Għeżież ħuti, il-ġuranta t-tajba!

Il-vanġelu tal-lum ifakkarna li l-Liġi ta’ Alla kollha kemm hi tinġabar fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. San Mark l-evanġelista jirrakkuntalna li xi Fariżej inġabru biex jgħassu lil Ġesù (cft 22, 34-35).  Wieħed minn dawn, għaref tal-liġi, jsaqih din il-mistoqsija: “Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-liġi?” (v. 36). Ġesù jwieġbu billi jislet silta mill-ktieb tad-Dewterenomju: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.  Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament” (vv. 37-38).  U seta waqaf hemm.  Iżda minflok Ġesù jżid xi ħaġa li ma kienx talabha l-għaref tal-liġi.  Jgħid: “It-tieni wieħed jixbħu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (v.39).  Dan it-tieni kmandament ma jivvintahx Ġesù, imma jinsab fil-ktieb tal-Levitiku.  Dak li għamel ġdid Ġesù hu li poġġa dawn iż-żewġ kmandamenti flimkien – l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu – u b’hekk juri li dawn ma jistgħux jinfirdu, li wieħed huwa l-milja tal-ieħor; huma ż-żewġ uċuh tal-istess medalja.  Mhux possibbli tħobb lil Alla bla ma tħobb lill-proxxmu, u mhux possibbli tħobb lill-proxxmu bla ma tħobb lil Alla. Il-Papa Benedittu ħallilna riflessjoni mill-isbaħ dwar dan fl-ewwel enċiklika tiegħu Deus Caritas Est (nn 16-18).

Fil-fatt is-sinjal viżibbli li bih in-nisrani jista juri biex ikun xhud għad-dinja u għall-oħrajn, kif ukoll għall-familja tiegħu, hu l-imħabba għal Alla u l-imħabba għall-aħwa.  Il-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu hu l-ewwel kmandament mhux għax jinsab fil-quċċata tal-lista tal-kmandamenti.  Ġesù jpoġġihx fuq nett, imma jpoġġih fiċ-ċentru, għax huwa mill-qalb l-post minnfejn kollox għandu jitlaq u fejn kollox għandu jmur lura għar-riflessjoni.

Ġa fit-testment il-qadim tinsab l-ordni biex in-nies ikunu qaddisin, xbiha ta’ Alla li hu qaddis, u din l-ordni kienet tinkludi wkoll id-dmir tal-ħarsien tal-persuni l-aktar dgħafjin bħall-barrani, l-orfni, l-armla (cfr Es 22, 20-26).  Ġesù jwassal għall-milja tagħha din il-liġi ta’ għaqda, Hu li fih innifsu jgħaqqad, fil-ġisem tiegħu, l-umanità u d-divinità, f’misteri wieħed ta’ mħabba.

Issa, fid-dawl ta’ din il-kelma ta’ Ġesù, l-imħabba saret il-qjies tal-fidi, u l-fidi hi r-ruħ tal-imħabba.  Ma nistgħux nifirdu aktar il-ħajja ta’ fidi, il-ħajja tal-imħabba mis-servizz lejn l-aħwa, dawk l-aħwa reali li nħabbtu wiċċna magħhom.  Ma nistgħux aktar nifirdu l-ħajja tat-talb, il-laqgħa tagħna ma’ Alla fis-Sagramenti, mis-smigħ tal-persuna l-oħra, milli nkunu qrib tal-ħajja tiegħu, speċjalment tal-feriti tiegħu.  Ftakru din:  l-imħabba hija l-qjies tal-fidi.  Kemm tħobb int? U kull wieħed jagħti r-risposta lilu nnifsu. Kif inhi l-fidi tiegħek? Il-fidi tiegħi hi skont kemm jien inħobb.  U l-fidi hi r-ruħ tal-imħabba.

F’nofs ir-rassa ta’ preċetti u preskrizzjonijiet – il-legaliżmi tal-bieraħ u tal-lum – Ġesù jagħmel qasma, bħalma tabib jaqsam biex jara x’hemm ġewwa, u din tħallina naraw żewġ uċuh: il-wiċċ ta’ Alla u dak ta’ ħija.  Ma jwasslilniex żewġ formuli jew żewġ preċetti: mhumiex preċetti jew formuli; itni żewġ uċuh, anzi wiċċ wieħed, dak ta’ Alla li hu rifless f’tant uċuħ, għax fil-wiċċ ta’ kull wieħed mill-aħwa, speċjalment f’dak tal-iżgħar wieħed, fraġli, dgħajjef u fil-bżonn, hemm ix-xbiha vera ta’ Alla.  U meta niltaqgħu ma’ wieħed minn dawn l-aħwa għandna nistaqsu jekk aħniex tassew kapaċi nagħfru fih il-wiċċ ta’ Alla: kapaċi għal dan aħna?

B’dal-mod Ġesù qed joffri lil kull bniedem kriterju fundamentali fuqiex jibni ħajtu.  Imma fuq kollox hu tana l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna kif inħobbu lil Alla u lill-proxxmu bħalu, b’qalb ħielsa u ġeneruża. Permezz tal-interċessjoni ta’ Marija ommna ejjew niftħu qalbna biex nirċievu dan ir-rigal ta’ mħabba, biex nimxu skont din il-liġi li għandha żewġ uċuh, li huwa fil-fatt wiċċ wieħed: il-wiċċ tal-imħabba.

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tislijiet:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’San Paolo fil-Brażil, ġiet proklamata Beata Madre Assunta Marchetti, imwielda fl-Italja, ko-fundatriċi tas-Sorijiet Missjunarji ta’ San Carlo Borromeo, imsejjħa Scalabriniane.  Kienet soru eżemplari fis-servizz tagħha lejn l-orfni tal-emigranti Taljani; hi kienet tara lil Ġesù fil-fqar, fl-orfni, fil-morda u f’immigranti.  Ejjew niżżu ħajr ‘l Alla għal din il-mara, mudell ta’ ħidma missjunarja bla waqfien, u ta’ dedikazzjoni kuraġġjuża lejn is-servizz tal-imħabba.  U dan ifakkarna, anzi jikkonferma, dak li għedna l-ewwel, dwar kif infittxu l-wiċċ ta’ Alla fl-aħwa u f’dawk fil-bżonn.

Insellem minn qalbi lill-pellegrini kollha li ġejjin mill-Italja u minn Pajjiżi oħra, billi nsemmi l-ewwel lid-devoti tal-Madonna del Mari, ta’ Bova Marina.  Nilqa’ bil-ferħ lill-insara ta Lugana f’Sirmione, Usini, Protobuffolé, Latina u Guidonia; kif ukoll lil dawk ta’ Losanne (fl-Iżvizzera), u ta’ Marseilles (fi Franza).  Inselem b’mod speċjali lill-komunità Peruvjana f’Ruma, li hi preżenti hawn fix-xbiha mqaddsa tas-Señor de los Milagros, li nista’ naraha minn hawn fuq.

Insellem ukoll lill-pellegrini ta’ Schönstatt: qed nara minn hawn ix-xbiha tal-Omm.

Insellem u nirringrazzja lil kulħadd bil-qalb.

Nitlobkom biex titolbu għalija, tinsewx.  Nixtieqilkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.

Insellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia