Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Luqa 11,1-13), jiftaħ bix-xena ta’ Ġesù li qed jitlob waħdu, imwarrab; meta jispiċċa, id-dixxipli jistaqsuh: «Mulej, għallimna nitolbu» (v. 1); u Hu jwieġeb: «Meta titolbu, għidu: “Missierna..” (v. 2).  Dil-kelma hi s-sigriet tat-talba ta’ Ġesù, hi l-muftiħ li Hu stess itina biex inkunu nistgħu nidħlu aħna wkoll f’dik ir-relazzjoni ta’ djalogu u kunfidenza mal-Missier, li lillu akkumpanjaH u rifidli ħajtu kollha.

Mal-invokazzjoni “Missierna”, Ġesù jżid żewġ petizzjonijiet oħra: «jitqaddes ismek, tiġi saltnatek» (v. 2).  It-talba ta’ Ġesù għalhekk hi talba nisranija, qabel kollox hi talba li tagħmel il-wisa’ għal Alla, tħallih juri qdusitu kollha fina u jseddaq is-saltna tiegħu, ibda mill-possibiltà li jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ mħabba, f’ħajjitna.

Hemm tliet talbiet oħra li jintegraw dit-talba li jgħallimna Ġesù, “il-Missierna”.  Huma tliet mistoqsijiet li jesprimu l-ħtiġijiet fundamentali tagħna:  il-ħobż, il-maħfra u l-għajnuna waqt it-tentazzjoni (cfr vv. 3-4).  Il-ħobż li Ġesù jgħidilna biex nitolbu għalih hu dak meħtieġ, mhux żejjed; hu l-ħobż tal-pellegrini, dak li hu biżżejjed, ħobż li ma jinħażinx u ma jispiċċax moħli, li ma jtaqqalx il-mixja tagħna.  Il-maħfra, qabel kollox hi dik li aħna stess nirċievu mingħand Alla: hu biss meta aħna nagħrfu li aħna midinbin maħfura mill-ħniena divina infinita, li jista’ jkollna l-ħila nagħmlu ġesti konkreti ta’ rikonċiljazzjoni fraterna.  Jekk bniedem ma jħossux li hu midneb maħfur, qatt ma jista’ jwettaq ġest ta’ maħfra jew rikonċiljazzjoni.  Nibdew mill-qalb, il-post fejn inħossu li aħna midinbin maħfura.  L-aħħar talba, «la ddaħħalniex fit-tiġrib», tesprimi li aħna nagħrfu l-kundizzjoni tagħna, dejjem miftuħa għall-perikli moħbija tal-ħażen u l-korruzzjoni.  Ilkoll kemm aħna nafu x’inhi t-tentazzjoni!

It-tagħlima ta’ Ġesù dwar it-talb tkompli b’żewġ parabboli, li bihom Hu jieħu bħala mudell l-atteġġjament ta’ ħabib fil-konfront ta’ ħabib ieħor u dik ta’ missier fil-konfront ta’ ibnu (cfr vv. 5-12).  It-tnejn iridu jgħallmuna li għandu jkollna fiduċja sħiħa f’Alla, li hu Missier.  Hu jaf, aktar milli nafu aħna stess, x’neħtieġu, imma jrid li aħna nippreżentawlu dawn il-ħtiġijiet bil-kuraġġ u bl-insistenza, għax dan hu l-mod li bih aħna nipparteċipaw fl-opra tas-salvazzjoni tiegħu.  It-talb hu l-ewwel u “l-istrument tal-ħidma” prinċipali, li għandna f’idejna!  Li ninsistu ma’ Alla ma jiswiex biex nikkonvinċuH, imma biex insaħħu l-fidi tagħna u l-paċenzja tagħna, jiġifieri l-ħila li għandna li nitqabdu flimkien ma’ Alla għall-ħwejjeġ l-aktar importanti.

Fost dawn hemm waħda, l-akbar ħaġa u l-aktar importanti li jgħidilna Ġesù llum fl-Evanġelju, imma li aħna kważi qatt ma nitolbuhielu, u hija l-Ispirtu s-Santu.  Agħtini “l-Ispirtu s-Santu!”  U Ġesù jgħid: «Jekk intom, nies ħżiena, tafu tagħtu hwejjeġ tajbin lil uliedkom, kemm aktar Missierkom li hu fis-sema jagħti l-Ispirtu s-Santu lil dawk li jitolbuhulu!» (v. 13).  L-Ispirtu s-Santu!  Aħna għandna nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fina.  Imma għalfejn iservi l-Ispirtu s-Santu?  Iservi biex aħna ngħixu tajjeb, biex ngħixu bil-għaqal u l-imħabba, nagħmlu r-rieda t’Alla.  Kemm tkun sabiħa matul dil-ġimgħa t-talba li kull wieħed u waħda minna jitlob lill-Missier: “Missier, agħtini l-Ispirtu s-Santu!”  Il-Madonna turina dan bl-eżistenza tagħha, kollha kemm hi mħeġġa mill-Ispirtu ta’ Alla.  Jalla tgħinna Hi nitolbu ‘l-Missier magħqudin ma’ Ġesù, biex ma ngħejxux ħajja mondana, imma skont l-Evanġelju, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu.

APPELL

Fdawn is-siegħat, l-ispirtu tagħna hu mikdud minħabba aħbarijiet ta’ swied il-qalb ta’ atti kundannabbli ta’ terroriżmu u vjolenza li nisslu dwejjaq u mewt.  Qed naħseb fl-avvenimenti drammatiċi ta’ Monaco, fil-Ġermanja u Kabul ,fl-Afganistan, fejn bosta persuni innoċenti tilfu ħajjithom.

Jien qiegħed qrib tal-familjari tal-vittmi u tal-feruti.  Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb biex il-Mulej inissel f’kulħadd intenzjonijiet ta’ ġid u fraternità.  Aktar ma jidhru bla soluzzjoni d-diffikultajiet u mdallma l-prospettivi tas-sigurtà u l-paċi, aktar għandu jkun insistenti t-talb tagħna.

* * *

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

F’dal jiem, bosta żgħażagħ, minn kull rokna tad-dinja, sejrin lejn Krakovja fejn se jitlaqqa’ l-XXXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Jien ukoll se nmmur hemm nhar l-Erbgħa li ġej, biex niltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ u magħhom u għalihom niċċelebra l-Ġublew tal-Ħniena bl-interċessjoni ta’ San Ġwanni Pawlu II.  Nitlobkom tkunu magħna bit-talb.  Minn issa nsellem u nirringrazzja lil kull min qed jaħdem biex jilqa’ lil dawn il-pellegrini żgħażagħ, flimkien ma’ għadd kbir ta’ isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi.  Ħsieb speċjali jmur lejn tant żgħażagħ oħra, li ma jistgħux ikunu preżenti personalment u li se jsegwu dan l-avveniment permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Ilkoll se nkunu magħqudin bit-talb!

U issa nsellem lilkom, għeżież pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Partikolarment insellem lill-pellegrini li ġew minn São Paulo u São João de Boa Vista fil-Brażil; lil-kor “Giiuseppe Denti” minn Cremona; u lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ bir-roti minn Piumazzo sa Ruma, li hu mseddaq mill-impenn għas-solidarjetà.  Insellem liż-żgħażagħ minn Valperga u Pertusio Canavese, f’Torin: komplu ppruvaw għejxu u mhux teżistu, kif għandkom miktub fuq il-flokk li intom lebsin.

Lil kulħadd nawgura l-Ħadd it-tajjeb.   U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber