Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-evanġelju tal-lum, it-tieni Ħadd tar-Randan, jistedinna nikkuntemplaw it-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (cfr Mk 9, 2-10).  Dan l-episodju jrid jintrabat ma’ dak li kien ġara sitt ijiem qabel, meta Ġesù kien stqarr mad-dixxipli tiegħu li f’Ġerusalemm kellu jbati ħafna u jkun miċħud mill-qassisin u l-iskribi, joqtluh u wara tlett ijiem iqum (Mk 8, 31).  Din it-tħabbira kienet daħħlet lil Pietru u lill-grupp kollu tad-dixxipli, fi kriżi, għax ma riedux jaċċettaw l-idea li Ġesù jkun miċħud mill-mexxejja tal-poplu u mbagħad maqtul.  Infatti huma kienu qed jistennew Messija setgħan, qawwi, li jiddomina, filwaqt li Ġesù jidher bħala persuna umli, mansweta, qaddej t’Alla, li kellu jagħti ħajtu b’sagrifiċċju li jgħaddi mit-triq tal-persekuzzjoni, tat-tbatija u tal-mewt.  Imma kif wieħed seta’’ jimxi wara Messija li l-istorja tiegħu fuq l-art kellha tintemm hekk?  Hekk kienu jaħsbu huma. U t-tweġiba tasal propju bit-trasfigurazzjoni. X’inhi t-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù?  Hija dehra li tantiċipa dik tal-Għid.

Ġesù ħa miegħu lit-tliet dixxipli, Pietru, Ġakbu u Ġwanni u “ħadhom fuq muntanja għolja” (Mk 9, 2); u hemmhekk, għal xi waqtiet, jurihom il-glorja tiegħu kollha, glorja tal-Iben t’Alla.  Dan l-avveniment tat-trasfigurazzjoni jippermetti li d-dixxipli jaffrontaw il-passjoni ta’ Ġesù b’mod pożittiv, mingħajr ma tisħaqhom.  Raw kif kellhom jarawh wara l-passjoni.  U b’hekk Ġesù jħejjihom għall-prova.  It-trasfigurazzjoni tgħin lid-dixxipli, u lina wkoll, jifhmu li l-passjoni ta’ Kristu hi misteru ta’ tbatija, imma fuq kollox hi rigal ta’ mħabba, ta’ mħabba bla tarf min-naħa ta’ Ġesù  L-avveniment ta’ Ġesù li jittrasfigura ruħu fuq l-għolja jgħinna wkoll nifhmu aħjar il-qawmien tiegħu.  Biex nifhmu l-misteru tas-salib jeħtieġ inkunu nafu minn qabel li dak li qed ibati u li hu gglorifikat mhux biss bniedem, imma hu Iben Alla, li bl-imħabba fidila tiegħu sal-mewt, salvana.

U b’hekk, il-Missier itenni d-dikjarazzjoni Messjanika fuq Ibnu, dikjarazzjoni li kien diġà għamel fil-Ġordan wara l-Magħħmudija, u jżid jeżorta: “Isimgħu lilu!” (v. 7).  Id-dixxipli huma msejħin jimxu wara l-Imgħallem bil-fiduċja, bit-tama, minkejja l-mewt tiegħu; id-divinità ta’ Ġesù trid tidher propju fuq is-salib, propju b’dik il-mewta li kellu, tant li l-evanġelista Marku jqiegħed fuq fomm iċ-ċenturjun l-istqarrija ta’ fidi: “Dan tassew kien l-Iben t’Alla!” (15,39).

Issa nduru bit-talb lejn il-Verġni Marija, il-ħlejqa umana trasfigurata minn ġewwa bil-grazzja ta’ Kristu.  Nafdaw lilna nfusna, bil-fiduċja, fl-għajnuna materna tagħha biex bil-fidi u l-ġenerożità nkomplu l-mixja tar-Randan.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

f’dal-ġranet ħsiebi spiss jimraħ fuq il-maħbuba u martorjata Sirja, fejn il-gwerra qed tiqliel, speċjalment f’Ghouta tal-lvant.  Dax-xahar ta’ Frar kien wieħed mill-aktar vjolenti f’seba’ snin ta’ kunflitti: mijiet, eluf ta’ vittmi ċivili, tfal, nisa, anzjani; intlaqtu sptarijiet; in-nies anqas biss jistgħu jsibu jixtru x’jieklu...  Ħuti, dan kollu hu diżuman.  Ma nistgħux niġġieldu l-ħażen b’ħażen ieħor.  U l-gwerra hi ħażen.  Għaldaqstant nagħmel appell mill-qiegħ nett ta’ qalbi biex minnufih tieqaf il-vjolenza, ikun hemm aċċess għall-għajnuna umanitarja – ikel u mediċini – u l-morda u l-feruti jkunu evakwati.  Nitolbu lil Alla biex dan iseħħ minnufih.

(pawsa ta’ skiet)

Sliem għalik, Marija

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lil dawk ġejjin minn Spis, fis-Slovakkja.

Insellem lir-rappreżentanti tat-telviżjoni djoċesana ta’ Prato u lil-Isqof tagħhom li jinsab magħhom, liż-żgħażagħ tal-orkestra minn Oppido Mamertina u l-iscouts minn Genova.  Insellem li dawk li se jagħmlu l-Griżma u lill-adoloxxenti tal-professjoni tal-fidi minn Serravalle Scrivia, Verdellino, Zingonia, Lodi, Renate u Verduggio.

Insellem lill-grupp li ġie hawn fl-okkażjoni tal-Jum tal-Mard Rari, u nagħmel kuraġġ lill-assoċjazzjoniijiet kollha li jaħdmu f’dal-qasam.  Grazzi, grazzi għal dak li tagħmlu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber