Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

Dalgħodu, bil-quddiesa ċelebrata fil-Bażilika ta’ San Pietru ġiet fi tmiemha l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja.  Nistieden lil kulħadd jiżżi ħajr ‘l Alla għal dawn it-tliet ġimgħat ta’ ħidma sfiqa, mħeġġin bit-talb u minn spirtu ta’ komunjoni vera.  Kienet biċċa xogħol ta għejja, imma kien veru rigal minn Alla li żgur se jħalli l-frott.

Il-kelma “sinodu” tfisser “mixja flimkien”.  U dak li għexna kienet esperjenza ta’ Knisja f’mixja, f’mixja speċjalment mal-familji tal-Poplu qaddis ta’ Alla mxerred madwar id-dinja kollha.  Għal din ir-raġuni laqtitni l-Kelma t’Alla li llum tiltaqa’ magħna fil-profezija ta’ Ġeremija.  Tgħid hekk: «Arawni, se nġibhom mit-tramuntana u niġborhom mill-ibgħad artijiet; fosthom hemm l-għomja u z-zopop, il-mara tqila u fil-ħlas: jerġgħu lura hawn f’ġemgħa kbira».  U l-Profeta jżid: «Marru bil-biki u l-krib u jien inġibhom lura fil-faraġ; inqegħedhom ħdejn ix-xmajjar u ngħaddihom minn triq watja li fiha ma jitfixklux, għax jien Missier għal Iżrael» (31, 8-9).

Dil-Kelma t’Alla tgħidilna li l-ewwel li jrid jimxi magħna, li jrid jagħmel “is-sinodu” magħna, huwa propju Hu, il-Missier tagħna.  “Il-ħolma tiegħu”, minn dejjem u għal dejjem hi dik li jifforma poplu, li jiġbru flimkien, li jmexxih lejn l-art tal-ħelsien u tal-paċi.  U dan il-poplu hu magħmul mill-familji: «hemm il-mara tqila u dik fil-ħlas»; hu poplu li waqt li mixja jseddaq il-ħajja bil-barka t’Alla.

Hu poplu li ma jwarrabx fil-ġenb lill-foqra u lil min hu svantaġġjat, anzi lil dawn jinkludihom.  Il-Profeta jgħid: «Fosthom kien hemm l-għama u z-zopp».  Hija familja ta’ familji, li fiha min hu għajjien ma jsibx ruħu mwarrab, mitfuh l-aħħar, imma jirnexxilu jżomm il-pass mal-oħrajn għax dan il-poplu jimxi bil-pass ta’ min hu l-aħħar; kif jiġri fil-familji, u kif jgħallimna l-Mulej li sar fqir mal-foqra, ċċekken maċ-ċkejknin, sar l-aħħar wieħed ma’ tal-aħħar.  Dan m’għamlux biex jeskludi lis-sinjuri, il-kbar, lil tal-ewwel, imma għax dan hu l-uniku mod biex isalva lilhom ukoll, biex isalva lil kulħadd: imur maċ-ċkejknin, mal-esklużi, ma’ tal-aħħar.

Nistqarr magħkom li din il-profezija tal-poplu f’mixja qabbilta wkoll mal-immaġni tar-rifuġjati li hemm fit-toroq tal-Ewropa, realtà drammatika ta’ jiemna.  Lilhom ukoll Alla jgħidlihom: «Marru bil-biki u jien inġibhom lura fil-faraġ».  Anki dawn il-familji li qed isofru l-aktar, imqaċċtin minn artijiethom, kienu magħna fis-Sinodu, kienu fit-talb tagħna fix-xogħol tagħna, permezz tal-leħen ta’ wħud mir-Rgħajja tagħhom li kienu preżenti fl-Assemblea.  Dawn in-nies li qed ifittxu d-dinjità, dawn if-familji li qed ifittxu l-paċi għadhom magħna fil-Knisja, il-Knisja ma tabbadunahomx għax huma jiffurmaw parti mil-poplu ta’ dak Alla li jrid jeħles mill-iskjavitù u jmexxi lejn il-ħelsien.

Għalhekk, f’dil-Kelma t’Alla, naraw f’mera, kemm l-esperjenza sinodali li għexna, kif ukoll id-dramm tar-rifuġjati li għaddejjin mat-toroq tal-Ewropa.  Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, il-Mulej jgħinna nqiegħdu fis-seħħ din l-esperjenza bi stil tal-komunjoni fraterna.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll, fidili Rumani u pellegrini minn ħafna pajjiżi.

Insellem partikolarment lill-Hermandad del Señor de los Milagros ta’ Ruma (bl-Ispanjol żied: kemm hawn Peruvjani fil-pjazza!), li b’devozzjoni kbira ġiebu magħhom f’purċissjoni x-xbieha meqjuma f’Lima, lill-Perù, lill-Peruvjani kollha emigrati jinsabu fejn jinsabu.  Grazzi tax-xhieda li tagħtu!

Insellem lill-mużiċisti pellegrini “Musikverein Manhartsberg”, li ġejjin mid-djoċesi ta’ Vjenna, u l-orkestra Lanfwehr minn Friburgu, l-Isvizzera, li l-bieraħ filgħaxija taw kunċert għall-benefiċjenza.

Insellem lill-Assoċjazzjoni tal-Volontiera fl-Isptar “San Giovanni” ta’ Lagonegro, u l-grupp mid-djoċesi ta’ Oppido Mamertina-Palmi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, nirrikmandalkom, tinsewx titolbu għalija.  L-iskla t-tajba u arrivederci.

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber