Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika niċċelebraw is-solennità ta’ Kristu Sultan tal-Univers.  Ir-regalità tiegħu hi waħda ta’ gwida, ta’ servizz u hija wkoll regalità li fl-aħħar taż-żminjiet issib il-milja tagħha fil-ġudizzju. Illum għandna quddiemna il Kristu bħala Re, ragħaj u mħallef li jurina l-kriterji li bihom aħna nieħdu sehem mis-Saltna t’Alla.  Hawnhekk jinsabu l-kriterji.

Il-paġna tal-Evanġelju tiftaħ b’viżjoni grandjuża.  Ġesù jdur fuq id-dixxipli tiegħu u jgħid: “Meta Bin il-Bniedem jiġi fil-glorja, bl-anġli kollha miegħu, joqgħod fuq it-tron tal-glorja tiegħu (Mt 25, 31).  Din hi l-introduzzjoni solenni tar-rakkont tal-ġudizzju universali.  Wara li għex ħajja ta’ umiltà u faqar fuq din  l-art, issa Ġesù qed jippreżenta ruħu fil-glorja divina li hi tiegħu, imdawwar bil-qtajja tal-anġli.  L-umanità kollha hi miġbura quddiemu u Hu juża l-awtorità setgħana tiegħu billi jagħżel lil dawn mill-oħrajn, kif ir-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż.

Lil dawk li jkun qiegħed fuq il-lemin jgħidilhom: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt is-saltna mħejjiija għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja għax kelli l-ġuħ u tmajtuni, kelli l-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu tarawni fil-ħabs u ġejtu żżuruni (34-36).  Il-ġusti jibqgħu mistgħaġba għax ma jiftakurx li qatt iltaqgħu ma’ Ġesù, u anqas u anqas li għenuh b’dak il-mod; iżda Hu jiddikjara: “Dak kollu li għamiltu ma l-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (v. 40).  Dil-kelma qatt ma tieqaf timpressjonana għax turina sa liema punt tasal l-imħabba t’Alla: sal-punt li Hu jitwaħħad magħna, iżda mhux meta nkunu f’postna, meta nkunu f’saħħitna u henjin, le, imma meta ninsabu fil-bżonn.  U b’dal-mod mistur, Hu jnewlilna idu bħal tallab.  Hekk Ġesù juri ċar il-kriterju tal-ġudizzju tiegħu, jiġifieri l-imħabba konkreta lejn il-proxxmu li jinsab f’diffikultà.  U b’hekk tidher ċara s-setgħa tal-imħabba, ir-regalità ta’ Alla: solidali ma’ min qiegħed ibati biex kullimkien iqanqal atteġġjamenti u opri tal-ħniena.

Il-parabbola tal-ġudizzju tkompli tippreżentalna lir-re li jbiegħed minnu lil dawk li matul ħajjithom qatt ma’ ħabblu rashom mill-ħtiġijiet ta’ ħuthom.  F’dal-każ ukoll dawn jibqgħu miblugħin u jistaqsu: “Mulej, meta rajnik bil-ġuħ jew bil-għatx jew barrani jew għeri jew marid jew fil-ħabs u ma qdejnikx?” (v.44).  Li jfisser: “Kieku rajnik żgur li konna ngħinuk!”  Iżda r-re jwieġeb: “Dak kollu li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, m’għamiltuhx miegħi” (v. 45).  Fi tmiem ħajjitna aħna se nkunu ġudikati fuq l-imħabba, jiġifieri fuq l-impenn konkret tagħna li nħobbu u nservu lil Ġesù f’ħutna żgħar u fil-bżonn.  Dak it-tallab, dak li jinsab fil-bżonn u joħroġ idu huwa Ġesù; dak il-marid li jmissni nżur huwa Ġesù; dak il-ħabsi huwa Ġesù, dak il-bniedem bil-ġuħ huwa Ġesù. Naħsbu f’dan.

Meta jintemmu ż-żminijiet Ġesù jiġi biex jiġġudika lin-nazzjonijiet kollha, imma jiġi għandna kuljum, b’ħafna modi differenti u jitlobna nilqugħ.  Il-Verġni Marija tgħinna niltaqgħu miegħu u nilqugħ fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija, u fl-istess waqt f’ħutna li jbatu l-ġuħ, il-mard, l-oppressjoni, l-inġustizzja.  Jalla qlubna jilqugħ fl-illum ta’ ħajjitna, ħalli nkunu milqugħin minnu fl-eternità tas-Saltna tiegħu ta’ dawl u paċi.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Kienet ta’ niket kbir ħafna nhar il-Ġimgħa li għadda l-aħbar tal-istraġi li seħħet fil-moskeja fit-tramuntana tas-Sinaji, fl-Eġittu.  Qed inkompli nitlob għall-bosta vittmi, għall-feruti u għal dik il-komunità kollha, tant milquta.   Alla jeħlisna minn dawn it-traġedji u jkun sostenn għall-isforzi ta’ kull min jaħdem għall-paċi, għall-għaqda u l-konvivenza.  F’dak il-ħin, dawk in-nies kienu qed jitolbu; aħna wkoll fis-skiet, nitolbu għalihom.

Ilbieraħ f’Córdoba, l-Arġentina, kienet dikjarata Beata Madre Catalina de  María Rodríguez, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tal-Hermanas Esclavas del Corazón de Jesús, l-ewwel istitut reliġjuż tal-ħajja appostolika għan-nisa fl-Arġentina.  Catalina, li għexet fid-dsatax-il seklu kienet miżżewġa u meta romlot ikkonsagrat ruħha għal Alla u ddedikat ruħha biex tagħti kura spiritwali u materjali lill-aktar nisa foqra u vulnerabbli.  Infaħħru lill-Mulej għal “dil-mara ħerqana għall-Qalb ta’ Ġesù u tal-umanità”.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment lill-komunità Ukrajna li qed tfakkar it-traġedja tal-Holodomor, il-mewt bil-ġuħ imwettqa mir-reġim ta’ Stalin, u li ħalliet miljuni ta’ vittmi.  Nitlob għall-Ukrajna, sabiex il-qawwa tal-fidi tkun kontribut biex tfejjaq il-ġrieħi tal-passat u ġġib ‘il quddiem it-toroq tal-paċi.

Insellem lill-fidili minn Cagliari, Matera, Potenza, Parma, Crotone u Rossano kif ukoll lill-Assoċjazzjoni Taljana ta’ dawk li jakkumpanjaw (lill-morda) fis-Santwarji Marjani mad-dinja kollha.

Illejla nibda l-vjaġġ appostoliku fil-Myanmar u l-Bangladesh.  Nitlobkom takkumpanjawni bit-talb sabiex għal dawk il-popolazzjonijiet il-preżenza tiegħi tkun sinjal ta’ qrubija u tama.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber