IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 26 ta' Jannar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 4,12-23) itina l-bidu tal-missjoni pubblika ta' Ġesł. Dan seħħ fil-Galilija, art li fil-konfront ta' Ġerusalemm kienet titqies bħala periferija u kienet ukoll tqajjem suspetti minħabba t-taħlit mal-pagani.  Xejn tajjeb u ġdid ma kien mistenni minn dak ir-reġjun; iżda, kien propju hemmhekk li Ġesł, li kien trabba f'Nażaret tal-Galilija, ta bidu għall-predikazzjoni tiegħu.

Hu jħabbar is-sustanza ewlenija tat-tagħlim tiegħu miġbur fl-appell: "Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet" (v. 17).  Din it-tħabbira tixbaħ raġġ qawwi ta' dawl li jinfed id-dlam u jofroq iċ-ċpar, u jfakkar il-profezija ta' Iżaija li naqraw fil-lejl tal-Milied: "Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqgħdu f'art id-dlam dawl idda fuqhom" (9,1).  Bil-miġja ta' Ġesł, dawl tad-dinja, Alla l-MIssier wera lill-umanitą l-qrubija u l-ħbiberija tiegħu.  Dawn huma mogħtijin lilna b'xejn, lil hinn mill-merti tagħna.  Il-qrubija t'Alla u l-ħbberija t'Alla mhumiex mertu tagħna: huma rigal b'xejn mogħti lilna minn Alla.  Aħna fid-dmir li nħarsu dar-rigal.

Is-sejħa għall-konverżjoni li Ġesł jagħmel lill-bnedmin kollha ta' rieda tajba, tinftiehem fis-sħuħija tagħha propju fid-dawl tal-ġrajja tal-manifestazzjoni ta' Iben Alla, li mmeditajna fuqha fil-Ħdud li għaddew.  Ħafna drabi jidher li jkun impossibbli li nibdlu ħajjitna, inħallu warajna t-triq tal-egoiżmu, tal-ħażen,  nabbandunaw it-triq tad-dnub għax l-impenn tagħna għall-konverżjoni jkun jistrieħ biss fuqna nfusna, fuq il-ħila tagħna u mhux fuq Kristu u l-Ispirtu tiegħu.  Imma r-rabta tagħna mal-Mulej ma tistax tkun biss sforz personali, le.  Jekk nemmnu li hu hekk, inkunu qed naqgħu fid-dnub tas-suppervja. Ir-rabta tagħna mal-Mulej, minflok, trid tkun miftuħa bil-fiduċja tal-qalb  u tal-moħħ, biex tilqa' l-Bxara t-Tajba ta' Ġesł.  U din - il-Kelma ta' Ġesł, il-Bxara t-Tajba ta' Ġesł, l-Evanġelju - tibdel qlubna u lid-dinja!  Għaldaqstant aħna msejħin biex ikollna fiduċja fil-kelma ta' Ġesł, biex inkunu miftuħin għall-ħniena tal-Missier u nħallu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu tittrasformana.

Min hawn tibda l-vera mixja ta' konverżjoni.  L-istess kif ġara lill-ewwel dixxipli: il-laqgħa mal-Imgħallem Divin, b'ħarstu, b'kelmtu tahom l-imbuttatura biex imorru warajh, biex jibdlu ħajjithom u jsiru qaddejja tas-Saltna t'Alla, konkreatment.

Il-laqgħa sorprendenti u deċiżiva ma' Ġesł kienet il-bidu tal-mixja tad-dixxipli, bidlithom f'ħabbara u xhieda tal-imħabba t'Alla lejn il-poplu tiegħu.  B'xebħ ma dawn l-ewwel ħabbara u messaġġieri tal-Kelma t'Alla, kull wieħed u waħda minna nistgħu nimxu fuq il-passi tas-Salvatur biex noffru t-tama lil kull min hu għatxan għaliha.

Il-Verġni Marija, li nduru lejha b'dit-talba tal-Angelus, tkun bastun għal dawn l-intenzjonijiet tagħna u ttemmhom bl-interċessjoni materna tagħha.

 

Wara l-Angelus - Fuq Ħadd il-Kelma ta' Alla

Għeżież ħuti!

Illum qed niċċelebraw il-Ħadd tal-Kelma t'Alla għall-ewwel darba, imwaqqaf biex niċċelebraw u nilqgħu dejjem aħjar ir-rigal li tana Alla, u li jtina ta' kuljum, tal-Kelma tiegħu għall-poplu tiegħu.  Irrodd ħajr lid-djoċesijiet, irrodd ħajr lill-komunitajiet li niedew inizjattivi biex ifakkru ċ-ċentralitą tal-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja.

Għada jaħbat il-75 anniversarju tal-ħelsien mill-kamp tal-konċentrament ta' Auschwitz-Birchenau.  Quddiem din it-traġedja bla qies, quddiem din l-atroċitą, ma nistgħux naċċettaw l-indifferenza, u l-fakra hi dmir.  Għada aħna lkoll mistednin nagħmlu waqt ta' talb u ġabra u f'qalbna kull wieħed u waħda minna ngħidu: qatt aktar, qatt aktar!

Illum qed niċċelebraw il-Jum tal-Morda bil-marda ta' Hansen.  Aħna qrib tal-persuni kollha milqutin minn dil-marda u lejn min b'xi mod jieħu ħsiebhom.

Nixtieq inkun qrib u nitlob għall-persuni morda li ntlaqtu mill-virus li nxtered fiċ-Ċina.  Il-Mulej jilqa' fil-paċi tiegħu lill-mejtin, ifarraġ il-familji u jkun ta' sostenn għall-impenn kbir tal-komunitą Ċiniża, li diġą qed taħdem biex tiġġieled din l-imxija.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu mil-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-pellegrini minn Valencia, Salamanca, Burgos, Santander u Valladolid; lill-istudenti u l-edukaturi minn Murcia, Cuenca, Badajoz, u dawk li ġew mill-Panamį.

Insellem lill-fidili minn Tursi u lill-grupp UNITALSI tar-reġjun tal-Lazio, li jgħatu sehemhom biex il-persuni diżabbli jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-udjenzi u fl-Angelus, u li llum qed iqassmu l-Missalin bil-Kelma t'Alla għall-ġranet tal-ġimgħa.

Issa waslu sħabkom (żewġt itfal mill Azzjoni Kattolika ta' Ruma).  Insellem minn qalbi lill-adoloxxenti subien u bniet tal-Azzjoni Kattolika, tal-parroċċi u tal-iskejjel kattoliċi tad-Djoċesi ta' Ruma!  Dis-sena wkoll huma akkumpanjati mill-Isqof Awżiljarju Mons Selvadagi, mill-ġenituri u l-edukaturi u mis-saċerdoti assistenti; ġejtu hawn f'għadd kbir fi tmiem "il-Karwana tal-Paċi".  Irroddilkom ħajr għal din l-inizjattiva.  U isssa nisimgħu flimkien il-messaġġ li se jaqrawlna ħbiebkom li hawn ħdejja.

(Qari tal-messaġġ li fi tmiemu ntelqu għadd ta' bżieżaq)

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber