Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 20,1-16) insibu l-parabbola tal-ħaddiema msejħin biex jaħdmu l-ġurnata, li Ġesù jirrakkonta biex juri żewġ aspetti tas-Saltna t’Alla: l-ewwel li Alla jrid isejjaħ lil kulħadd biex jaħdem għas-Saltna tiegħu; it-tieni li fl-aħħar mill-aħħar irid jagħti lil kulħadd l-istess ħlas, jiġifieri s-salvazzjoni, il-ħajja ta’ dejjem.

Sid l-għalqa tad-dwieli, li jirrappreżenta ll Alla, joħroġ filgħodu kmieni u jqabbad għadd ta’ ħaddiema jaħdmu l-għalqa tiegħu, jiftiehem magħhom is-salarju b’dinar għall-ġurnata: kien salarju ġust.  Imbagħad joħroġ ukoll fs-sigħat ta’ wara – ħames darbiet ħareġ dakinhar – sa waranofsinhar tard, biex iqabbad jaħdmulu ħaddiema oħra għax jara li ma kellhomx xogħol.  Fi tmiem il-jum, is-sid jordna li lil kulħadd jingħatalu dinar, anki lil dawk li kienu ħadmu ftit sigħat.  Naturlament, il-ħaddiema li kienu tqabbdu l-ewwel bdew igemgmu, għax jaraw li qed jitħallsu bl-istess mod kif tħallsu dawk li ħadmu anqas.  Iżda s-sid ifakkarhom li huma kienu ħadu skont il-ftehim; jekk imbagħad hu jrid ikun ġeneruż mal-oħrajn, huma ma kellhomx għalfejn jgħiru.

Fl-realtà, din “l-inġustizzja” tas-sid hi mmirata biex lil min jisma’ l-parabbola tipprovoka fih qabża fil-kwalità, għax hawnhekk Ġesù ma jridx jitkellem dwar il-problema tax-xogħol jew tas-salarju ġust, imma dwar is-Saltna t’Alla!  U l-messaġġ hu dan: fis-Saltna t’Alla m’hemmx nies qiegħda. Kulħadd hu msejjaħ jagħti l-kontribut tiegħu; u fl-aħħar għal kulħadd ikun hemm il-ħlas tal-ġustizzja divina – mhux dik umana, fortunatament għalina – jiġifieri s-salvazzjoni li Ġesù rebaħ għalina bil-mewt u l-qawmien tiegħu.  Salvazzjoni li ma tistħoqqliniex, imma hija għotja - is-salvazzjoni hi gratwita -, u għalhekk «tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel jiġu l-aħħar» (Mt 20,16).

B’dil-parabbola Ġesù jrid jiftħilna qlubna għal-loġika tal-imħabba tal-Missier, li hi gratwita u ġeneruża.  Ifisser li nħallu l-ħsibijiet u t-toroq t’Alla jsaħħruna, kif ifakkar il-Profeta Iżaija: dawn mhumiex il-ħsibijiet tagħna u lanqas it-toroq tagħna (cfr Iż 55,8).  Il-ħsibijiet umani spiss huma mmarkati bl-egoiżmu u l-vantaġġ personali, u t-toroq dojoq u l-mogħdijiet imħarbta tagħna ma jistgħux jitqabblu mat-toroq wesgħin u dritti tal-Mulej.  Hu juża l-ħniena – tinsewhx dan:  Hu juża l-ħniena -, jaħfer bil-bosta mimli bil-ġenerożità u t-tjubija li jxerred fuqna lkoll wieħed wieħed, waħda waħda, jiftaħ it-territorji bla tarf ta’ mħabbtu u tal-grazzja tiegħu li huma biss jistgħu jagħtu l-milja sħiħa tal-ferħ lill-qalb tal-bniedem.

Ġesù jrid iġegħelna nikkuntemplaw il-ħarsa ta’ dak is-sid: il-ħarsa li biha jħares lejn kull wieħed mill-ħaddiema li qed jistennew ix-xogħol, isejħilhom biex imorru fl-għalqa tad-dwieli tiegħu.  Hi ħarsa mimlija attenzjoni, kumpassjoni; hi ħarsa li ssejjaħ, tistedinna nqumu u nibdew mexjin għax hu jrid il-ħajja għal kull wieħed u waħda minna, irid ħajja sħiħa, impenjata, meħlusa mill-vojt tal-għażż.  Alla, li ma jeskludi lil ħadd, u li jrid li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu.  Din hi l-imħabba ta’ Alla tagħna, ta’ Alla tagħna li hu Missier.

Marija Santissma tgħinna biex f’ħajjitna nilqgħu il-loġika tal-imħabba li teħlisna mill-prużunzjoni li naħsbu l-ħlas mingħand Alla hu mertu tagħna, u mill-ġudizzju negattiv dwar l-oħrajn.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ, fl-Oklahoma City (fl-Istati Uniti) ġie dikjarat beatu, Stanley Francis Rother, saċerdot missjunarju, maqtul għall-mibgħeda lejn il-fidi minħabba l-opra ta’ evanġeliżżazzjoni li kien iwettaq u l-promozzjoni umana favur il-foqra tal-Gwatemala.  Jalla l-eżempju erojku tiegħu  jgħinna biex inkunu xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju, u biex nimpenjaw ruħna favur id-dinjità tal-bniedem.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-kor tal-Missjoni Kattolika Taljana f’Berna, lill-komunità Rumana tal-‘Comunione e Liberazione’, lill-fidili minn Villadossola, Offanengo u Nola.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber