Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-vanġelu ta’ dan il-Ħadd (Mt 16, 13-20) jġib is-silta magħrufa, li għandha post ċentrali fir-rakkont ta’ Mattew, li fih Xmun, f’isem it-Tnax, jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù bħala «Il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj»; u Ġesù jsejjaħ lil Xmun «hieni» għal din il-fidi tiegħu, għax fiha jagħraf grazzja speċjali tal-Missier, u jgħidlu: «Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi».

Ejjew nieqfu ftit fuq dan il-punt, fuq il-fatt li Ġesù jagħti lil Xmun dan l-isem ġdid: “Pietru”, li fil-lingwa ta’ Ġesù jinstema' “Kefa”, kelma li tfisser “blata”.  Fil-Bibbja din il-kelma, “blata”, tifferferi għal Alla.  Ġesù jagħtih lil Xmun mhux għall-kapaċitajiet tiegħu jew għall-kwalitajiet umani li kellu, imma għall-fidi ġenwina u sħiħa li kellu, fidi li ngħatatlu mill-għoli.

Ġesù jħoss f’qalbu ferħ kbir, għax jagħaraf fi Xmun l-id tal-Missier, il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Jagħraf li Alla l-Missier ta lil Xmun fidi li tista’ tafda, li fuqha Hu, Ġesù, se jkun jista’ jibni l-Knisja tiegħu, jiġifieri l-komunità tiegħu, jiġifieri aħna lkoll.  Ġesù għandu f’qalbu li jagħti l-ħajja lill-Knisja “tiegħu”, poplu li hu mwaqqaf mhux aktar fuq il-ġenerazzjoni tal-ġisem, imma fuq il-fidi, fi kliem ieħor mibni fuq ir-rapport li hemm bejnu u dawk li jemmnu fih, rapport ta’ mħabba u fiduċja.  Ir-rapport tagħna ma’ Ġesù jibni l-Knisja.  U għalhekk biex jibda din il-Knisja tiegħu Ġesù għandu bżonn isib fid-dixxipli fidi sħiħa, fidi “ta’ min jafdaha”.  Dan hu li għandu bżonn jaċċerta f’dan il-punt tal-mixja tiegħu.

Il-Mulej għandu f’moħħu xbiha ta’ bini, xbiha ta’ komunità qisha bini.  Dan hu għaliex, meta jisma’ l-istqarrija tal-fidi ċara ta’ Xmun, isejjaħlu “blata”, u juri r-rieda tiegħu li jibni l-Knisja tiegħu fuq din il-fidi.

Ħuti, dak li seħħ b’mod uniku f’Pietru, iseħħ ukoll f’kull nisrani li jkabbar fih fidi sinċiera f’Ġesù il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Il-vanġelu tal-lum isaqsi lil kull wieħed minnha wkoll.  Fejn tinsab il-fidi tiegħek?  Kull wieħed minna jagħti r-risposta fil-qalb tiegħu.  Fejn tinsab il-fidi tiegħek?  Kif se jsib il-qalb tagħna l-Mulej? Qalb sħiħa bħal blata jew qalb tar-ramel, jiġifieri qalb li ma tafdax u ma temminx?  Jagħmlilna tajjeb jekk tul il-ġurnata tal-lum naħsbu fuq dan.  Jekk il-Mulej isib fil-qalb tagħna fidi, ma ngħidx perfetta, imma sinċiera, ġenwina, allura fina wkoll Hu jsib blat ħaj li bih jista’ jibni l-komunità tiegħu.  F’din il-komunità il-blata tal-pedament hija Kristu, il-blata tax-xewka li hija unika.  Min-naħa tiegħu, Pietru huwa blata, bħala l-pedament viżibbli tal-għaqda tal-Knisja; imma kull mgħammed huwa mistieden joffri lil Ġesù il-fidi tiegħu, fqira imma sinċiera, sabiex Hu jkun jista’ jkompli jibni l-Knisja, illum, f’kull parti tad-dinja.

Fi żmienna wkoll ħafna nies jaħsbu li Ġesù hu profeta kbira, mgħallem tal-għerf, mudell tal-ġustizzja... u anke llum Ġesù jsaqsi lid-dixxipli tiegħu, jiġifieri lilna wkoll: «Imma intom, min tgħidu li jien?» .  X’se nwieġbu?  Naħsbuha sew.  Imma fuq kollox ejjew nitolbu lil Alla l-Missier, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija; nitolbuh itina l-grazzja li nwieġbu, b’qalb sinċiera: «Int il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj».  Din hija stqarrija ta’ fidi, dan huwa fil-fatt il-“kredu”.  Ejjew nirrepetuh tlett darbiet flimkien: «Int il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj».

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ

Għeżież ħuti,

illum ħsiebi jmur fuq kollox fl-art maħbuba tal-Ukraina, fejn illum tiġi ċċelebrata l-festa nazzjonali, naħseb fl-ulied kollha ta’ dan il-Pajjiż, għall-karba tagħhom għall-paċi u għall-hena, li dejjem huma mhedda minħabba sitwazzjoni ta’ tensjoni u ta’ konflitt li ma tridx tieqaf, li qed tikkawża tant tbatija fost il-poplu ċivili.  Ejjew nafdaw f’idejn il-Mulej Ġesù u f’idejn il-Madonna il-poplu kollu tal-Ukraina, u nitolbu flimkien b’mod speċjali għall-vittmi, għall-familji tagħhom, u għal dawk kollha li qed ibatu.  Irċevejt ittra mingħand Isqof li jitkellem fuq din it-tbatija kollha.  Ejjew nitolbu lill-Madonna għal din l-art maħbuba tal-Ukraina fil-jum tal-festa nazzjonali: Sliem għalik, Marija... Sultanta tal-paċi, itlob għalina!

Insellem lill-pellegrini Rumani kollha u lil dawk li ġew minn divversi Pajjiżi, b’mod partikulari l-insara ta’ Santiago de Compostela (Spanja), it-tfal ta’ Maipù (Ċile), iż-żgħażagħ ta’ Chiry-Ourscamp (Franza) u lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fil-laqgħa internazzjonali organizzata mid-djoċesi ta’ Palestrina.

Insellem minn qalbi s-seminaristi l-ġodda tal-Pontifical North American College, li waslu Ruma biex jibdew l-istudju tat-teoloġija.

Insellem is-sitt mitt żagħżugħ ta’ Bergamo, li ġew minn Assisi bil-mixi flimkien mal-Isqof tagħhom fil-pellegrinaġġ “Mingħand Franġisku għal għand Franġisku”, kif hemm miktub hemm fuq dik l-istrixxa.  Kemm intom tajbin intom il-Bergamaschi!  Ilbieraħ filgħaxija l-isqof tagħkom flimkien ma’ saċerdot li ġie magħkom, irrakkuntali kif għextu dawn il-ġranet ta’ pellegrinaġġ: nifirħikom!  Għeżież żgħażagħ, morru lura lejn djarkom mimlijin ħeġġa biex tkunu xhieda quddiem kulħadd tal-ġmiel tal-fidi nisranija.  Insellem iż-żgħażagħ ta’ Verona, Montegrotto Terme u ta’ Valle Liona, kif ukoll l-insara ta’ Giussano u Bassano de Grappa.

Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija. Nixtieqilkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

  

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.