Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 6,24-34) hi stedina qawwija biex nafdaw f’Alla – ma ninsewx: nafdaw f’Alla – li jieħu ħsieb kull kreatura maħluqa.  Hu jipprovdi l-ikel lill-annimali kollha, jaħseb fil-ġilji u fil-ħaxix tal-għelieqi (cfr vv. 26-28); ħarstu fiduċjuża u attenta tgħasses fuq ħajjitna kuljum.  Ħajjitna tgħaddi mill-ansjetà ta’ tant preokupazzjonijiet li jirriskjaw li jisirqulna s-serenità u l-bilanċ; imma din id-diqa spiss hi inutli, għax ma jirnexxilhiex tibdel il-kors tal-avvenimenti.  Ġesù jeżortana b’insistenza biex ma nitħassbux dwar għada (cfr vv. 25.28.310), billi jfakkarna li fuq kollox hemm il-Missier li jħobb u li qatt ma jinsa lil uliedu; meta nafdaw fiH ma jfissirx li b’maġija se jissolvew il-problemi kollha imma jgħinna naffrontawhom bl-attitudni t-tajba, bil-kuraġġ; jien kuraġġuż għax nafda f’Missieri li jieħu ħsieb kollox u jħobbni ħafna.

Alla mhux xi ħlejqa mbiegħda u anonima: hu l-kenn tagħna, l-għajn tal-hena tagħna u tal-paċi tagħna.  Hu l-blata tas-salvazzjoni tagħna li nistgħu niggranfaw magħha biċ-ċertezza li mhux se niġġarfu; min jiggranfa ma’ Alla ma jaqa’ qatt!  Hi d-difiża tagħna kontra l-ħażen li dejjem iħuf madwarna.  Għalina Alla hu l-akbar ħabib, l-allejat, il-Missier, imma mhux dejjem nindunaw b’dan.  Ma nindunawx li għandna ħabib kbir, allejat, Missier li jridilna l-ġid u nippreferu miggranfaw mal-ġid immedjat, li nistgħu mmissuh, mal-ġid temporanju, u ninsew, kultant ukoll nirrifjutaw, il-ġid suprem, jiġifieri l-imħabba paterna ta’ Alla.  Hu importanti ħafna li f’daż-żmien li aħna orfni, inħossuH bħala Missierna!  F’did-dinja orfni, inħossuh bħala Missierna.  Aħna nitbegħedu mill-imħabba tal-Missier meta b’mod ossessiv infittxu l-ġid tad-dinja, l-għana, u b’hekk inkunu qed nuru mħabba esaġerata lejn dir-realtà.

Ġesù jgħidilna li dal-ġiri bla nifs u illużorju hu r-raġuni tal-infeliċità.  U Ġesù jagħti lid-dixxipli regola fundamentali għall-ħajja: «Minflok, fittxu qabel kollox is-Saltna t’Alla» (v. 33).  Dan ifisser li nwettqu l-proġett li ħabbar Ġesù fid-Diskors tal-Muntanja, fiduċja f’Alla li qatt ma jqarraq – tant ħbieb jew tant li konna naħsbuhom ħbieb, daħqu bina; Alla ma jidħaq bina qatt! –; nimpenjaw ruħna bħala amministratturi fidili tal-ġid li rregalalna, anki dak tad-dinja, imma mingħajr ma nesaġeraw qiesu kollox, anki s-salvazzjoni tagħna, jiddependi esklussivament minna.  Dan l-atteġġjament evanġeliku jitlob ukoll għażla ċara oħra li s-silta tal-lum turihielna bil-preċiżjoni: «Ma tistgħux taqdu ‘l Alla u l-flus» (v. 24).  Jew il-Mulej jew l-idoli affaxxinanti imma qarrieqa.  Din l-għażla li aħna msejħin nagħmlu, tħalli effetti wkoll fuq ħafna mill-azzjonijiet, programmi u impenji tagħna.  Hi għażla li trid issir b’mod nett u li rridu nġedduha ‘l ħin kollu għax it-tentazzjoni li nagħmlu kollox flus, pjaċir u poter tgħafas fuqna.  Hawn ħafna tentazzjonijiet dwar dan.

Filwaqt li l-adorazzjoni ta’ dawn l-idoli ttina riżultati immedjati anki jekk jgħaddu bħal-leħħa ta’ berqa, meta nagħżlu lil Alla u s-saltna tiegħu mhux dejjem naraw il-frott tagħhom minnufih.  Hi deċiżjoni li nieħdu fit-tama u li tħalli t-twettiq sħiħ tagħha f’idejn Alla.  It-tama Nisranija timmira għat-tisħiħ futur tal-wegħda ta’ Alla u ma tieqaf quddiem ebda diffikultà, għax il-pedament tagħha hi l-fedeltà ta’ Alla li qatt ma jikser kelmtu.  Huwa fidil, hu missier fidil, ħabib fidil, allejat fidil.

Il-Verġni Marija tgħinna nafdaw fl-imħabba u t-tjubija tal-Missier Ċelesti, ngħixu fiH u miegħU.  Din hi l-kundizzjoni biex aħna negħlbu t-turmenti u l-kuntrarju tal-ħajja, u anki l-persekuzzjonijiet, kif turina t-testimonjanza ta’ tant ħutna.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjżi.

Insellem lill-fidili minn Varsavja, il-Polonja, u lil dawk minn postijiet oħra li temmew pellegrinaġġ Marjan; u minn Spanja nsellem lil dawk li ġew minn Ciudad Real u liż-żgħażagħ minn Formentera.

Insellem lill-adoloxxenti minn Cuneo, Zelarino, Mattarello u Malcesine, Fino Mornasco u Monteolimpino; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Cavenago d’Adda, Almenno San Salvatore u Serravalle Scrivia; lill-fidili minn Ferrara, Latina, Sora, Roseto degli Abruzzi, Creazzo u Rivalta sul Mincio.

Insellem lill-grupp li ġie hawn fl-okkażjoni tal-“Jum tal-Mard Rari” – grazzi, grazzi lilkom ilkoll għal dak kollu li tagħmlu – u nawgura li l-pazjenti u l-familji tagħhom ikollhom is-sapport meħtieġ fil-mixja tqila tagħhom kemm mil-lat mediku u wkoll dak leġiżlattiv.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber