Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba.

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Ġwanni 6,1-15) jippreżentalna s-sinjal kbir tat-tkattir tal-ħobż skont kif irrakkuntat mill-Evanġelista Ġwanni.  Ġesù jinsab fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja u jinsab imdawwar minn «folla kbira» li marret warajh «għax rat is-sinjali li kien qiegħed jagħmel mal-morda» (v. 2).  Fih taħdem il-qawwa ħanina ta’ Alla li tfejjaq minn kull mard tal-ġisem u tal-ispirtu.  Imma Ġesù mhuwiex biss tabib, huwa wkoll Imgħallem: infatti  jitla’ fuq il-muntanja u joqgħod bilqiegħda bl-atteġġjament tipiku tal-għalliem waqt li jkun qed jgħallem: jitla’ fuq dik “il-katedra” naturali maħluqa mill-Missier tas-Sema.  F’dal-ħin, Ġesù, li jaf sewwa dak li kien se jagħmel, jgħaddi lid-dixxipli tiegħu minn prova.  X’se nagħmlu biex nitimgħu lil dawn in-nies kollha?  Filippu, wieħed mit-tnax, jagħmel kalkolu ta’ malajr: jekk norganiżżaw ġabra, l-aktar li nistgħu niġbru mitejn dinar biex nixtru l-ħobż, li madankollu ma jkunx biżżejjed biex inxebbgħu ħamest elef ruħ.

Id-dixxipli jirraġunaw bil-mentalità “tas-suq”, imma l-loġika tax-xiri Ġesù jibdilha fil-loġika l-oħra, il-loġika tal-għoti.  U għalhekk Indrì, wieħed mill-Appostli l-oħra, ħu Xmun Pietru, jippreżentalu tfajjel li jagħti dak kollu li għandu: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet;  ċertament, jgħid Indrì, dawn mhuma xejn għal folla bħal din (cfr v. 9).  Imma Ġesù dan li kien qiegħed jistenna.  Jordna lid-dixxipli biex iqiegħdu n-nies bilqegħeda, imbagħad ħa dawk il-ħobżiet u dawk il-ħutiet, radd ħajr  lill-Missier u qassamhom (cfr v. 11).  Dawn is-sinjali jantiċipaw dawk li seħħew fl-Aħħar Ikla, sinjali li jagħtu lill-ħobż ta’ Ġesù it-tifsira tiegħu l-aktar minna.  Il-ħobż ta’ Alla hu Ġesù nnifsu.  Meta ningħaqdu fil-Komunjoni miegħu, nirċievu fina l-istess ħajtu u nisru ulied il-Missier tas-Sema u aħwa bejnietna.  Meta nitqarbnu, niltaqgħu ma’ Ġesù realment ħaj u rxuxtat!  Is-sehem fl-Ewkaristija jfisser daħla fil-loġika ta’ Ġesù, il-loġika tal-gratwità, tal-qsim.  U minkejja li aħna fqar xorta waħda nistgħu nagħtu xi ħaġa.  “Meta nitqarbnu” jfisser ukoll li aħna nixorbu mingħand Ġesù l-grazzja li tagħtina l-ħila li naqsmu mal-oħrajn dak li aħna u dak li għandna.

Il-folla tibqa’ mistagħġba bil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż; imma r-rigal li Ġesù joffri huwa l-milja tal-ħajja għall-bniedem li hu bil-ġuħ.  Ġesù jxabba’mhux biss il-ġuħ materjali, imma wkoll il-ġuħ l-aktar profond, il-ġuħ tas-sens tal-ħajja, il-ġuħ għal Alla.  Quddiem it-tbatija, il-faqar u d-diffikultajiet ta’ tant nies x’nistgħu nagħmlu aħna?  It-tgergir ma jsolvi ebda problema, imma nistgħu noffru dak il-ftit li għandna, bħat-tfajjel tal-Evanġelju.  Żgur għandna xi siegħa żmien, xi talent, xi ħaġa li aħna kapaċi nagħmlu.. Min minna m’għandux “il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet”?  Ilkoll għandna minn dawn!  Jekk aħna lesti li nqegħduhom f’riġlejn il-Mulej, ikunu biżżejjed biex fid-dinja jkun hawn ftit aktar imħabba, paċi, ġustizzja u, fuq kollox, ferħ.  Kemm hu meħtieġ il-ferħ fid-dinja!  Alla għandu ħila jkattar il-ġesti żgħar ta’ solidarjetà tagħna u jdaħħalna sehem fid-don tiegħu

It-talb tagħna jsostni l-impenn komuni biex lil ħadd qatt ma jonqsu l-Ħobż tas-sema li jagħti l-ħajja ta’ dejjem u l-meħtieġ għal-ħajja dinjituża, u biex isaħħaħ il-loġika tal-qsim u tal-imħabba.  Il-Verġni Marija takkumpanjana bl-interċessjoni materna tagħha.

 


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum jiftħu l-applikazzjonijiet għall-31 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li se jsir is-sena d-dieħla fil-Polonja.   Ridt li nkun jien stess li niftaħ l-applikazzjonijiet u għalhekk ġibt ħdejja ġuvni u tfajla biex ikunu miegħi fil-mument li niftaħ l-applikazzjonijiet, hawn quddiemkom.  Hekkhu jien inktibt għall-Jum Dinji bħala pellegrin bis-saħħa ta’ dan il-mekkaniżmu elettroniku.  Din il-ġurnata li se tkun iċċelebrata waqt Is-Sena tal-Ħniena, f’ċertu sens se tkun ġublew taż-żgħożgħija li hi msejħa biex tirrifletti fuq it-tema «Imberkin dawk li jħennu għax isibu l-ħniena» (Mattew 5,7).  Nistieden liż-żgħażagħ tad-dinja kollha biex jgħixu dan il-pellegrinaġġ kemm billi jmorru Krakovja u anki billi jieħdu sehem f’dan il-mument ta’ grazzja fi ħdan il-komunitajiet tagħhom.

Ftit jiem oħra se jaħbat it-tieni anniversarju minn mindu fis-Sirja nħataf Patri Paolo Dall’Oglio.  Nagħmel appell qawwi u minn qiegħ qalbi biex dan ir-reliġjuż tant stmat, jinħeles.  Ma nistax ninsa lanqas lill-Isqfijiet Ortodossi li nħatfu fis-Sirja u ‘l dawk il-persuni kollha li, fiż-żoni fejn hemm il-kunflitt, spiċċaw maħtufa.  Nawgura impenn imġedded min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti lokali u internazzjonali, sabiex lil dawn ħutna jingħatalhom il-ħelsien mingħajr dewmien.  Bl-imħabba u bil-parteċipazzjoni fit-tbatija tagħhom, ejjew niftakru fihom bit-talb u ngħidu flimkien lill-Madonna:  Ave Maria.......

Insellmilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn Pajjiżi oħra.  Insellem lill-pellegrinaġġ internazzjonali tas-Sorijiet ta’ San Felice, lill-fidili minn Salamanca, liż-żgħażagħ minn Brescia li qed jagħtu servizz fil-canteen għall-foqra mmexxi mill-Caritas ta’ Ruma, u ż-żgħażagħ minn Ponte San Giovanni (Perugia).

Illum, is-26 ta’ Lulju, il-Knisja tfakkar lil San Gwakkin u lil Sant’Anna, ġenituri tal-Beata Verġni Marija, u għalhekk in-nanniet ta’ Ġesù.  F’din l-okkażjoni rrid insellem lin-nanniet kollha u nirringrazzjahom tal-preżenza prezzjuża tagħhom fil-familji u għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Lin-nanniet kollha li għadhom ħajjin, imma wkoll lil dawk li qed jarawna mis-sema, insellmulhom u ntuhom applaws.......

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber