Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 26 ta' Jannar 2014

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba,

il-Vanġelu tal-lum jirrakkonta l-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù fl-ilbliet u l-irħula tal-Galilea.  Il-missjoni tiegħu ma tibdiex minn Ġerusalemm, jiġifieri miċ-ċentru reliġjuż tal-pajjiż, kif ukoll ċentru soċjali u politiku, imma tibda minn żona li tinsab fix-xifer, żona mwarrba u mmaqdra mil-Lhud li l-aktar li kienu josservaw il-Liġġi, minħabba li fiha kien hemm ħafna nies minn pajjiżi differenti; għalhekk il-profeta Iżaija jsejjħilha “Galilija tal-ġnus” (Iż 8,23).

Il-Galilija hija art li tinsab fuq il-konfini ma’ pajjiżi oħrajn, art ta’ ħafna taħlit fejn jinltaqgħu persuni ta’ razez, kulturi u reliġjonijiet differenti.  Il-Galilija għalhekk issir post simboliku tal-ftuħ tal-Evanġalju lill-popli kollha.  Jekk inħarsu lejha hekk, il-Galilija nistgħu nqabbluha mad-dinja tal-lum: diversi kulturi differenti jgħixu flimkien, hemm bżonn li jiltaqgħu bejniethom u hemm bżonn li jiddiskutu.  Anke aħna kuljum ninsabu mgħaddsin f’”Galilija tal-ġnus”, u f’kuntest bħal dan jista’ jkun li nibżgħu u nċedu għat-tentazzjoni li nibnu madwarna ħitan biex inħossuna aktar imħarsa u aktar fis-sigurtà.  Imma Ġesù jgħallimna li l-Bxara t-Tajba, li hu jwassal, mhix imħejjija għal parti waħda tal-ġens uman, imma għandha tiġi mwassal lil kulħadd.  Hija aħbar tajba li tasal għand dawk kollha li jistennewha, imma mhux biss, tasal ukoll għand dawk li forsi m’għadhom jistennew xejn u lanqas baqalhom is-saħħa ifittxu u jsaqsu.

Ladarba Ġesù jibda l-missjoni tiegħu proprju mill-Galilija, hu qed jurina li ħadd ma hu maqtugħ barra mis-salvazzjoni ta’ Alla, anzi, hu qed jurina li Alla jippreferi jibda minn dawk l-aktar imwarrba, dawk li jinsabu fl-aħħar post, ħalli żgur jilħaq lil kulħadd.  Hu jgħallimna metodu, il-metodu tiegħu, li juri kontenut, u dan il-kontenut hi l-hniena tal-Missier.  “Kull nisrani u kull komunità għandha taħseb fuq liema hija l-mogħdija li l-Mulej qed jitolb minnha, waqt li lkoll kemm aħna ninsabu mistednin biex nilqgħu din is-sejħa.  Li noħorġu mill-kumdità tagħna u li jkollna l-kuraġġ nilħqu l-periferiji li għandhom bżonn id-dawl tal-Evanġelju” (Evangelii gaudium, 20).

Ġesù jibda l-missjoni tiegħu mhux biss minn post li huwa mwarrab miċ-ċentru, imma jibdiha wkoll flimkien ma’ rġiel li nistgħu nsejjħulhom “ta’ profil baxx”.  Biex jagħżel l-ewwel dixxipli li mbagħad saru l-appostli, ma jmurx ifittex fl-iskejjel tal-kittieba u tal-għorrief tal-Liġi, imma jfittixhom fost il-persuni umli u sempliċi, li kienu qed jistennew b’impenn għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla.  Ġesù jmur isejjħilhom fuq il-post tax-xogħol tagħhom, fuq xatt l-għadira: għax huma sajjieda.  Isejjħilhom, u huma jmorru warajh, bla tef ta’ żmien.  Jitilħu x-xbiek u jmorru miegħu: ħajjithom għad tinbidel f’avventura mhux tas-soltu u tal-għaġeb.

Għeżież ħbieb, anke llum il-Mulej għadu isejjaħ!  Il-Mulej jgħaddi mit-toroq tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Anke llum f’dan il-mument, hawn, il-Mulej jgħaddi minn din il-pjazza.  Isejjħilna biex immorru miegħu, biex naħdmu miegħu għas-Saltna ta’ Alla, fil-“Galiliji” ta’ żminijietna. Nistieden lil kull wieħed minnkom jaħseb: Il-Mulej jgħaddi llum, il-Mulej iħares lejja, qiegħed iħares lejja!  Xinhu jgħidli l-Mulej?  U jekk xi ħadd minnkom jisma’ lill-Mulej jgħidlu “ejja warajja”, jagħmel il-kuraġġ u jmur miegħu.  Il-Mulej qatt ma jaqsmilna qalbna.  Għarrxu fil-qalb tagħkom u araw jekk il-Mulej hux isejjħilkom biex timxu warajh.  Ejjew inħallu l-ħarsa tiegħu u l-leħen tiegħu jilħquna, u nimxu warajh. “Sabiex il-ferħ tal-evanġelju jasal tat-truf tad-dinja u l-ebda parti mwarrba ma tkun imċaħħda mid-dawl tiegħu (ibid. 288).


Wara l-Angelus:

Issa qed taraw li m’iniex waħdi: għandi miegħi tnejn minnkom, li telgħu hawn fuq ħdejja. Dawn żewġt itfal bravi!

Illum niċċelebraw il-Jum dinji tal-persuni morda bil-lebbra.  Din il-marda, li minkejja li qed tonqos ħafna, għadha xorta waħda tolqot lill-persuni li jgħixu f’kundizzjoni ta’ miżerja kbira.  Importanti li nżommu ħajja s-solidarjetà tagħna ma’ dawn ħutna.  Lilhom naċċertawhom mit-talb tagħna; u nitolbu wkoll għal dawk kollha li jieħdu ħsiebhom u li, b’diversi manjieri, jaħdmu biex dan il-mikrobu jinqered.

Fit-talb tiegħi ninsab qrib in-nies tal-Ukraina, speċjalment qrib dawk li tilfu ħajjithom f’dawn il-ġranet u qrib il-familji tagħhom.  Nawgura li jiżviluppa djalogu kostruttiv bejn l-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili u li, waqt li tiġi evitata kull forma ta’ attività vjolenti, isaltnu fil-qalb ta’ kull wieħed l-ispirtu tal-paċi u tat-tiftix tal-ġid komuni.

Illum qed nara ħafna tfal fil-pjazza!  Ħafna! Flimkien magħhom ukoll nixtieq inwassal ħsieb lil Cocò Campolongo, li fl-età ta’ tlett snin sfa maħruq f’karozza f’Cassano allo Jonio.  Din l-atroċità fuq tifel daqshekk żgħir jidher li ma kienx hawn bħalu fl-istorja tal-kriminalità.  Ejjew nitolbu flimkien ma’ Cocò, li żgur jinsab ma’ Ġesù fis-sema, għan-nies li għamlu dan l-att kriminali, biex jindmu u jduru mill-ġdid lejn il-Mulej.

Fil-ġranet li ġejjin, miljuni ta’ persuni, li jgħixu fil-Lvant imbiegħed, jew inkella li huma mxerrdin f’diversi partijiet tad-dinja, fosthom Ċiniżi, Korenai u Vjetnamiti, jiċċelebraw il-bidu tas-sena lunari. Lilhom ilkoll nixtieqilhom ħajja mimlija ferħ u tama.  Jalla x-xewqa kbira għall-fraternità li tinsab fil-qalb tagħhom u li ma tistax tiġi soppressa ssib fl-intimità tal-familja l-post privileġġjat fejn tista’ tiġi mgħarrfa, edukata u mwettqa.  Dan għad ikun kontribut prezzjuż fil-bini ta’ dinja aktar umana, fejn issaltan il-paċi.

Ilbieraħ f’Napli ġiet dikjara beata Maria Cristina di Savoia, li għexet fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, reġina tan-Nofsinhar tal-Italja u ta’ Sqallij.  Bħala mara ta’ spiritwalità qawwija u ta’ umiltà kbira għarfet titgħabba bit-tbatija tal-poplu tagħha, u verament saret omm għall-fqar.  L-eżempju straordinarju tagħha fil-karità li għamlet jixhed li l-ħajja tajba msejsa fuq il-Vanġelu hija possibbli f’kull ambjent u f’kull kundizjoni soċjali.

Insellem bil-qalm lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejtu minn diversi parroċċi fl-Italja u u minn pajjiżi oħra, kif ukoll lill-għaqdiet, il-gruppi skolastiċi u oħrajn.  Insellem b’mod speċjali l-istudenti ta’ Cuenca (Spanja) u t-tfajliet ta’ Panamá.  Insellem l-insara ta’ Caltasinetta, Priolo Gargallo, San Severino Marche u San Giuliano Milanese, kif ukoll l-ex studenti tal-iskola ta’ Minoprio.  Nixtieq ukoll nuri s-solidarjetà tiegħi man-nies tal-Emilia li qed ibatu minħabba l-għarar.

Issa ndur lejn iż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika tad-djoċesi ta’ Ruma!  Għeżież żgħażagħ, anki din is-sena, mmexxijin mill-Kardinal Vigarju, ġejtu tant numerużi fi tmiem il-“Carovana della Pace” li organizzajtu.  Nirringrazzjakom!  Nirringrazzjakom ħafna! Ejjew issa nisimgħu il-messaġġ li sħabkom, li jinsabu hawn ħdejja, se jaqrawlna.

(qari tal-messaġġ)

U issa daż-żewġ żgħażagħ bravi se jtajjru żewġ ħamimiet li jissimbolizzaw il-paċi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

  

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.