Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan il-Ħadd lejlet il-Milied nisimgħu l-Evanġelju tat-Tħabbira tal-Anġlu (cfr Lq 1,26-38).

F’dis-silta mill-Evanġelju ninnutaw kuntrast bejn il-wegħdiet tal-anġlu u t-tweġiba ta’ Marija.  Dan il-kuntrast jidher fid-dimensjoni u fil-kontenut ta’ dak li jgħidu ż-żewġ protagonisti.  L-anġlu jgħid lil Marija: “Tibżax, Marija, għax sibt grazzja quddiem Alla.  Se tnissel iben, u ssemmieh Ġesù.  Hu jkun kbir u jissejjaħ Iben l-Għoli; il-Mulej Alla jtih it-tron ta’ David missieru u hu jsaltan għal dejjem fuq id-dar ta’ Ġakobb u s-saltna tiegħu tkun bla tmiem” (vv. 30-33).  Hi rivelazzjoni twila li tiftaħ prospettivi li qatt ma nstemgħu bħalhom.  It-tarbija li se titwieled minn dit-tfajla umli ta’ Nażaret se tissejjaħ Iben tal-Aktar Għoli: mhux possibbli li titnissel dinjità akbar minn din.  U wara l-mistoqsija ta’ Marija, li biha hi titlob it-tifsir, ir-rivelazzjoni tal-anġlu tidħol fl-irqatat u ssir aktar sorprendenti.

Iżda t-tweġiba ta’ Marija hi sentenza qasira, li ma titkellimx dwar il-glorja, dwar il-privileġġ, imma dwar id-disponibbiltà tagħha għas-servizz: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (v. 38). Il-kontenut ukoll huwa differenti.  Marija ma titkabbarx quddiem il-prospetti li ssir omm il-Messija, iżda tibqa’ umli u tistqarr li taċċetta l-proġett tal-Mulej. Marija ma tiftaħarx.  Tibqa’ l-istess bħalma dejjem kienet qabel.

Dal-kuntrast hu ta’ tifsir kbir.  Jgħinna nifhmu li Marija hi verament umli u ma tippruvax tidher.  Tagħraf li hi ċkejkna quddiem Alla u hi hienja li tkun hekk.  Fl-istess ħin hi konxja li t-twettiq tal-proġett tal-Mulej jiddependi mit-tweġiba tagħha u li għalhekk hi msejħa biex taċċettah b’qalbha kollha.

F’din iċ-ċikostanza, Marija tieħu atteġġjament li jaqbel perettament ma’ dak ta’ Iben Alla meta jiġi fid-dinja: Hu jrid isir Qaddej tal-Mulej, iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-umanità biex iwettaq bis-sħiħ il-proġett tal-Missier.  Marija tgħid: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej”; u meta jidħol fid-dinja, Iben Alla jgħid: “Hekkhu, jiena ġejt (....) O Alla, biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10,7.9).  L-atteġġjament ta’ Marija hu mera perfetta ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ Iben Alla, li jsir ukoll iben Marija.  B’hekk il-Madonna turi li hi kollaboratriċi perfetta mal-proġett ta’ Alla, u turi ruħha wkoll bħala dixxiplu ta’ Binha, tant li fil-Magnificat tista’ tiddikjara li “Alla għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1,52), għax b’dit-tweġiba umli u ġeneruża tagħha kisbet ferħ mill-aktar għoli u glorja mill-aktar għolja.

Filwaqt li nammiraw lil din Ommna għat-tweġiba li tat lis-sejħa għall-missjoni li għamlilha Alla, nitolbuha tgħin lil kull wieħed u waħda minna biex nilqgħu l-proġett ta’ Alla f’ħajjitna, b’umiltà sinċiera u ġenerożità kuraġġuża.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

waqt li bit-talb qed nistennew it-twelid ta’ Ġesù, il-Prinċep tal-Paċi, nitolbu bil-qalb id-don tal-paċi għad-dinja kollha, speċjalment għall-popolazzjonijiet li l-aktar li qed ibatu minħabba l-kunflitti li għaddejjin.  Inġedded partikolarment l-appell tiegħi sabiex fl-okkażjoni tal-Milied Imqaddes, il-persuni maħtufin -saċerdoti, reliġjużi nisa urġiel, fidili lajċi – jinħelsu u jkunu jistgħu jerġgħu lura lejn djarhom.  Nitolbu għalihom.

Nixtieq ukoll niżgura lill-popolazzjoni tal-gżira ta’ Mindanao, fil-Filippini, li ntlaqtet minn tempesta li ħalliet għadd kbir ta’ vittmi u qerda, li qed nitlob għalihom.  Alla ħanin jilqa’ l-erwieħ tal-mejtin u jsabbar lil kull min qed ibati minħabba dit-traġedja.  Nitolbu għal dawn in-nies.

Insellmilkom ilkoll minn qalbi, fidili Rumani u pellegrini ġejjin minn inħawi differenti tad-dinja, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.

F’das-siegħat li jifirduna mill-Milied, nirrikmandalkom: sibu ftit ħin biex toqgħodu fis-skiet quddiem il-presepju, biex f’qalbkom taduraw il-misteru tal-veru Milied, dak ta’ Ġesù, li qed joqrob lejna bl-imħabba, bl-umiltà u t-tenerezza.

U f’dawk il-waqtiet, ftakru wkoll biex titolbu għalija.  Grazzi!  Il-Ħadd it-tajjeb u l-pranzu t-tajjeb.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber