Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 10,26-33) wara li kien sejjaħ u bagħat lid-dixxipli tiegħu f’missjoni, il-Mulej Ġesù jgħallimhom u jħejjihom biex jaffronatw il-provi u l-persekuzzjonijiet li kienu għad iridu jiltaqgħu magħhom.  Li tmur f’missjoni mhix turiżmu u Ġesù jwissi lil tiegħu: “Se tiltaqgħu mal-persekuzzjonijiet”.  U jagħmlilhom il-qalb: «Tibżgħux mill-bnedmin, għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf (...)  Dak li se ngħidilomk jien fid-dlam għiduh fid-dawl (...) U tibżgħux minn dawk lil joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ» (vv 26-28).  Jistgħu joqtlu l-ġisem imma m’għandhomx is-setgħa li joqtlu r-ruħ: minn dawn tibżgħux.  Il-mandat għall-missjoni min-naħa ta’ Ġesù mhux garanzija li d-dixxipli se jkollhom suċċess, daqstant ieħor mhux se jħarishom mill-fallimenti u t-tbatija.  Huma jridu jqisu l-possibiltà li jisfaw miċħudin daqskemm jistgħu jisfaw persegwitati.  Dan xi ftit ibeżża’ imma hija l-verità.

Id-dixxiplu hu msejjaħ biex ifassal ħajtu fuq dik ta’ Kristu, li kien persegwitat mill-bnedmin, ħass iċ-ċaħda, l-abbandun u l-mewt fuq is-salib.  Il-missjoni Nisranija taħt il-kappa tal-kalma, ma teżistix!  Id-diffikultajiet u t-tribulazzjonijiet jiffurmaw parti mill-opra tal-evanġeliżżazzjoni, u aħna msejħin ħalli fihom insibu okkażjoni biex nivverifikaw kemm huma awtentiċi l-fidi tagħna u r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù.  Irridu nqisu dawn id-diffikultajiet bħala possibiltà biex inkunu aktar missjunarji, biex inkabbru fina dik il-fiduċja f’Alla, Missierna, li qatt ma jabbanduna lil uliedu fil-waqt tat-tempesta.  Fid-diffikultà tax-xhieda Nisranija fid-dinja, qatt m’aħna minsijin, imma dejjem megħjunin mill-premura ħerqana tal-Missier.  Għaldaqstant, fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jiżgura lid-dixxilpli tiegħu għal tliet darbiet u jgħidilhom: «Tbiżgħux!».

Anki fiż-żmienna, ħuti, hawn preżenti l-persekuzzjoni kontra l-Insara.  Aħna nitolbu għal ħutna persegwitati, u nfaħħru ‘l Alla għax minkejja, huma jkomplu bil-kuraġġ u l-fedeltà, jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom.  L-eżempju tagħhom jgħinna ħalli ma noqgħodux intellgħu u nniżżlu biex nieħdu deċiżjoni favur Kristu, billi nagħtu xhieda tiegħu bil-kuraġġ fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, anki f’kuntest li fid-dieher huwa kwiet.  Fil-fatt, għamla ta’ prova oħra jista’ jkun ukoll in-nuqqas ta’ ostilità u tribulazzjonijiet.  Minbarra bħala «nagħaġ qalb l-ilpup», anki fi żmienna, il-Mulej jibagħtna bħala għassiesa qalb il-nies li ma tridx tqum min-ngħas mondan, li tinjora l-kliem tal-Verità tal-Evanġelju, u tibni l-veritajiet “duħħan” tagħha.  U dment li aħna mmorru jew ngħixu f’kuntesti bħal dawn u ngħidu l-Kliem tal-Evanġelju, dan jagħti fastidju u jħarsu lejn biċ-ċiera.

Imma qalb dan kollu l-Mulej ikompli jtennielna, kif kien jgħid lid-dixxipli tiegħu fi żmienu: “Tibżgħux!” Ma ninsewhiex dil-kelma: dejjem, kull meta nsibu ruħna fit-tribulazzjonijiet, f’xi persekuzzjoni, f’xi sitwazzjoni li ġġagħlna nbatu, nisimgħu leħen Ġesù fi qlubna: “Tibżgħux! Tibżgħux tibqgħu għaddejjin, ibqgħu mexjin!  Jien qiegħed magħkom!”  Tibżgħux minn min jiddieħak bikom jew jittrattakom ħażin, u tibżgħux minn min jinjorakom jew f’wiċċkom jagħtikom ġieħ imma minn warajkom ikun qed jitqabad kontra l-Evanġelju.  Hemm ħafna li jitbissmulna imma minn warajna jiġġieldu kontra l-Evanġelju.  Ilkoll kemm aħna nafuh dan.  Ġesù ma jħalliniex waħedna għax għalih aħna prezzjużi.  Huwa għalhekk li ma jħalliniex waħedna: kull wieħed u waħda minna hu prezzjuż għal Ġesù, u Hu jakkumpanjana.

Il-Verġni Marija, mudell tal-umiltà u tar-rabta sfiqa u kuraġġuża mal-Kelma t’Alla, tgħinna nifhmu li fix-xhieda tal-fidi ma jgħoddux is-suċċessi, imma l-fedeltà, il-fedeltà lejn Kristu, aħna u nagħrfu f’kull ċirkostanza, anki dawn l-aktar problematiċi, ir-rigal imprezzabbli li aħna dixxipli missjunarji tiegħu. 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjoni tal-villaġġ Ċiniż ta’ Xinmo li l-bieraħ filgħodu ntlaqat minn tiġrif tal-blat minħabba x-xita qawwija.  Nitlob għall-mejtin u għall-miġrugħa u għal kull min tilef daru.  Alla jfarraġ lill-familji u jseddaq lil dawk li qed jagħtu l-għajnuna.  Inħossni qrib ħafna tagħkom!

Illum f’Vilnjus, fil-Litwanja, qed jiġi dikjarat Beatu l-Isqof Teofilo Matulionis, li nqatel minnħabba l-mibgħeda lejn il-fidi, fl-1962, meta kellu kważi disgħin sena.  Niżżu ħajr lil Alla għax-xhieda ta’ dan id-difensur qalbieni tal-fidi u tad-dinjità tal-bniedem.  Insellmu b’applaws lilu u lill-poplu Litwan kollu!

Nagħti t-tislima tiegħi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.  Partikolarment insellem lill-Arċisqof Maġġur, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti u lill-fidili tal-Knisja Greco-Ortodossa--Kattolika tal-Ukrajna, kif ukoll lill-pellegrini mill-Bjelorussja, li qed ifakkru l-150  anniversarju mill-kanoniżżazzjoni ta’ San Ġosafat.  Ningħaqad spiritwalment mal-liturġija divina li intom se tiċċelebraw minn hawn u ftit ieħor fil-Bażilika ta’ San Pietru u nitlob lill-Mulej għalikom biex jagħti lil kull wieħed u waħda minnkom il-kuraġġ tax-xhieda Nisranija u d-don tal-paċi lill art għażiża tal-Ukrajna.

Insellem lill-ministranti minn Komorow (il-Polonja) u lill-fidili Pollakki l-oħrajn, bi ħsieb speċjali lejn il-pellegrini mis-Santwarju ta’ Marija Omm Alla minn Gietrzwald.  Insellem lill-fidili Ċileni minn Santiago del Cile, Rancagua u Copiapó, kif ukoll lil dawk li ġew minn Montepellier u minn Corsica.  Insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Tombolo u lill-pellegrinaġġ tal-Ordni tall-Minimi ta’ San Franġisk ta’ Paola.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!


Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber