insellem lill dawk kollha li jisimhom Stiefnu jew Stefania: awguri!

Tul dawn il-ġimgħat irċevejt ħafna messaġġi ta’ awguri minn Ruma u minn postijiet oħra.  Peress li mhux possibbli nwieġeb lil kulħadd individwalment, illum irrid nesprimi s-sentimenti ta’ radd il-ħajr, speċjalment għar-rigal tat-talb.  Grazzi minn qalbi!  Il-Mulej iroddilkom lura bil-ġenerożità tiegħu!

U tinsewx, koerenza Nisranija: jiġifieri, naħsbu, nħossu u ngħixu ta’ Nsara u mhux naħsbu ta’ Nsara u ngħixu ta’ pagani: dan le!  Illum nitolbu lil Stiefnu l-grazzja tal-koerenza Nisranija.  U, jekk jogħġobkom komplu itolbu għalija, tinsewx!

Il-festa t-tajba u l-pranzu t-tajjeb!  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber