Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum il-Liturġija tistedinna niċċelebraw il-festa tat-twelid ta’ San Ġwanni l-Għammiedi.  It-twelid tiegħu hu avveniment li jdawwal il-ħajja tal-ġenituri tiegħu Eliżabetta u Żakkarija, u flimkien magħhom jistgħġbu l-qraba u l-ġirien.  Dawn il-ġenituri anzjani kienu ħolmu u tħejjew ukoll għal dak il-jum, imma issa kienu qatgħu qalbhom jistennew: kienu jħossuhom esklużi, umiljati, delużi: ma kellhomx tfal.  Quddiem it-tħabbira tat-twelid ta’ iben (cfr Lq 1,13), Żakakrija ma riedx jemmen, għax il-liġijiet naturali ma kienux jippermetulu dan: kienu xjuħ;  u minħabba f’hekk il-Mulej immutah għaż-żmien  kollu tat-tqala (cfr. v. 20).  Huwa sinjal.  Imma Alla ma jddependix mil-loġika tagħna, u mill-limitazzjonijiet tal-ħiliet umani.  Jeħtieġ nitgħallmu nisktu quddiem il-misteru ta’ Alla u nikkuntemplaw fis-skiet l-opri tiegħu, li jidhru fl-istorja u li tant drabi jisbqu l-immaġinazzjoni tagħna.

U issa l-avveniment iseħħ, issa Eliżabetta u Żakkarija jindunaw li “għal Alla xejn mhu impossibbli” (Lq 1,37).  Il-paġna evanġelika tal-lum (Lq 1,57-66.80) tħabbar it-twelid u mbagħad tieqaf fuq l-isem li kellu jingħata lit-tifel.  Eliżabetta tagħżel isem imbarri mit-tradizzzjoni tal-familja u tgħid: “Ismu jkun Ġwanni” (v. 60), rigal gratwit li s’issa ma kienx mistenni, għax Ġwanni tfisser “Alla għamel grazzja”.  U dat-tifel se jkun ħabbâr, xhud tal-grazzja t’Alla mal-foqra li b’fidi umli jistennew is-salvazzjoni tiegħu.  Bla mistenni, Żakkarija jikkonferma l-għażla ta’ dak l-isem u jiktbu fuq parċmina – għax kien mutu – u “f’dak il-waqt fommu nfetaħlu u ħall ilsienu, beda jitkellem normalment, u beda jbierek lil Alla (v. 64).

L-avveniment kollu tat-twelid ta’ Ġwanni l-Għammiedi hu mdawwar b’sens ta’ stagħġib ferrieħ, sorpriża u gratitudni.  Stagħġib, sorpriża, gratitudni.  In-nies qabadhom biża’ qaddis ta’ Alla u “madwar l-għoljiet kollha tal-Lhudija kienu jxerrdu dawn il-ġrajjiet kollha (v. 65).  Ħuti, il-poplu fidil fehem li kienet saret ġrajja kbira, minkejja li umli u moħbija, u bdew jistaqsu lilhom infushom: “X’għad ikun dat-tifel? (v. 66).  Il-poplu fidil lejn Alla għandu ħila jgħejx il-fidi bil-ferħ, b’sens ta’ stagħġib, ta’ sorpriża u bil-gratitudni.  Inħarsu lejn dawn in-nies li kliemhom dwar dil-ħaġa meraviljuża, dwar dal-miraklu tat-twelid ta’ Ġwanni, kien kliem sabiħ, kienu jitkellmu bil-ferħ, kienu henjin, mimlijin b’sens ta’ stagħġib, ta’ sorpriża, ta’ gratitudni.  U aħna u nħarsu lejhom nistaqsu lilna nfusna: kif inhi l-fidi tiegħi”  Hi fidi ferrieħa, jew fidi dejjem l-istess, fidi “ċatta”?  Inħoss sens ta’ stagħġib meta nara l-opri tal-Mulej, meta nisma’ min jitkellem dwar l-evanġeliżżazzjoni jew dwar il-ħajja ta’ xi qaddis, jew meta nara tant nies twajba: inħoss il-grazzja ġewwa fija, jew xejn ma jiċċaqlaq ġewwa qalbi?  Naf inħoss il-faraġ tal-Ispirtu jew jien qalbi magħluqa.  Nistaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna, waqt l-eżami tal-kuxjenza: Kif inhi l-fidi tiegħi”  Hi ferrieħa?  Hi miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla?  Għax Alla hu Alla tas-sorpriżi.  Ir-ruħ tiegħi “daqet” dak is-sens ta’ gratitudni?  Naħsbu f’dawn il-kelmiet, li huma l-ispirtu kollu tal-fidi: ferħ, sens ta’ stagħġib, sens ta’ sorpriża u gratitudni.

Il-Verġni Mqaddsa tgħinna nifhmu li f’kull persuna umana hemm it-timbru ta’ Alla, għajn tal-ħajja.  Hi, Omm Alla u ommna, iġġibna dejjem aktar konxji li fit-tnissil ta’ wild, il-ġenituri huma dejjem kollaboraturi ta’ Alla.  Missjoni verament sublimi li lil kull familja tagħmilha santwarju tal-ħajja u terġa’ tqanqal – kull twelid ta’ tarbija – il-ferħ, l-istagħġib, il-gratitudni.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Asunción (il-Paragwaj), ġiet dikjarata Beata, Maria Felicia di Ġesù Sacramentato, imwielda Maria Felicia Guggiari Echeverría, soru tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi, li missierha kien isejħilha, u  llum l-istess jagħmel il-poplu tal-Paragwaj, “Chiquitunga”.  Hi għexet fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, ingħaqdet bl-entużjażmu mal-Azzjoni Kattolika u kienet tieħu ħsieb l-anzjani, il-morda u l-ħabsin.  Din l-esperjenza għammiela ta’ appostolat, sostnuta ta’ kuljum mill-Ewkaristija, warrdet bil-konsagrazzjoni tagħha lill-Mulej.  Mietet ta’ 34 sena u aċċettat il-marda li kellha bis-serenità.  Ix-xhieda ta’ dil-Beata żgħażugħa hi stedina għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment il-Paragwajani, biex jgħejxu ħajjithom bil-ġenerożità, bil-manswetudni u l-ferħ.  Insellmu liċ-“Chiquitunga” b’applaws u flimien magħha lill-poplu kollu tal-Paragwaj!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!  B’mod partikolari li dawk ġejjin minn Hannover u  Osnabrück, fil-Ġermanja, u lil dawk ġejjin mis-Slovakkja.

Insellem lill-komunità Rumena tal-Italja; lill-fidili minn Enna, Paternò, Rosolini u San Cataldo; lill-grupp taċ-ċiklisti minn Sesto San Giovanni.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber