Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fiċ-ċentru tal-Evanġelju ta’ dan ir-raba’ Ħadd tar-Randan hemm Ġesù u raġel għama minn twelidu (cfr Gw 9,1-41).  Kristu jtih lura d-dawl u jagħmel dal-miraklu bi speċi ta’ rit simboliku: l-ewwel iħallat it-trab mar-rieq, jidlek għajnejn l-għama bih; imbagħad jordnalu jmur jinħasel fil-menqgħa ta’ Silwam.  Dak ir-raġel imur, jinħasel, u jikseb lura d-dawl.  Kien għama mit-twelid.  B’dal miraklu Ġesù jrid ruħu u juri lilna li hu d-dawl tad-dinja; u l-għama mit-twelid jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna, li konna maħluqin biex nagħrfu lil Alla, imma li minħabba d-dnub qiesna għomja, neħtieġu dawl ġdid; ilkoll għandna bżonn dawl ġdid: dak tal-fidi, li rregalalna Ġesù.  Infatti, dak l-għama tal-Evanġelju li jikseb lura d-dawl jinfetaħ għall-misteru ta’ Kristu. Ġesù jistaqsih: «Int temmen f’Bin il-Bniedem?» (v.35).  «U min hu, Mulej ħalli nkun nista’ nemmen fih?», iwieġeb l-għama mfejjaq (v. 36).  «Qecf tarah: hu dak li qed ikellmek» (v. 37).  «Nemmen, Mulej!» u jinxteħet f’riġlejn Ġesù.

Dan l-episodju jġagħalna nirriflettu dwar il-fidi tagħna, il-fidi tagħna fi Kristu, Iben Alla, u fl-istess waqt jeħodna wkoll lejn ­il-Magħmudija  tagħna, li hu l-ewwel Sagrament tal-fidi: is-Sagrament li jwellidna għad-dawl permezz tat-twelid mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu; l-istess bħalma ġara lill-għama minn twelidu, li jinfetħulu għajnejh wara li nħasel fil-menqgħa ta’ Silwam.  L-imwieled għama u mfejjaq, jirrappreżenta lilna meta ma nindunawx li Ġesù huwa d-dawl, huwa «d-dawl tad-dinja», meta nħarsu band’oħra, meta nippreferu nafdaw fi dwal żgħar, meta ngħarrxu fid-dlam.  Il-fatt li dak l-għama m’għandux isem jgħinna naraw wiċċna u l-istorja tagħna bħal f’mera fl-istorja tiegħu.  Aħna wkoll ġejna mdawlin minn Kristu fil-Magħmudija, għalhekk aħna msejħin biex inġibu ruħna bħala ulied id-dawl.  U li nġibu ruħna bħala ulied id-dawl jitlob minna bidla radikali fil-mentalità, ħila li niġġudikaw lill-bnedmin u l-affarijiet skont skala ta’ valuri differenti, li tiġi minn Alla.   Is-Sagrament tal-Magħmudija, infatti jesiġi minna għażla li ngħixu bħala ulied id-dawl u nimxu fid-dawl.  Kieku issa kelli nistaqsikom: “Temmnu li Ġesù huwa Iben Alla?  Temmnu li jista’ jibdlilkom qlubkom?  Temmnu li jista’ jurikom il-verità kif jaf jaraha Hu, mhux kif narawha aħna?  Temmnu li Huwa hu d-dawl, itina d-dawl veru?”  Xi twieġbu?  Kull wieħed u waħda minnkom iwieġeb f’qalbu.

Xi jfisser li jkollok id-dawl veru, timxi fid-dawl?  Qabel kollox ifisser li tabbanduna d-dwal foloz: id-dawl kiesaħ u frivolu tal-preġudizzji kontra l-oħrajn, għax il-preġudizzju jgħawweġ ir-realtà u jimliena b’avversjoni kontra dawk li aħna niġġudikawhom mingħajr ħniena u nikkundannawhom mingħajr appell.  Din hi l-ħobżna ta’ kuljum!  Meta nqassu dwar l-oħrajn, ma nkunux mexjin fid-dawl, inkunu mexjin fid-dell.  Dawl falz ieħor, għax issaħħarna u huwa ambigwu, hu dak tal-interessi personali: jekk aħna nkejlu lill-bnedmin u l-affarijiet fuq il-kriterju ta’ dak li hu utli għalina, li jtina pjaċir, tal-prestiġju tagħna, ma nkunux qed naraw il-verità fir-relazzjonijiet u s-sitwazzjonijiet.  Jekk aħna nimxu f’dit-triq li nfittxu biss l-interessi personali, inkunu mexjin fid-dell.

Il-Verġni Mqaddsa, li kienet l-ewwel li laqgħet lil Ġesù, dawl tad-dinja, taqlgħalna l-grazzja li f’dar-Randan nilqgħu mill-ġdid id-dawl tal-fidi billi niskopru mill-ġdid ir-rigal bla qies tal-Magħmudija, li lkoll kemm aħna rċevejna.  U dan id-dawl ġdid jibdlilna l-atteġġjamenti tagħna biex aħna wkoll, ibda mill-faqar tagħna, mix-xejn tagħna, inkunu nies li nwasslu raġġ tad-dawl ta’ Kristu.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Almería (Spanja) ġew dikjarati Beati José álvarez-Benavides y de la Torre u mija u erbatax sħabu martri.  Dawn is-saċerdoti, reliġjużi u lajċi kien xhieda erojċi ta’ Kristu u tal-Evanġelju tiegħu ta’ paċi u rikonċiljazzjoni fraterna.  Jalla l-eżempju tagħhom u l-interċessjoni tagħhom isostnu l-impenn tal-Knisja fil-bini ta’ ċiviltà ta’ mħabba.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-pellegrini li ġew minn Córdoba (Spanja), iż-żgħażagħ tal-Kulleġġ Saint-Jean de Passy ta’ Pariġi, lill-fidili minn Loreto, lill-fidili minn Quartu Sant’Elena, Rende, Maiori, Poggiomarino u l-adoloxxenti tad-dekanat “Romana-Vittoria” ta’ Milan.  U, a propożitu ta’ Milan, nixtieq nirringrazzja lill-Kardinal Arċisqof u l-poplu kollu ta’ Milan għal-laqgħa mimlija entużjażmu li tawni lbieraħ.  Ħassejtni verament qiesni d-dar u dan ma’ kulħadd kemm dawk li jemmnu u wkoll dawk li ma jemmnux.  Nirringrazzjakom ħafna għeżież Milaniżi u ngħidilkom ħaġa: rajt b’għajnejja u missejt b’idejja dak li jingħad: “A Milan si riceve col coeur in man!” (F’Milan nilqgħuk b’qalbna f’idejna!)

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber