Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vanġelu tal-lum ikellimna dwar il-bidu tal-predikazzjoni ta’ Ġesù fil-Galilija.  San Mark isemmli Ġesù beda jippriedka “wara li Ġwanni (il-Battista) kien arrestat” (1,14).  Sewwasew meta l-leħen profetiku tal-Għammiedi, li kien qed iħabbar il-miġja tas-Saltna ta’ Alla, ġie msikket minn Erodi, Ġesù jibda jgħaddi mit-toroq ta’ art twelidu biex iwassal lil kulħadd, b’mod speċjali lill-foqra, “il-vanġelu ta’ Alla” (ibid.).  It-tħabbira ta’ Ġesù tixbaħ lil dik ta’ Ġwanni, bid-differenza importanti li Ġesù ma jgħidx li għandu jiġi ieħor warajh: Ġesù stess huwa t-twettiq tal-wegħdiet; hu stess huwa l-“bxara t-tajba” li għandna nemmnu, nilqgħu u nwasslu lill-irġiel u lin-nisa taż-żminijiet kollha, sabiex huma wkoll jafdaw l-eżistenza tagħhom f’idejH.  Ġesù Kristu huwa l-Kelma ħajja u li taħdem fl-istorja: min jisimgħu u jimxi warajh jidħol fis-Saltna ta’ Alla.

Ġesù huwa t-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla għax hu dak li jagħti lill-bniedem l-Ispirtu s-Santu, l-“ilma ħaj” li jaqta’ l-għatx tal-qalbna imħabbta, għatxana għall-ħajja, għall-imħabba, għall-ħelsien, għall-paċi: qalbna għatxana għal Alla.  Kemm-il darba nħossu jew ħassejna ‘l qalbna għatxana!  Hu stess wera dan lis-Samaritana li ltaqa’ magħha ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, meta qalilha “Agħtini nixrob” (Ġw 4,7).  Kien dan il-kliem ta’ Ġesù lis-Samaritana li taw it-tema lill-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-insara li ssir kull sena u li llum tasal fi tmiemha.  Illejla, flimkien mal-insara tad-djoċesi ta’ Ruma u mar-rappreżentanti tad-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali, se ninġabru fil-Bażilka ta’ San Pawl barra ‘l ħitan ta’ Ruma biex nitolbu bil-qawwa lill-Mulej sabiex isaħħaħ l-impenn tagħna għall-għaqda fost l-insara kollha.  Hija ħaġa tassew kerha li l-insara huma mifruda!  Ġesù iridna magħqudin: ġisem wieħed!  Il-ħtijiet tagħna, l-istorja, firduna u għalhekk irridu nitolbu ħafna sabiex l-istess Spirtu s-Santu jgħaqqadna mill-ġdid.

Alla, meta sar bniedem, għamel tiegħu l-għatx tagħna, mhux biss għatx għall-ilma materjali, imma aktar minn hekk għatx għal ħajja mimlija, għal ħajja ħielsa mill-jasar tal-ħażin u tal-mewt.  Fl-istess ħin, peremzz tal-inkarnazzjoni Alla poġġa l-għatx tiegħu – għax anke Alla għandu l-għatx – fil-qalb ta’ bniedem: Ġesù ta’ Nazaret.  Alla għandu l-għatx għalina, għall-qlub tagħna, għall-imħabba tagħna, u poġġa dan l-għatx fil-qalb ta’ Ġesù.  Għalhekk fil-qalb ta’ Kristu jiltaqgħu l-għatx uman u l-għatx divin.  U ix-xewqa għall-għaqda tad-dixxipli tiegħu ġejja minn dan l-għatx.  Dan insibuh fit-talba li Ġesù jwassal lill-Missier qabel il-Passjoni: “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17,21).  Dak ried Ġesù: l-għaqda fost kulħadd!  Ix-xitan – nafu – hu missier il-firdiet, hu wieħed li dejjem jifred, li dejjem iġib il-gwerer, jagħmel ħafna ħsara.

Jalla dan l-għatx ta’ Ġesù jsir dejjem aktar l-għatx tagħna wkoll !  Ejjew, għalhekk, inkomplu nitolbu u nimpenjaw irwieħna għall-għaqda sħiħa fost id-dixxipli ta’ Ġesù, biċ-ċertezza li Hu jinsab magħna u jsiesna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu sabiex din ir-realtà toqrob.  U ejjew nafdaw din it-talba tagħna lill-interċessjoni materna ta Marija Verġni, Omm Kristu, Omm il-Knisja, sabiex hi, ta’ Omm tajba li hi, tgħaqqadna lkoll.

_____

Wara l-Angelus il-Papa għamel dan l-appell għall-paċi fl-Ukraina

Qiegħed insegwi bi tħassib kbir it-taqlil tal-ġlied fl-Ukraina tal-lvant, li qed ikompli jkabbar in-numru tal-vittni fost il-popolazzjoni ċivili.  Waqt li nassigura t-talb tiegħi għal dawk li qed ibatu, nappella mill-ġdid biex jerġgħu jsir sforz għad-djalogu biex dan in-nuqqas ta’ qbil jinġieb fit-tmiem.

Issa mhux se nkompli waħdi (imorru ħdejn il-Papa żewġ żgħażagħ tal-ACR ta’ Ruma)

Għeżież ħuti

Illum jiġi ċelerat il-jum dinji ta’ dawk li huma morda bil-lebbra.  Inwassal ħsiebi lil dawk kollha li qed ibatu minħabba din il-marda, kif ukoll għal dawk li jieħdu ħsiebhom, u għal dawk li qed jaħdmu bis-sħi biex ineħħu l-kawżi tat-tixrid ta’ din il-marda, jiġifieri l-kundizzjonijiet li ma jixirqux lill-bniedem.  Ejjew inġeddu l-impenn ta’ għajnuna għal dawn l-aħwa!

Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejtu minn diversi parroċċi fl-Italja u minn Pajjiżi oħra, kif ukoll l-għaqdiet u l-gruppi skolastiċi.

Insellem b’mod partikulari l-komunità Filippna ta’ Ruma.  L-aktar għeżież, il-poplu Filippin huwa tal-għaġeb, għall-fidi qawwija u ferħana tiegħu.  Jalla l-Mulej iqawwi lilkom ukoll li tgħixu ‘l bogħod minn pajjiżkom.  Grazzi ħafna tax-xhieda tagħkom!  U grazzi ħafna tal-ġid kollu li tagħmlu fostna, għax intom tiżirgħu l-fidi fina, tagħtu xiehda sabiħa tal-fidi. Grazzi ħafna!

Insellem lill-istudenti ta’ Cuenca, Villafranca de los Barros u Badajoz (Spanja), il-gruppi parrokkjali tal-Isole Baleari u t-tfajliet ta’ Panamá.  Insellem lill-insara ta’ Catania, Diamante, Delianuova u Crespano del Grappa.

Indur issa lejn it-tfajliet u l-ġuvintur tal-Azzjoni Kattolika ta’ Ruma.  Għeżież żgħażagħ, din is-sena wkoll ġejtu hawn mal-Kardinal Vigarju u ma’ Mons Mansueto Bianchi fi tmiem il-“Carovana della Pace” li torganizzaw kull sena.  Nirringrazzjakom, u nħeġġiġkom biex tkompli l-mixja nisranija bil-ferħ, twasslu l-paċi ta’ Ġesù lil kulħadd.  Issa ejjew nisimgħu l-messaġġ li se jaqraw sħabkom li jinsabu hawn ħdejja.

 [jinqara’ l-messaġġ]

Hawn araw il-bżieżaq bil-messaġ PAĊI

Grazzi, żgħażagħ! Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  U jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Insellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia